Kawża C-213/09
Barsoum Chabo
vs
Hauptzollamt Hamburg-Hafen
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg)
“Unjoni doganali — Regolament (KE) Nru 1719/2005 — Tariffa doganali komuni — Irkupru ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni — Importazzjoni ta’ prodotti tal-ikel ipproċessati — Faqqiegħ ippreservat — Subintestatura NM 2003 10 30 — Ġbir ta’ ammont addizzjonali — Prinċipju ta’ proporzjonalità”
Sommarju tas-sentenza
Tariffa doganali komuni — Dazji doganali — Kwoti tariffarji Komunitarji
(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Anness I; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 1864/2004 u Nru 1719/2005)
L-ammont tad-dazju doganali speċifiku ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott, applikabbli skont ir-Regolament Nru 1719/2005, li jemenda l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, li jinġabar fuq l-importazzjonijiet ta’ faqqiegħ ippreservat tal-ġeneru Agaricus li jaqa’ taħt is-subintestatura 2003 10 30 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-imsemmi anness, imwettqa barra mill-kwota miftuħa mir-Regolament Nru 1864/2004, li jiftaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji għal faqqiegħ ippreservat importat minn pajjiżi terzi, kif emendat bir-Regolament Nru 1995/2005, huwa validu fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Fil-fatt, sabiex tiġi evalwata l-validità tal-ammont tad-dazju doganali speċifiku, li għandu għanijiet kemm ta’ politika kummerċjali komuni kif ukoll ta’ politika agrikola komuni, għandu jiġi evalwat jekk dan l-ammont jikkostitwixxix miżura manifestament sproporzjonata sabiex jintlaħqu l-għanijiet iċċitati. F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-kumplessità inerenti għad-determinazzjoni minn qabel, fil-kuntest tan-negozjati fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), tal-livell tad-dazju doganali speċifiku li minnu dawn l-istess importazzjonijiet ma jibqgħux daqstant ekonomikament vantaġġjużi, ma jistax jiġi allegat li l‑istituzzjonijiet tal-Unjoni kkonċernati eċċedew il-limitu tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħhom fil-qasam billi stabbilixxew l-ammont tad-dazju doganali massimu tal-Unjoni għal EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott. Għalhekk, dan l-ammont ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa manifestament sproporzjonat. Bl-istess mod, mill-fatt li l-ammont tad-dazju doganali speċifiku għandu bħala effett li jċaħħad l-importazzjonijiet, barra minn kwoti tariffarji, minn kull prospett ta’ qligħ ekonomiku, ma jistax jiġi dedott li dan l-ammont huwa manifestament spoporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet mixtieqa, peress li, skont il-prinċipju tan-nazzjon l-iktar favorit imsemmi fl-Artikolu 1 tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994, ma huwiex permess li jiġi stabbilit dazju doganali speċifiku fuq livell li huwa differenti f’kull każ fir-rigward ta’ kull membru tad-WTO. Għalhekk, l-argument li l-livell tad-dazju doganali speċifiku kkontestat jipprekludi l-bejgħ, fl-Unjoni, ta’ faqqiegħ li joriġina minn pajjiż terz partikolari, fid-dawl tal-ispejjeż tal-produzzjoni tiegħu, ma jistax juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni eċċeda s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu billi stabbilixxa l- ammont tad-dazju doganali speċifiku għal EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott, li huwa applikabbli fuq importazzjonijiet, barra minn kwoti tariffarji, li joriġinaw mill-Istati Membri kollha tad-WTO.
