Kawża C-225/09
Edyta Joanna Jakubowska
vs
Alessandro Maneggia
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Giudice di pace di Cortona)
“Regoli tal-Unjoni dwar l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat — Direttiva 98/5/KE — Artikolu 8 — Prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-eżerċizzju fl-istess ħin tal-professjoni ta’ avukat u ta’ xogħol bħala uffiċjal part-time — Tħassir tar-reġistrazzjoni fil-lista tal-ordni tal-avukati”
Sommarju tas-sentenza
1. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Domandi ġenerali jew ipotetiċi — Verifika mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-ġurisdizzjoni tagħha
(Artikolu 234 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/5, Artikolu 8)
2. Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Obbligi tal-Istati Membri
(Artikoli 3(1)(g) KE, 4 KE, 10 KE, 81 KE u 98 KE)
3. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Avukati — Eżerċizzju permanenti tal-professjoni fi Stat Membru differenti minn dak fejn inkisbet il-kwalifika — Direttiva 98/5
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/5, Artikolu 8)
1. Id-domandi preliminari li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda ta’ domanda mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jkun jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha.
F’dan ir-rigward, domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/5, intiża sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju permanenti tal-professjoni ta’ avukat fi Stat Membru differenti minn dak fejn inkisbet il-kwalifika, ma tistax titqies bħala ipotetika minħabba l-fatt li din tressqet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tħassir mill-lista tal-ordni tal‑avukati fir-rigward ta’ avukati li jeżerċitaw din il-professjoni fl-Istat tagħhom taħt it-titolu profssjonali miksub f’dan l-istess Stat Membru. Fil-fatt, ir-regola stabbilita fl-imsemmi Artikolu 8 mhux biss hija intiża sabiex tagħti lill-avukati rreġistrati fi Stat Membru ospitanti taħt it-titolu professjonali tagħhom miksub fi Stat Membru ieħor l-istess drittijiet bħal dawk li jgawdu minnhom l-avukati rreġistrati f’dan l-Istat Membru ospitanti taħt titolu professjonali miksub fih. Din ir-regola tiżgura wkoll li dawn tal-aħħar ma jbatux diskriminazzjoni bil-kontra, liema ħaġa tista’ tiġri jekk ir-regoli li jkunu imposti fuqhom ma jkunux applikati wkoll fil-konfront tal-avukati rreġistrati fl-imsemmi Stat Membru ospitanti taħt titolu professjonali miksub fi Stat Membru ieħor.
(ara l-punti 28, 31, 32)
2. L-Artikoli 3(1)(g) KE, 4 KE, 10 KE, 81 KE u 98 KE ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi lill-uffiċjali pubbliċi impjegati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol part-time milli jeżerċitaw il-professjoni ta’ avukat, minkejja li jkunu abilitati li jeżerċitaw din il-professjoni, u li timponi t-tħassir tagħhom mil-lista tal-ordni tal-avukati.
Fil-fatt, ikun hemm ksur tal-Artikoli 10 KE u 81 KE kemm meta Stat Membru jimponi jew jiffavorixxi l-konklużjoni ta’ ftehim li jmur kontra l-Artikolu 81 KE jew isaħħaħ l-effetti ta’ ftehim bħal dan, kif ukoll meta jneħħi mil-leġiżlazzjoni tiegħu n-natura pubblika tagħha billi jiddelega lill-operaturi privati r-responabbiltà li jieħdu deċiżjonijiet ta’ intervenzjoni ta’ interess ekonomiku. Issa, il-fatt li Stat Membru jippreskrivi lill-korpi ta’ assoċjazzjoni professjonali, bħall-kunsilli tal-ordni tal-avukati tad-diversi kmamar, sabiex jipproċedu għat-tħassir ex officio tar-reġistrazzjoni fil-lista tal-ordni tal-avukati tal-membri ta’ din il-professjoni li jkunu wkoll uffiċjali pubbliċi part-time u li ma jkunux għażlu, f’terminu stabbilit, jew li jżommu r-reġistrazzjoni fil-lista msemmija, jew li jżommu r-relazzjoni ta’ xogħol mal-entità pubblika li timpjegahom, ma huwiex tali li jistabbilixxi li dan l-Istat Membru neħħa n-natura pubblika mil-leġiżlazzjoni tiegħu. Fil-fatt, il-kunsilli msemmija ma għandhom ebda influwenza f’dak li jirrigwarda l-adozzjoni ex officio, preskritta mil-liġi, ta’ deċiżjonijiet ta’ tħassir.
Għal raġunijiet simili, tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax titqies bħala li timponi jew li tiffavorixxi akkordji li jmorru kontra l-Artikolu 81 KE.
Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma huma bl-ebda mod imxejna la mill-Artikolu 3(1)(g) KE, li jistabbilixxi l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea f’dak li jirrigwarda sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta fis-suq intern, u lanqas mill-Artikoli 4 KE u 98 KE, li huma intiżi għall-istabbiliment ta’ politika ekonomika li tosserva l-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħa fejn il-kompetizzjoni tkun ħielsa.
(ara l-punti 49-53, u d-dispożittiv 1)
3. L-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/5, sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa mixtieq li l-Istat Membru ospitanti jimponi, fuq l-avukati rreġistrati u impjegati fih - kemm jekk fuq bażi full-time jew part-time - ma’ avukat ieħor, ma’ assoċjazzjoni jew azjenda ta’ avukati, jew ma’ impriża pubblika jew privata, restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju fl-istess ħin tal-professjoni ta’ avukat u tal-impjieg imsemmi, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess, u jkunu japplikaw għall-avukati kollha rreġistrati fl-imsemmi Stat Membru.
L-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/5 jirrigwarda, fil-fatt, ir-regoli kollha li l-Istat Membru ospitanti stabbilixxa sabiex jipprevjeni l-kunflitti ta’ interess li jistgħu, skont l-evalwazzjonijiet tiegħu, jirriżultaw minn sitwazzjoni fejn avukat ikun, min-naħa waħda, irreġistrat fil-lista tal-ordni tal-avukati u, min-naħa l-oħra, impjegat minn avukat ieħor, minn assoċjazzjoni jew azjenda ta’ avukati, jew minn impriża pubblika jew privata. B’hekk, il-projbizzjoni imposta fuq l-avukati rreġistrati fl-Istat Membru kkonċernat milli jkunu impjegati, anki jekk fuq bażi part-time, minn entità pubblika, tifforma parti mir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 8, għall-inqas sakemm l-interdizzjoni msemmija tirrigwarda l-eżerċizzju fl-istess ħin tal-professjoni ta’ avukat u ta’ impjieg ma’ impriża pubblika. Qabel kollox, il-fatt li din il-leġiżlazzjoni tista’ titqies bħala stretta, ma huwiex minnu nnifsu kritikabbli Fil-fatt, in-nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess huwa indispensabbli għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat u jimplika, b’mod partikolari, li l-avukati jkunu f’sitwazzjoni ta’ indipendenza vis-à-vis l-awtoritajiet pubbliċi u tal-operaturi l-oħra li ma għandhomx ikunu influwenzati minnhom. Ċertament, ir-regoli stabbiliti f’dan ir-rigward ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess. Finalment, l-imsemmi Artikolu 8 jimplika li r-regoli tal-Istat Membru ospitanti jkunu applikati lill-avukati kollha rreġistrati f’dan l-Istat Membru, kemm jekk ikunu rreġistrati abbażi tat-titolu professjonali miksub f’dan l-Istat jew abbażi ta’ dak miksub fi Stat Membru ieħor.
(ara l-punti 59-62, 64, u d-dispożittiv 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)
2 ta’ Diċembru 2010 (*)
“Regoli tal-Unjoni dwar l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat – Direttiva 98/5/KE – Artikolu 8 – Prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-eżerċizzju fl-istess ħin tal-professjoni ta’ avukat u ta’ xogħol bħala uffiċjal part-time – Tħassir tar-reġistrazzjoni fl-elenku tal-ordni tal-avukati”
Fil-Kawża C‑225/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Giudice di pace di Cortona (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ April 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ġunju 2009, fil-proċedura
Edyta Joanna Jakubowska
vs
Alessandro Maneggia,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),
komposta minn E. Levits, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, M. Ilešič (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: M.‑A. Gaudissart, Kap ta’ diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Ġunju 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal E. J. Jakubowska, minn M. Frigessi di Rattalma, avukat,
– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili u L. Ventrella, avvocati dello Stato,
– għall-Gvern Irlandiż, minn D. J. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn M. Collins, SC,
– għall-Gvern Ungeriż, minn R. Somssich, M. Fehér u Z. Tóth, bħala aġenti,
– għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,
– għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes, bħala aġent,
– għall-Gvern Sloven, minn N. Pintar Gosenca, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Støvlbæk u E. Montaguti, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(1)(ġ) KE, 4 KE, 10 KE, 81 KE u 98 KE, tad-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE, tat-22 ta’ Marzu 1977, biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati (ĠU L 78, p. 17), tad-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni (ĠU L 77, p. 36), kif ukoll tal-prinċipji ġenerali ta’protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u tar-rispett tad-drittijiet kweżiti.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn E. J. Jakubowska u A. Maneggia fir-rigward ta’ talba għall-ħlas tad-danni, liema kawża tat lok għal proċedura fil-preżent pendenti quddiem il-Giudice di pace di Cortona (il-Kummissarju tal-Ġustizzja ta’ Cortona), li matulha l-avukati li jirrappreżentaw lil E. J. Jakubowska kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tħassir mir-reġistru tal-Ordine degli Avvocati di Perugia [ordni tal-avukati ta’ Perugia (l-Italja)].
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 77/249
3 L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/249 jipprovdi:
“Din id-Direttiva għandha tapplika, fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fiha, għall-attivitajiet ta’ l-avukati mwettqa permezz tal-provvediment tas-servizzi.”
4 L-Artikolu 6 tal-istess direttiva jipprovdi:
“Kull Stat Membru jista’ jeskludi avukati li huma fl-impjieg salarjat ta’ impriża pubblika jew privata mit-twettiq ta’ attivitajiet relatati mar-rappreżentazzjoni ta’ dik l-impriża fi proċeduri legali sa fejn avukati stabbiliti f’dak l-Istat m’għandhomx permess iwettqu dawk l-attivitajiet.”
5 Fid-dawl tad-differenzi lingwistiċi tal-imsemmi Artikolu 6 u għall-finijiet li jiġi żgurat li dawn il-verżjonijiet kollha jkollhom l-istess portata, it-termini “ente pubblico o privato” fil-verżjoni Taljana ta’ dan l-Artikolu għandhom jinftehmu bħala li jirreferu għall-kunċett ta’ “impriża pubblika jew privata” (impresa pubblica o privata).