(ara l-punti 27, 31-35 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
25 ta’ Novembru 2010 (*)
“Unjoni doganali – Regolament (KE) Nru 1719/2005 – Tariffa doganali komuni – Irkupru ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni – Importazzjoni ta’ prodotti tal-ikel ipproċessati – Faqqiegħ ippreservat – Subintestatura NM 2003 10 30 – Ġbir ta’ ammont addizzjonali – Prinċipju ta’ proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑213/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ġunju 2009, fil-proċedura
Barsoum Chabo
vs
Hauptzollamt Hamburg-Hafen,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, G. Arestis (Relatur) u J. Malenovský, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ April 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal B. Chabo, minn M. Ehninger, avukat,
– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,
– għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Simm u F. Florindo Gijón, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Bouyon u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Ġunju 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 286, p. 1), fir-rigward tal-livell tal-ammont addizzjonali stabbilit fuq l-importazzjoni, barra minn kwoti tariffarji, ta’ merkanzija kklassifikata fis-subintestatura 2003 10 30 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-imsemmi anness.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn B. Chabo u l-Hauptzollamt Hamburg-Hafen rigward il-fatt li dan tal-aħħar ċaħad ilment intiż li jikkontesta l‑ħlasijiet ta’ ammonti addizzjonali li ntalbu minn din l-amministrazzjoni abbażi tar-Regolament Nru 1719/2005.
Il-kuntest ġuridiku
3 Skont il-Kapitolu 20 tat-Taqsima IV tat-Tieni Parti tal-Anness I tiegħu, ir‑Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in‑nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament Nru 1719/2005 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2658/87”), jissuġġetta l-importazzjoni, barra minn kwoti tariffarji, ta’ faqqiegħ tal-ġeneru Agaricus, ħlief dawk ippreservati provviżorjament, li huma msajrin kompletament, u li jaqgħu taħt is-subintestatura 2003 10 30 tan-Nomenklatura Magħquda, għall-ġbir ta’ dazju doganali konvenzjonali ad valorem ta’ 18.4 % kif ukoll għall-ammont addizzjonali, bħala dazju doganali speċifiku, ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott.
4 Fl-Anness 7 tat-Taqsima III tat-Tielet Parti tal-Anness I tiegħu, l-imsemmi regolament jipprovdi kwoti tariffarji Komunitarji ta’ kwantità ta’ 62 660 tunnellati ta’ piż xott favur faqqiegħ tal-ġeneru Agaricus, sa liema kwantità l-importazzjoni ta’ faqqiegħ li jaqa’ taħt is-subintestatura 2003 10 30 tan-Nomenklatura Magħquda huwa suġġett biss għall-ġbir ta’ dazju doganali ad valorem ta’ 23 %. Dawn il-kwoti jinqasmu bejn il-pajjiżi fornituri b’mod li l-kwantità allokata lill-pajjiżi l-oħra minbarra r-Repubblika tal-Polonja hija stabbilita għal 28 780 tunnellati ta’ piż xott.
5 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1864/2004, tas-26 ta’ Ottubru 2004, li jiftaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji għal faqqiegħ ippreservat importat minn pajjiżi terzi (ĠU L 325, p. 30), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1995/2005, tas-7 ta’ Diċembru 2005 (ĠU L 230, p. 34, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1864/2004”), jistabbilixxi kwoti tariffarji Komunitarji favur faqqiegħ tal-ġeneru Agaricus ippreservat, sa liema kwoti l‑importazzjoni ta’ faqqiegħ ippreservat li jaqa’ taħt is-subintestatura 2003 10 30 tan-Nomenklatura Magħquda huwa, bħala prinċipju, suġġett biss għall-ġbir ta’ dazju doganali ad valorem ta’ 23 %. Mill-Anness I ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2006, dawn il-kwoti jirrigwardaw kwantità totali ta’ 30 702.5 tunnellati ta’ piż nett xott, li 23 750 tunnellati minnhom huma allokati għar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.
6 Il-ġbir tal-imsemmija dazji u l-ftuħ tal-imsemmija kwoti jikkostitwixxu traspożizzjoni fid-dritt tal-Unjoni Ewropea tal-impenji internazzjonali meħuda mill-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-importazzjoni tal-imsemmija merkanzija. Dawn huma espressament elenkati fil-lista Komunitarja CXL ta’ konċessjonijiet u ta’ impenji, li hija parti integrali mill-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l‑Kummerċ tal-1994 (iktar ’il quddiem il-“GATT tal-1994”), li jinsab fl-Anness 1 A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il konklużjoni f’isem il Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ Negozjati Multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).
7 Fl-imsemmi Anness 1 A hemm inkluż ukoll il-ftehim dwar il-biedja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21. p. 105), li l-Artikolu 4 tiegħu, intitolat “L-aċċess għas-swieq”, jipprovdi:
“1. Il-konċessjonijiet għall-aċċess għas-swieq li jinsabu fl-Iskedi għandhom xjaqsmu mar-rbit u t-tnaqqis tat-tariffi, u għal impenji oħra ta’ aċċess għas-swieq kif speċifikati fihom.
2. Il-Membri ma għandhom iżommu, jinqdew jew jerġgħu lura għall-ebda miżura tal-kwalità li tkun ġiet meħtieġa li tiġi kkonvertita f’dazji ordinarji tad-dwana [...], għajr jekk ipprovvdut xorta oħra fl-Artikolu 5 u l-Anness 5.”
8 F’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1, imsemmija fl-Artikolu 4(2) tal-ftehim imsemmi, tipprovdi kif ġej:
“Dawn il-miżuri jinkludu restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet, ġbir ta’ taxxi varjabbli fuq l-importazzjonijiet, prezzijiet minimi ta’ l-importazzjonijiet, liċenzji diskrezzjonali ta’ l-importazzjonijiet, miżuri mhux ta’ tariffa miżmuma permezz ta’ l-intrapriżi li jappartjienu għall-kummerċ ta’ l-Istat, trażżin volontarju fuq l-esportazzjonijiet, u miżuri oħra simili ta’ fuq il-fruntiera għajr id-dazji ordinarji tad-dwana, sewwa jew le jekk il-miżuri jinżammu skond derogi speċifiċi għall-pajjiż mid-dispożizzjonijiet tal-[Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l‑Kummerċ tal-1947], imma mhux miżuri miżmuma skond id-dispożizzjonijiet tal-bilanċ tal-pagamenti jew skond dispożizzjonijiet oħra ġenerali mhux speċifiċi għall-biedja tal-GATT 1994 jew ta’ Ftehimijiet Kummerċjali Multilatrali oħra fl-Anness 1A mal-Ftehim [li jistabbilixxi] il-WTO.”
9 Barra minn hekk, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005, tas-27 ta’ Ġunju 2005, li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati (ĠU 2010 L 238M, p. 256), ir-rata ta’ dazju doganali ad valorem ta’ 18.4 % applikabbli għall-importazzjoni, barra minn kwoti tariffarji, ta’ faqqiegħ li jaqa’ taħt is-subintestatura 2003 10 30 tan-Nomenklatura Magħquda, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, u li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, hija mnaqqsa għal 14.9 %. Madankollu, skont l-Artikolu 7(5) ta’ dan ir‑regolament, l-ammont addizzjonali ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott li, skont il-każ, għandu jinġabar fuq tali importazzjoni ma huwiex suġġett għal tnaqqis.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
10 Fis-6 ta’ Marzu 2006, B. Chabo talab li jiġu rilaxxati fis-suq 1 000 kartuna ta’ faqqiegħ ippreservat importat, barra minn kwoti tariffarji, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Peress li ddikjara li tali merkanzija kienet taqa’ taħt is‑subintestatura 2003 90 00 tan-Nomenklatura Magħquda inkluża fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, ir-rilaxx doganali seħħ billi ġiet applikata biss rata ta’ dazju doganali preferenzjali ta’ 14.9 %, skont l-imsemmi anness, moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 980/2005.
11 Wara li sar rapport ta’ klassifikazzjoni tal-merkanzija, ġie kkonstatat li, fir-realtà, l-imsemmija prodotti ppreservati kienu jaqgħu taħt is-subintestatura 2003 10 30 tan-Nomenklatura Magħquda. Konsegwentement, permezz ta’ avviż tat-taxxa tal-21 ta’ Frar 2007, il-Hauptzollamt Hamburg-Hafen talab l-irkupru a posteriori ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni ta’ ammont totali ta’ EUR 27 507.13, b’rata ta’ dazju doganali preferenzjali ta’ 14.9 %, flimkien mall-ġbir ta’ ammont addizzjonali ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott, skont l‑Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) u (5) tar-Regolament Nru 980/2005.