Id-Direttiva 98/5
6 L-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5 jipprovdi:
“1. Avukat li jixtieq jipprattika fi Stat Membru minbarra dak li fih kiseb il-kwalifika professjonali għandu jirreġistra ma’ l-awtorità kompetenti f’dak l-Istat.
2. L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti għandha tirreġistra lill-avukat mal-preżentazzjoni ta’ ċertifikat li jixhed ir-reġistrazzjoni tiegħu ma’ l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru li hu pajjiżu. […]
[…]”
7 L-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva jipprovdi:
“Irrispettivament tar-regoli ta’ kondotta professjonali li għalihom huwa suġġett fl-Istat Membru li hu pajjiżu, avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu għandu jkun suġġett għall-istess regoli ta’ kondotta professjonali bħal avukati li jipprattikaw taħt it-titolu professjonali relevanti ta’ l-Istat Membru ospitanti fir-rigward ta’ l-attivitajiet kollha li jeżerċita fit-territorju tiegħu.”
8 L-Artikolu 7(1) tad-direttiva msemmija jipprovdi:
“Fil-każ ta’ nuqqas minn avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu li jwettaq l-obbligazzjonijiet imposti fl-Istat Membru ospitanti, ir-regoli tal-proċedura, il-pieni u r-rimedji kif provduti fl-Istat Membru ospitanti għandhom japplikaw.”
9 L-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/5 jipprovdi:
“Avukat irreġistrat fi Stat Membru ospitanti taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu jista’ jipprattika bħala avukat b’salarju f’impjieg ma’ avukat ieħor, assoċjazzjoni jew azjenda ta’ avukati, jew impriża pubblika jew privata jekk kemm-il darba l-Istat Membru ospitanti jippermetti dan għal avukati rreġistrati taħt it-titolu professjonali użat f’dak l-Istat [Membru].”
10 Fid-dawl tad-differenzi lingwistiċi tal-imsemmi Artikolu 8 u għall-finijiet li jiġi żgurat li dawn il-verżjonijiet kollha jkollhom l-istess portata, it-termini “ente pubblico o privato” fil-verżjoni Taljana ta’ dan l-artikolu għandhom jinftehmu bħala li jirreferu għall-kunċett ta’ “impriża pubblika jew privata” (impresa pubblica o privata).
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
11 It-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali Nru 1578 tas-27 ta’ Novembru 1933, li jirregola l-professjonijiet tal-“avukat” u ta’ “prokuratur legali” (ordinamento delle professioni di avvocato e procuratore legale, Gazzetta ufficiale del Regno d’Italia Nru 281, tal-5 ta’ Diċembru 1933), li nbidel f’liġi, wara li ġie emendat, permezz tal-Liġi Nru 36 tat-22 ta’ Jannar 1934 (Gazzetta ufficiale del Regno d’Italia Nru 24, tat-30 ta’ Jannar 1934), jipprovdi:
“[L-eżerċizzju, b’mod partikolari, tal-professjoni ta’ avukat huwa] inkompatibbli ma’ kull impjieg jew inkarigu ieħor imħallas mill-baġit tal-Istat, tal-provinċji, tal-komuni […] u, b’mod ġenerali, ta’ kull amministrazzjoni jew istituzzjoni pubblika suġġetta għat-tutela jew għall-kontroll tal-Istat, tal-provinċji u tal-komuni.”
12 Il-Liġi Nru 662 tat-23 ta’ Diċembru 1996, dwar miżuri ta’ razzjonalizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi (misure di razionalizzazione della finanza pubblica, Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 303, tat-28 ta’ Diċembru 1996), kif emendata bid-Digriet‑Liġi Nru 79 tat-28 ta’ Marzu 1997, li jistabbilixxi miżuri urġenti għall-bilanċ tal-finanzi pubbliċi (misure urgenti per il riequilibrio della finanza pubblica), li nbidel f’liġi, wara li ġie emendat, permezz tal-Liġi Nru 140 tat-28 ta’ Mejju 1997 (GURI Nru 123, tad-29 ta’ Mejju 1997, p. 5, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 662/96”), jipprovdi fl-Artikolu 1(56) u (56A):
“56. Id-dispożizzjonijiet […] legali u regolamentari li jipprekludu r-reġistrazzjoni fil-listi professjonali ma japplikawx għall-uffiċjali pubbliċi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi li jaħdmu part-time u li l-provvista ta’ xogħol tagħhom ma teċċedix il-50 fil-mija tal-provvista full-time.
56A. Id-dispożizzjonijiet li jipprekludu r-reġistrazzjoni fil-listi u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali mill-persuni msemmija fil-paragrafu 56 huma mħassra. Id-dispożizzjonijiet l-oħra dwar il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni fil-listi professjonali u għall-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet jibqgħu japplikaw. L-uffiċjali pubbliċi rreġistrati fil-listi professjonali u li jeżerċitaw attività professjonali ma jistgħux jingħataw inkarigi professjonali mill-amministrazzjonijiet pubbliċi; dawn l-uffiċjali pubbliċi ma jistgħux jiżguraw l-assistenza ġudizzjarja fil-kawżi fejn amministrazzjoni pubblika tkun parti fihom.”
13 Il-Liġi Nru 339 tal-25 ta’ Novembru 2003, li tistabbilixxi regoli fil-qasam tal-inkompatibbiltà tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat (norme in materia di incompatibilità dell’esercizio della professione di avvocato, GURI Nru 279, tal-1 ta’ Diċembru 2003, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 339/2003”), li daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Diċembru 2003, p. 6, tipprovdi fl-Artikolu 1 tagħha:
“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(56), (56A) u (57) tal-Liġi Nru [662/96] ma japplikawx għar-reġistrazzjoni fil-listi tal-ordni tal-avukati, li għalihom il-limiti u l-projbizzjonijiet stabbiliti fid-Digriet Irjali Nru 1578 tas-27 ta’ Novembru 1933, li nbidel, wara li ġie emendat, fil-Liġi Nru 36 tat-22 ta’ Jannar 1934, u l-emendi ulterjuri tiegħu, jibqgħu fis-seħħ”
14 L-Artikolu 2 tal-istess liġi jipprovdi:
“1. L-uffiċjali pubbliċi li ġew irreġistrati fil-lista tal-ordni tal-avukati wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru [662/96] u li għadhom irreġistrati jistgħu jagħżlu li jżommu r-relazzjoni ta’ xogħol, permezz ta’ komunikazzjoni lill-kunsill tal-ordni li huma rreġistrati miegħu fi żmien sitta u tletin xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi.
Fin-nuqqas ta’ tali komunikazzjoni fit-terminu stabbilit, il-kunsilli tal-ordni tal-avukati għandhom jipproċedu ex officio għat-tħassir tar-reġistrazzjoni fil-lista tagħhom.
2. L-uffiċjal għandu d-dritt, fil-każ imsemmi fil-paragrafu (1), li jiġi integrat mill-ġdid fir-relazzjoni ta’ xogħol full-time.
3. Fit-terminu ta’ sitta u tletin xahar imsemmi fil-paragrafu (1), l-uffiċjal jista’ jagħżel li jittermina r-relazzjoni ta’ xogħol u, konsegwentement, iżomm ir-reġistrazzjoni tiegħu fil-lista tal-ordni tal-avukati.
4. L-uffiċjal part-time li jgħamel użu minn din l-għażla għall-professjoni ta’ avukat fis-sens ta’ din il-liġi jżomm, għal ħames snin, id-dritt li jiġi integrat mill-ġdid fis-servizz fuq bażi full-time fi żmien tliet xhur mill-applikazzjoni tiegħu, sakemm ma jkunx impjegat żejjed, fl-impjieg okkupat fil-mument tal-għażla mal-amministrazzjoni li jappartjeni lilha. F’dan il-każ, l-anzjanità tiġi sospiża matul il-perijodu kollu ta’ terminazzjoni tas-servizz u terġa’ tibda tiddekorri mid-data tal-integrazzjoni mill-ġdid.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
15 E. J. Jakubowska ppreżentat rikors kontra A. Maneggia quddiem il-Giudice di pace di Cortona għall-ħlas ta’ somma ta’ EUR 200 bħala danni minħabba li huwa kien ikkawża ħsara fil-karozza tagħha b’mod aċċidentali.
16 Fil-kuntest ta’ din il-kawża, E. J. Jakubowska kienet irrappreżentata mill-avukati Mazzolai u Nardelli, li kienu rreġistrati fil-lista tal-ordni tal-avukati ta’ Perugia. Dawn it-tnejn, bħala uffiċjali pubbliċi impjegati part-time, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(56) u (56A) tal-Liġi Nru 662/96.
17 Wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 339/2003 u l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-Artikolu 2(1) tagħha, il-Kunsill tal-ordni tal-avukati ta’ Perugia adotta żewġ deċiżjonijiet li jordnaw it-tħassir tal-avukati msemmija mill-imsemmija lista tal-ordni, waqt li l-proċedura fil-kawża prinċipali kienet għadha pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.
18 E. J. Jakubowska ppreżentat nota fejn talbet sabiex l-avukati tagħha jiġu awtorizzati jkomplu jirrappreżentawha, billi sostniet li l-Liġi Nru 339/2003 tmur kontra t-Trattat KE kif ukoll kontra l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tar-rispett tad-drittijiet kweżiti.
19 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Giudice di pace di Cortona ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jgħamel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) L-Artikoli 3(g) [KE], 4 [KE], 10 [KE], 81 [KE] u 98 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik li tirriżulta mill-Artikoli 1 u 2 tal-Liġi Nru 339/2003 […], li jerġgħu jdaħħlu l-inkompatibbiltà tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat min-naħa ta’ impjegati pubbliċi part-time u jċaħħdu lil dawn tal-aħħar, minkejja li dawn ikunu awtorizzati jeżerċitaw il-professjoni ta’ avukat, milli jeżerċitaw l-imsemmija professjoni billi jipprovdu għall-kanċellazzjoni mil-lista tal-kamra [ordni] tal-avukati permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-kamra [ordni] tal-avukati kompetenti, ħlief jekk l-uffiċjal jagħżel li jtemm ir-relazzjoni tal-impjieg?
2) L-Artikoli 3(g) [KE], 4 [KE], 10 [KE] u 98 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik li tirriżulta mill-Artikoli 1 u 2 tal-Liġi Nru 339/2003 […]?
3) L-Artikolu 6 tad-Direttiva 77/249 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik li tirriżulta mill-Artikoli 1 u 2 tal-Liġi Nru 339/2003 […] fil-każ fejn tali leġiżlazzjoni nazzjonali tapplika wkoll għall-avukati impjegati li jeżerċitaw l-attività ta’ avukat abbażi tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi?