12 Fil-5 ta’ Marzu 2007, B. Chabo ressaq ilment kontra dan l-avviż, li ġie miċħud b’deċiżjoni tas-7 ta’ Diċembru 2007.
13 Fid-9 ta’ Jannar 2008, B. Chabo ppreżenta rikors għall-annullament ta’ din id‑deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht Hamburg. Huwa kkunsidra li l‑impożizzjoni ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni inkluża fl-imsemmi avviż hija illegali, b’mod partikolari peress li l-ammont stabbilit huwa ekwiparabbli għal projbizzjoni ta’ importazzjoni. Min-naħa tiegħu, il-Hauptzollamt Hamburg-Hafen isostni li dan l-ammont huwa bbażat fuq it-tariffa doganali komuni applikabbli għall-merkanzija li taqa’ taħt is-subintestatura 2003 10 30 tan-Nomenklatura Magħquda inkluża fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 u li hemm inkwistjoni dazji doganali normali la ma humiex ekwiparabbli għal projbizzjoni ta’ importazzjoni, iżda jikkostitwixxu pjuttost protezzjoni tariffarja leġittima.
14 F’dan ir-rigward, il-Finanzgericht Hamburg ikkonstatat, l-ewwel nett, li l-faqqiegħ ippreservat inkwistjoni kien jaqa’ taħt is-subintestatura 2003 10 30 tan-Nomenklatura Magħquda peress li dan kien effettivament faqqiegħ tal-ġeneru Agaricus, differenti minn dak ippreservat provviżorjament, u li kien imsajjar kompletament.
15 It-tieni nett, billi rreferiet għas-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 1991, Wünsche (C‑26/90, Ġabra p. I‑4961), u tal-4 ta’ Lulju 1996, Pietsch (C‑296/94, Ġabra p. I‑3409), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità l-livell ta’ ammont addizzjonali li, meta seħħew il-fatti, kien applikabbli fuq importazzjoni ta’ faqqiegħ ikkoltivat jew ippreservat skont il‑leġiżlazzjoni dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-prodotti pproċessati abbażi ta’ frott u ħaxix, il-Finanzgericht Hamburg sostniet li kellha dubji dwar il-validità tal-ammont ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott, stabbilit fuq l-importazzjoni, barra minn kwoti tariffarji, ta’ merkanzija kklassifikata fis-subintestatura 2003 10 30 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87.
16 Billi qieset, l-aħħar nett, li l-kwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tiddependi fuq il‑kwistjoni dwar jekk ir-rata ta’ dazju doganali preferenzjali ta’ 14.9 %, flimkien ma’ ammont addizzjonali ta’ EUR 222 għal kull kilogramma ta’ piż nett xott, kinitx valida u għalhekk, setgħetx tapplika fil-kawża prinċipali, il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-ammont addizzjonali ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramm ta’ piż nett xott tal-prodott, miġbur fuq l-importazzjoni ta’ faqqiegħ ippreservat tal-ġeneru Agaricus (Kodiċi NM 2003 10 30), li huwa riżervat għall-pajjiżi terzi u li jirriżulta mit-tariffa preferenzjali, huwa vvizzjat bin-nullità minħabba li jmur kontra l‑prinċipju ta’ proporzjonalità?”
Fuq id-domanda preliminari
17 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l‑ammont tad-dazju doganali speċifiku ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott, applikabbli skont ir-Regolament Nru 1719/2005, li huwa impost fuq importazzjonijiet ta’ faqqiegħ ippreservat tal-ġeneru Agaricus li jaqa’ taħt is‑subintestaura 2003 10 30 tan-Nomenklatura Magħquda li seħħew barra mill-kwota miftuħa mir-Regolament Nru 1864/2004, huwiex validu fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
18 Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet tal-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni fl-oqsma bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, li jimplikaw min-naħa tiegħu għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom huwa meħtieġ iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi, hija biss in-natura manifestament sproporzjonata ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, meta mqabbla mal-għanijiet li l-istituzzjonijiet kompetenti għandhom l-intenzjoni jsegwu, li tista’ taffettwa l‑legalità ta’ tali miżura (ara sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et, C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, Ġabra p. I‑10423, punt 69, kif ukoll tat-12 ta’ Jannar 2006, Agrarproduktion Staebelow, C-504/04, Ġabra p. I-679, punt 36).