4) L-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/5 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma japplikax għal avukat li jkun uffiċjal part-time?
5) Il-prinċipji ġenerali tad-dritt [tal-Unjoni] tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u [tal-osservanza] tad-drittijiet kweżiti jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik li tirriżulta mill-Artikoli 1 u 2 tal-Liġi Nru 339/2003 […], li jdaħħlu l-inkompatibbiltà tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat min-naħa ta’ uffiċjali pubbliċi part-time u li japplikaw ukoll għall-avukati li diġà kienu rreġistrati fil-listi tal-kamra [ordni] tal-avukati fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija Liġi […], fejn fl-[imsemmi] Artikolu 2 tipprovdi biss terminu “moratorju” qasir sabiex issir l-għażla obbligatorja bejn l-impjieġ [bħala uffiċjal] u l-eżerċizzju tal-professjoni tal-avukat?”
20 B’risposta għad-domandi bil-miktub li saru mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-mandatarji ad litem ta’ E. J. Jakubowska, b’applikazzjoni tal-Artikolu 54A tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-avukat Nardelli, b’ittra tal-31 ta’ Mejju 2010, ippreżenta ċertifikat tal-Kunsill tal-ordni tal-avukati ta’ Perugia minn liema jirriżulta li huwa għadu formalment irreġistrat fil-lista ta’ dan l-ordni sa kemm dan tal-aħħar jiġi informat bid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-Kunsill nazzjonali tal-ordni tal-avukati li tiċħad l-appell tal-avukat Nardelli mid-deċiżjoni ta’ tħassir li tirrigwardah.
21 Bl-istess ittra, l-avukat Nardelli informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-avukat Mazzolai kien irrinunzja għall-mandat ad litem li kien inkarigat bih fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, huwa informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li E. J. Jakubowska kienet akkordat mandat ad litem speċjali lil M. Frigessi di Rattalma sabiex jirrappreżentaha waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari
22 Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-fatt li d-domandi preliminari ma għandhom ebda rabta mas-suġġett tal-istess kawża mressqa minn E. J. Jakubowska kontra A. Maneggia, ma jrendihomx inammissibbli. Fil-fatt, id-domandi msemmija huma intiżi sabiex jippermettu lill-qorti tar-rinviju li tevalwa l-legalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li l-applikazzjoni tagħha qajmet inċident proċedurali fil-kawża prinċipali. Peress li dan l-inċident jifforma parti minn din il-kawża, huwa permess li l-qorti msemmija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tar-regoli tal-Unjoni li huma, fil-fehma tagħha, rilevanti dwar dan is-suġġett.
23 Mingħajr ma jikkontestaw il-possibbiltà ta’ tali rinviju preliminari, xi gvernijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-istess bħall-Kummissjoni Ewropea, xorta qajmu eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà fir-rigward tad-domandi li saru mill-Giudice di pace di Cortona.
24 Il-Gvernijiet tal-Irlanda u tal-Awstrija jenfasizzaw li l-elementi kollha tal-kawża prinċipali relatati mal-possibbiltà għall-mandatarji ad litem ta’ E. J. Jakubowska li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom ta’ avukat huma limitati fi ħdan Stat Membru wieħed biss. Għaldaqstant, il-problemi tad-dritt tal-Unjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju huma purament ipotetiċi, u t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha, għal din ir-raġuni, tiġi ddikjarata bħala inammissibbli.
25 Skont il-Gvern Ungeriż, il-leġiżlazzjoni Taljana msemmija mill-qorti tar-rinviju tinsab, f’kull każ, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija tirrigwarda lil uffiċjali pubbliċi, filwaqt li d-Direttivi 77/249 u 98/5 jirrigwardaw l-eżerċizzju ta’ din il-professjoni minn avukati indipendenti jew li jaħdmu bħala impjegati ta’ avukat ieħor, ta’ assoċjazzjoni jew ta’ impriża.
26 Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tqis li t-tielet domanda għandha titqies bħala waħda ipotetika u għaldaqstant inammissibbli, għaliex din id-domanda tikkonċerna l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat taħt il-provvista ta’ servizzi, filwaqt li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-istabbiliment bħala avukat.
27 Il-Kummissjoni tesprimi wkoll dubji fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ħames domanda, fid-dawl tal-fatt li l-leġiżlazzjoni Taljana li fir-rigward tagħha hija mitluba l-interpretazzjoni ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma ġietx adottata bil-għan li jiġu eżegwiti obbligi li dan id-dritt stabbilixxa fir-Repubblika Taljana.
28 Fid-dawl ta’ dawn id-diversi eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, għandu jiġi mfakkar li d-domandi preliminari li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jkun jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-94/04 u C‑202/04, Ġabra p. I‑11421, punt 25, kif ukoll tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C-570/07 u C-571/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 36).
29 Issa, fir-rigward tal-ewwel, tat-tieni u tar-raba’ domandi preliminari, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha l‑ebda relazzjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-inċident proċedurali li seħħ fil-kuntest tal-kawża prinċipali jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika.
30 Minn naħa, għandu jiġi mfakkar li liġi li testendi ruħha fuq it-territorju kollu ta’ Stat Membru tista’, jekk ikun il-każ, taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 81 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Frar 2002, Arduino, C-35/99, Ġabra p. I‑1529, punt 33, kif ukoll Cipolla et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45). Konsegwentement, l-ewwel u t-tieni domandi intiżi sabiex jiġi stabbilit jekk ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Liġi Nru 339/2003, ma humiex manifestament irrilevanti.
31 Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda r-raba’ domanda, għandu jiġi rilevat, hekk kif osservaw il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni waqt is-seduta, li r-regola stabbilita fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/5 ma għandhiex biss l-għan li tagħti lill-avukati rreġistrati fi Stat Membru ospitanti bit-titolu professjonali tagħhom miksub fi Stat Membru ieħor l-istess drittijiet bħal dawk li jgawdu l-avukati rreġistrati f’dan l-Istat Membru ospitanti bit-titolu professjonali miksub fl-istess Stat. Fil-fatt, din ir-regola tiżgura wkoll li dawn tal-aħħar ma jbatux diskriminazzjoni bil-kontra, liema ħaġa tista’ tiġri jekk ir-regoli li jkunu imposti fuqhom ma jkunux applikati wkoll fil-konfront tal-avukati rreġistrati fl-imsemmi Stat Membru ospitanti taħt titolu professjonali miksub fi Stat Membru ieħor.
32 Għalhekk, il-fatt li l-proċedura ta’ tħassir mil-lista tal-ordni tal-avukati ta’ Perugia li wasslet għad-domandi preliminari tirrigwarda lil avukati li jeżerċitaw din il-professjoni fl-Italja taħt it-titolu professjonali miksub f’dan l-Istat Membru bl-ebda mod ma jġib il-konsegwenza li r-raba’ domanda li saret hija ipotetika. B’mod kuntrarju, l-interpretazzjoni mitluba tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/5 tgħin lill-qorti tar-rinviju sabiex tistabbilixxi jekk il-Liġi Nru 339/2003 toħloqx diskriminazzjoni bil-kontra bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.
33 Preliminarjament, l-ammissibbiltà tar-raba’ domanda ma hijiex imxejna mill-argument tal-Gvern Ungeriż li jgħid li l-Liġi Nru 339/2003, sa fejn din tirrigwarda lil uffiċjali pubbliċi, ma tirregola l-ebda waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/5, li jirrigwarda biss lill-avukati b’salarju f’impjieg “ma’ avukat ieħor, assoċjazzjoni jew azjenda ta’ avukati, jew impriża pubblika jew privata”.
34 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-deroga li jirreferi għaliha l-Gvern Ungeriż, jiġifieri n-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-uffiċjali pubbliċi, tapplika biss għall-impjiegi li jinvolvu parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika u li b’hekk jippreżumu l-eżistenza ta’ relazzjoni partikolari fir-rigward tal-Istat. Min-naħa l-oħra, ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu jibqgħu japplikaw għal impjiegi li, filwaqt li jaqgħu taħt l-Istat jew taħt entitajiet oħra rregolati bid-dritt pubbliku, madankollu ma jimplikaw ebda konnessjoni mad-dmirijiet li jaqgħu taħt l-amministrazzjoni pubblika hekk imsejħa (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Colegio de Oficiales de la Marina Mercante Española, C-405/01, Ġabra p. I‑10391, punti 39 u 40, kif ukoll tal-10 ta’ Diċembru 2009, Peśla, C‑345/08, Ġabra p. I-11677, punt 31).
35 Fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tal-kunċett ta’ “impriża pubblika”, imsemmi fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/5, hija ġurisprudenza stabbilita li, meta entità integrata fl-amministrazzjoni pubblika teżerċita attivitajiet li jippreżentaw karattru ekonomiku u ma jiffurmawx parti mill-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika, din għandha titqies bħala tali impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1993, Decoster, C‑69/91, Ġabra p. I‑5335, punt 15; tal-14 ta’ Settembru 2000, Collino u Chiappero, C‑343/98, Ġabra p. I‑6659, punt 33, kif ukoll tas-26 ta’ Marzu 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, C‑113/07 P, Ġabra p. I‑2207, punt 82).
36 Isegwi li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi Nru 339/2003 – li, moqrija flimkien mad-Digriet Irjali Nru 1578 tas-27 ta’ Novembru 1933 li din tirreferi għalih, jikkonċerna lill-avukati rreġistrati fil-lista ta’ wieħed mill-ordnijiet tal-avukati tar-Repubblika Taljana li huma fl-istess ħin impjegati minn amministrazzjoni jew istituzzjoni pubblika suġġetta għat-tutela jew għal-kontroll tar-Repubblika Taljana jew ta’ kollettività territorjali tagħha – jikkoinċidi ma’ dak tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/5 f’dak li jirrigwarda l-avukati impjegati minn entità li, għalkemm suġġetta għall-kontroll tal-Istat Taljan jew ta’ waħda mill-kollettivitajiet territorjali, tikkostitwixxi “impriża pubblika”.
37 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonjiet, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli f’dak li jirrigwarda l-ewwel, it-tieni u r-raba’ domanda li saret.
38 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tielet domanda, li tirrigwarda d-Direttiva 77/249, u għalhekk l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat f’sistema ta’ provvista libera ta’ servizzi, għandu jiġi kkonstatat li risposta għal din id-domanda mill-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tkun ta’ utilità għall-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, l-inċident imqajjem quddiem din il-qorti jirrigwarda l-kwistjoni jekk it-tħassir ta’ avukati abbażi tal-Liġi Nru 339/2003 huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Hekk kif ġustament osservat il-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, dan jirrigwarda l-istabbiliment bħala avukat, u għalhekk il-qasam irregolat mid-Direttiva 98/5, u mhux l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat f’sistema ta’ provvista libera ta’ servizzi.