19 Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel jiġu identifikati l-għanijiet mixtieqa mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni sabiex sussegwentement jiġi ddeterminat jekk l-ammont tad-dazju doganali speċifiku kkontestat fil-kawża prinċipali huwiex manifestament sproporzjonat sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.
20 Għandu jiġi rrilevat qabelxejn li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija komposta minn diversi strumenti ġuridiċi interdipendenti li jiffurmaw sistema globali applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ faqqiegħ ippreservat tal-ġeneru Agaricus li jaqa’ taħt is-subintestatura 2003 10 30 tan-Nomenklatura Magħquda. Għaldaqstant, l‑ammont tad-dazju doganali speċifiku kkontestat fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi biss element inerenti ta’, u inseparabbli minn, din is-sistema.
21 Fil-fatt, l-imsemmija sistema tipproġetta ruħha bħala r-riżultat ta’ interazzjoni bejn l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 kif ukoll ir-Regolament Nru 980/2005, li jistabbilixxu rispettivament it-tariffa doganali komuni u l-iskema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati, minn naħa, u r-Regolament Nru 1864/2004, li jirregola l‑kwoti tariffarji, min-naħa l-oħra. Id-dazji doganali konvenzjonali u speċifiċi, kif jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) u (5) tar-Regolament Nru 980/2005, jinġabru biss, skont dan l-anness, fuq l-imsemmija importazzjonijiet ta’ prodotti ppreservati fil-każ li dawn jitwettqu barra mill-kwota tariffarja miftuħa minn dan ir-Regolament Nru 1864/2004.
22 B’mod partikolari, minn naħa, l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 u r‑Regolament Nru 980/2005 jaqgħu taħt il-qasam tal-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-bażi legali li fuqha ġew adottati, u għalhekk, l-għanijiet li huma jfittxu huma partikolari għal dan il-qasam.
23 Għalhekk, l-ammont tad-dazju doganali speċifiku kkontestat fil-kawża prinċipali inkluż fl-imsemmi anness jikkostitwixxi traspożizzjoni leali fid-dritt tal-Unjoni tal-impenji internazzjonali meħuda minnha fil-kuntest tad-WTO. Fir-realtà, dan l‑ammont jikkorrispondi mal-ammont massimu awtorizzat li l-Unjoni aċċettat fil-lista ta’ konċessjonijiet u impenji, annessa mal-GATT tal-1994. Barra minn hekk, din il-lista tikkorrispondi mal-għan ta’ titjib tal-aċċess għas-swieq agrikoli tal-membri tal-imsemmija organizzazzjoni, liema għan huwa mfittex mill-ftehim dwar il-biedja u, b’mod partikolari, mal-għan imfittex mill-Artikolu 4 ta’ dan il‑ftehim, li huwa intiż, permezz ta’ proċess ta’ tariffi, li jorganizza dan l-aċċess b’mod iktar trasparenti u prevedibbli billi jeżiġi l-bidla tal-miżuri kollha kummerċjali mhux tariffarji mal-fruntiera fis-settur agrikolu, li issa huma pprojbiti, f’dazji doganali kkonsolidati.
24 Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta wkoll mill-bażi legali li fuqha ġie adottat, ir‑Regolament Nru 1864/2004, li jistabbilixxi kwoti tariffarji għal faqqiegħ ippreservat importat minn pajjiżi terzi, jaqa’, min-naħa tiegħu, fil-qasam tal-politika agrikola komuni u, għalhekk, ifittex għanijiet partikolari għal dan il‑qasam marbuta mal-organizzazzjoni tas-suq komuni kkonċernat. Dan ir‑regolament ifittex, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 10 tiegħu, li jiżgura provvista suffiċjenti fis-suq tal-Unjoni ta’ prodotti partikolari bi prezzijiet stabbli billi jevita distorsjonijiet tal-imsemmi suq fil-forma ta’ ċaqliq kbir fil-prezzijiet u effetti negattivi għall-produtturi tal-Unjoni, ikkawżati jew li jistgħu jiġu kkawżati minn importazzjonijiet eċċessivi tal-imsemmija prodotti minn pajjiżi terzi.
25 Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1864/2004 jissodisfa wkoll l-għanijiet ta’ politika kummerċjali komuni sa fejn, kif jirriżulta mill-premessa 1 tiegħu, huwa jittrasponi fid-dritt tal-Unjoni l-impenji internazzjonali, meħuda minnha wara l‑ftehim dwar il-biedja u elenkati fil-lista Komunitarja CXL tal-konċessjonijiet u tal-impenji, li jinfetħu, taħt ċerti kundizzjonijiet u mill-1 ta’ Lulju 1995, kwoti tariffarji Komunitarji għall-faqqiegħ ippreservat tal-ġeneru Agaricus li jaqa’ taħt is-subintestatura 2003 10 30 tan-Nomenklatura Magħquda. Barra minn hekk, dawn l-impenji huma meħuda inkunsiderazzjoni fl-Anness 7 tat-Taqsima III tat-Tielet Parti tal-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87.
26 Kif jirriżulta mill-premessa 9 tiegħu, ir-Regolament Nru 1864/2004 huwa intiż, barra minn hekk, li jiddefinixxi r-regoli li jiggarantixxu li l-kwantitajiet li jeċċedu l-kwoti tariffarji jkunu suġġetti għall-ġbir tad-dazju sħiħ stabbilit għat-tariffa doganali komuni. Minn dan isegwi li l-ammont tad-dazju doganali speċifiku kkontestat fil-kawża prinċipali applikabbli fuq importazzjonijiet ta’ dawn il-priservi minn pajjiżi terzi li jeċċedu l-kwantitajiet awtorizzati minn dan ir‑regolament ifittex ukoll, min-naħa tiegħu, l-għanijiet ta’ politika agrikola komuni intiżi li jiskoraġġixxu ekonomikament dawn l-importazzjonijiet u, għalhekk, li jiġu evitati distorsjonijiet inutli tas-suq Komunitarju li jirriżultaw minn importazzjonijiet eċċessivi tal-imsemmija priservi.
27 Konsegwentement, is-sistema globali msemmija iktar ’il fuq u, għalhekk, l‑ammont tad-dazju doganali speċifiku kkontestat fil-kawża prinċipali, ifittxu għanijiet kemm ta’ politika kummerċjali komuni kif ukoll ta’ politika agrikola komuni.
28 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Wünsche u Pietsch, iċċitati iktar ’il fuq, li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, tirrigwarda esklużivament miżuri ta’ salvagwardja li dak iż-żmien kienu ġew adottati b’mod awtonomu mill-Unjoni skont il-leġiżlazzjoni dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-prodotti mibdula abbażi ta’ frott u ta’ ħaxix li jaqgħu taħt il‑qasam tal-politika agrikola komuni. Dawn il-kawżi kienu jikkonċernaw miżuri magħżula mill-Kummissjoni Ewropea fost medda wiesgħa ħafna ta’ miżuri tariffarji u mhux tariffarji li setgħu jilħqu l-għan ta’ politika agrikola komuni mfittex.
29 Min-naħa l-oħra, l-impożizzjoni ta’ dazju doganali, bħal dak li l-ammont tiegħu huwa s-suġġett tad-domanda dwar il-validità magħmula mill-qorti tar-rinviju, tirrappreżenta l-unika miżura li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħu jadottaw fir-rigward ta’ importazzjonijiet tal-merkanzija kkonċernata, skont l-impenji internazzjonali meħuda mill-Unjoni fil-kuntest tad-WTO. Fil-fatt, mill-Artikolu 4 tal-ftehim dwar il-biedja jirriżulta li l-ostakoli kollha kummerċjali mhux tariffarji fis-settur agrikolu għandhom jitneħħew u jiġu mibdula f’dazji doganali, filwaqt li r-rati massimi ta’ dawn tal-aħħar huma stabbiliti fil-listi ta’ konċessjonijiet tal-membri tad-WTO.