39 Għalhekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata bħala inammissibbli f’dak li jirrigwarda t-tielet domanda li saret.
40 Fir-rigward, finalment, tal-ħames domanda, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz ta’ din id-domanda, il-Giudice di pace di Cortona jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina, abbażi tal-ġurisprudenza tagħha dwar il-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, il-bidla sfavorevoli li tirriżulta, għal dawk li jridu jeżerċitaw fl-istess ħin il-professjoni ta’ avukat u impjieg part-time ma’ entità pubblika, mil-Liġi Nru 339/2003, peress li din il-liġi ġabet fi tmiem is-sistema iktar favorefoli għall-imsemmija persuni kkonċernati li kienet introduċiet il-Liġi Nru 662/96.
41 Issa, mingħajr ma hemm il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-argument tal-inammissibbiltà mressaq mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, biżżejjed li jiġi kkonstatat li, f’kull każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħti risposta utli għaliha, fid-dawl tan-nuqqas tal-elementi neċessarji biex tagħmel dan.
42 Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, hija ġurisprudenza stabbilita li leġiżlazzjoni li tinvolvi konsegwenzi sfavorevoli fir-rigward ta’ individwi għandha tkun ċara u preċiża, u l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għaliha (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C-550/07 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, la d-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas l-osservazzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettu lil din li tiddetermina f’liema perspettiva u għal-liema raġuni l-kjarezza u l-prevedibbiltà tal-Liġi Nru 339/2003 hija mqegħeda indiskussjoni.
43 L-iktar l-iktar, il-qorti tar-rinviju ċċarat il-kwistjoni dwar dan il-prinċipju billi sostniet li l-Liġi Nru 339/2003 toħloq effetti retroattivi, liema effetti huma preklużi mill-prinċipju ta’ ċertezza legali. Madankollu, din l-allegata retroattività tal-Liġi Nru 339/2003 hija manifestament kontradetta mill-konstatazzjoni, li wkoll tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, li tgħid li d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi ma jolqotx id-dritt tal-eżerċizzju fl-istess ħin mogħti, sa dan id-dħul fis-seħħ, mil-Liġi Nru 662/96, peress li barra minn hekk, il-Liġi Nru 339/2003 tistabbilixxi perijodu tranżitorju ta’ tliet snin sabiex jiġi evitat li l-bidla li tintroduċi tkun immedjata.
44 Fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, huwa stabbilit li l-individwi ma humiex ġustifikati li jiffurmaw aspettattivi fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tinbidel fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Plantanol, C-201/08, Ġabra p. I‑8343, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza stabbilita, domanda preliminari bħall-ħames domanda li saret fil-kuntest ta’ din il-proċedura ma tistax tiġi eżaminata b’mod utli mill-Qorti tal-Ġustizzja fin-nuqqas ta’ deskrizzjoni minima tal-elementi li tressqu fil-kawża prinċipali sabiex jintwera li l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma hijiex relatata mal-każ fejn il-leġiżlatur sempliċement jemenda, għall-futur, il-leġiżlazzjoni eżistenti.
45 F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju essenzjalment illimitat ruħha sabiex tesponi li l-Liġi Nru 339/2003 temenda b’mod sostanzjali ħafna u, skont xi wħud, b’mod sorprendenti s-sistema li kienet fis-seħħ preċedentement abbażi tal-Liġi Nru 662/96. Issa, għandu jiġi kkonstatat li s-sempliċi fatt li l-leġiżlatur adotta liġi ġdida u li din hija kunsiderevolment differenti minn dik li kienet fis-seħħ preċedentement, ma jipprovdix bażi suffiċjenti lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twettaq eżami ċar tal-ħames domanda.
46 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija wkoll inammissibbli f’dak li jirrigwarda l-ħames domanda li saret.
Fuq il-mertu
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
47 Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikoli 3(1)(g) KE, 4 KE, 10 KE, 81 KE u 98 KE jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tirriżulta mill-Artikoli 1 u 2 tal-Liġi Nru 339/2003, li tipprekludi lill-uffiċjali pubbliċi impjegati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol part-time milli jeżerċitaw il-professjoni ta’ avukat, minkejja li huma abilitati li jeżerċitaw din il-professjoni, u li timponi t-tħassir tagħhom mil-lista tal-ordni tal-avukati.
48 Għalkemm huwa minnu li, minnu stess, l-Artikolu 81 KE jikkonċerna biss l-imġiba tal-impriżi u ma jirrigwardax miżuri leġiżlattivi jew regolamentari tal-Istati Membri, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-Artikolu, moqri flimkien mal-Artikolu 10 KE, jimponi fuq l-Istati Membri li ma jiħdux jew li ma jżommux fis-seħħ miżuri, anki ta’ natura leġiżlattiva jew regolamentari, li jkunu jistgħu jeliminaw l-effett utli tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Arduino, punt 34, kif ukoll Cipolla et, punt 46).
49 B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jkun hemm ksur tal-Artikoli 10 KE u 81 KE kemm meta Stat Membru jimponi jew jiffavorixxi l-konklużjoni ta’ ftehim li jmur kontra l-Artikolu 81 KE jew isaħħaħ l-effetti ta’ ftehim bħal dan, kif ukoll meta jneħħi mil-leġiżlazzjoni tiegħu n-natura pubblika tiegħu billi jiddelega lill-operaturi privati r-responabbiltà li jieħdu deċiżjonijiet ta’ intervent ta’ interess ekonomiku (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Arduino, punt 35, kif ukoll Cipolla et, punt 47).
50 Issa, il-fatt li Stat Membru jippreskrivi lill-korpi ta’ assoċjazzjoni professjonali bħall-kunsilli tal-ordni tal-avukati tad-diversi kmamar sabiex jipproċedu għat-tħassir ex officio tar-reġistrazzjoni fil-lista tal-ordni tal-avukati tal-membri ta’ din il-professjoni li jkunu wkoll uffiċjali pubbliċi part-time u li ma jkunux għażlu, f’terminu stabbilit, jew li jżommu r-reġistrazzjoni fil-lista msemmija, jew li jżommu r-relazzjoni ta’ xogħol mal-entità pubblika li timpjegahom, ma huwiex tali li jistabbilixxi li dan l-Istat Membru neħħa n-natura pubblika mil-leġiżlazzjoni tiegħu. Fil-fatt, il-kunsilli msemmija ma għandhom ebda influwenza f’dak li jirrigwarda l-adozzjoni ex officio, preskritta mil-liġi, ta’ deċiżjonijiet ta’ tħassir.
51 Għal raġunijiet simili, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax titqies bħala li timponi jew li tiffavorixxi akkordji li jmorru kontra l-Artikolu 81 KE.
52 Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma huma bl-ebda mod imxejna la mill-Artikolu 3(1)(g) KE, li jistabbilixxi l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea f’dak li jirrigwarda sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta fis-suq intern, u lanqas mill-Artikoli 4 KE u 98 KE, li huma intiżi għall-istabbiliment ta’ politika ekonomika li tosserva l-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħa għall-kompetizzjoni u ħielsa.
53 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda li saret għandha tkun li l-Artikoli 3(1)(g) KE, 4 KE, 10 KE, 81 KE u 98 KE ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-uffiċjali pubbliċi impjegati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol part-time li jeżerċitaw il-professjoni ta’ avukat, minkejja li jkunu abilitati li jeżerċitaw din il-professjoni, u li timponi t-tħassir tagħhom mil-lista tal-ordni tal-avukati.
Fuq ir-raba’ domanda
54 Hekk kif ġie espost fid-deċiżjoni tar-rinviju, permezz tar-raba’ domanda tiegħu, il-Giudice di pace di Cortona jixtieq essenzjalment ikun jaf jekk il-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/5 lill-Istat Membru ospitanti li jirregola u, b’hekk, jekk ikun il-każ, li jirrestrinġi l-eżerċizzju, min-naħa tal-avukati li huma reġistrati hemmhekk, ta’ ċerti kategoriji ta’ impjieg, teżistix ukoll fir-rigward tal-avukati li jixtiequ biss jeżerċitaw wieħed minn dawn ix-xogħlijiet part-time.
55 Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, ikun utli li qabel kollox jiġi mfakkar li, bl-adozzjoni tad-Direttiva 98/5, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried b’mod partikolari jtemm id-differenza bejn ir-regoli nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni bħala avukat (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C‑506/04, Ġabra p. I‑8613, punt 64).
56 Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li, fid-dawl ta’ dan il-għan tad-Direttiva 98/5, din għandha titqies li ġġib armonizzazzjoni kompleta tal-kundizzjonijiet preliminari meħtieġa għar-reġistrazzjoni mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, peress li dawn il-kundizzjonijiet huma essenzjalment limitati għall-preżentazzjoni lil din l-awtorità ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wilson, iċċitata iktar ’il fuq, punti 65 sa 67).
57 Madankollu, hekk kif jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/5, ir-reġistrazzjoni fi Stat Membru ospitanti ta’ avukati li jeżerċitaw taħt titolu miksub fi Stat Membru ieħor, tissuġġetta lil dawn l-avukati għall-applikazzjoni tar-regoli professjonali u deontoloġiċi fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti. Issa, dawn ir-regoli, kuntrarjament għal dawk li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet preliminari meħtieġa għar-reġistrazzjoni, ma kinux is-suġġett ta’ armonizzazzjoni u jistgħu għalhekk ikunu kunsiderevolment diverġenti minn dawk fis-seħħ fl-Istat Membru tal-oriġini. Qabel kollox, hekk kif jikkonferma l-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva, in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli jista’ jwassal għat-tħassir tar-reġistrazzjoni fl-Stat Membru ospitanti.
58 Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/5 jirrigwarda kategorija speċifika tar-regoli professjonali u deontoloġiċi li jirreferi għalihom l-Artikolu 6 tal-istess direttiva, jiġifieri dawk li jiddeterminaw sa fejn l-avukat irreġistrat jista’ “jipprattika bħala avukat b’salarju f’impjieg ma’ avukat ieħor, assoċjazzjoni jew azjenda ta’ avukati, jew impriża pubblika jew privata”.
59 Fid-dawl tat-termini wiesgħa magħżula mil-leġiżlatur tal-Unjoni, għandu jitqies li l-imsemmi Artikolu 8 jirrigwarda r-regoli kollha li l-Istat Membru ospitanti stabbilixxa sabiex jipprevjeni l-kunflitti ta’