30 Għalhekk, il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq b’ebda mod ma tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet ta’ politika kummerċjali komuni partikolari għal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tirriżulta mis-sitwazzjoni fis-seħħ wara l-impenji internazzjonali li ħadet l-Unjoni fil-kuntest tan-negozjati multilaterali tal-laqgħat fl-Urugwaj fejn l-unika miżura disponibbli sabiex tipproteġi s-suq Komunitarju f’dan is-settur minn importazzjonijiet minn pajjiżi terzi hija t-tariffa doganali komuni. Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-kuntest ġuridiku tal-kawża prinċipali, din il-ġurisprudenza ma tistax tkun rilevanti fir-rigward tal-eżami tad-domanda dwar il-validità ineżami.
31 Fil-każ ineżami, sabiex tiġi evalwata l-validità tal-ammont tad-dazju doganali speċifiku kkontestat fil-kawża prinċipali, għandu jiġi eżaminat jekk dan jikkostitwixxix miżura manifestament sproporzjonata sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.
32 Fid-dawl tal-kumplessità inerenti għad-determinazzjoni minn qabel, fil-kuntest tan-negozjati fi ħdan id-WTO, tal-livell tad-dazju doganali speċifiku li minnu dawn l-istess importazzjonijiet ma jibqgħux daqstant ekonomikament vantaġġjużi, ma jistax jiġi allegat li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kkonċernati eċċedew il-limitu tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħhom fil-qasam billi stabbilixxew l-ammont tad-dazju doganali massimu tal-Unjoni għal EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott. Għalhekk, dan l-ammont ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa manifestament sproporzjonat.
33 Bl-istess mod, fid-dawl tal-kuntest ġuridiku tal-kawża prinċipali, mill-fatt li l‑ammont tad-dazju doganali speċifiku kkontestat fil-kawża prinċipali għandu bħala effett li jċaħħad l-importazzjonijiet, barra minn kwoti tariffarji, minn kull prospett ta’ qligħ ekonomiku ma jistax jiġi dedott li dan l-ammont huwa manifestament spoporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet mixtieqa.
34 Fil-fatt, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li l-livell tad-dazju doganali speċifiku kkontestat fil-kawża prinċipali jipprekludi l-bejgħ ta’ faqqiegħ li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina fl-Unjoni, fid-dawl tal-ispejjeż tal-produzzjoni tiegħu, għandu jiġi rrilevat li, skont il-prinċipju tan-nazzjon l-iktar favorit imsemmi fl-Artikolu 1 tal-GATT tal-1994, ma huwiex permess li jiġi stabbilit dazju doganali speċifiku fuq livell li huwa differenti f’kull każ fir-rigward ta’ kull membru tad-WTO. Għalhekk, dan l-argument ibbażat fuq l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-faqqiegħ li joriġina minn Stat Membru wieħed tad-WTO, f’dan il-każ, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ma jistax juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni eċċeda s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu billi stabbilixxa l‑ammont tad-dazju doganali speċifiku għal EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott, li huwa applikabbli fuq importazzjonijiet, barra minn kwoti tariffarji, li joriġinaw mill-Istati Membri kollha tad-WTO.
35 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-eżami tad-domanda magħmula ma rrileva ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-ammont tad-dazju doganali speċifiku ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott, applikabbli skont ir-Regolament Nru 1719/2005, li jinġabar fuq importazzjonijiet ta’ faqqiegħ ippreservat tal-ġeneru Agaricus li jaqa’ taħt is-subintestatura 2003 10 30 tan-Nomenklautra Magħquda mwettqa barra mill-kwota miftuħa mir-Regolament Nru 1864/2004.
Fuq l-ispejjeż
36 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
L-eżami tad-domanda magħmula ma rrileva ebda element li jista’ jaffettwa l‑validità tal-ammont tad-dazju doganali speċifiku ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott, applikabbli skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005, li jemenda l‑Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in‑nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, li jinġabar fuq l-importazzjonijiet ta’ faqqiegħ ippreservat tal-ġeneru Agaricus li jaqa’ taħt is-subintestatura 2003 10 30 tan-Nomenklautra Magħquda li tinsab fl-anness imsemmi, imwettqa barra mill-kwota miftuħa mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1864/2004, tas-26 ta’ Ottubru 2004, li jiftaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji għal faqqiegħ ippreservat importat minn pajjiżi terzi, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1995/2005, tas-7 ta’ Diċembru 2005.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy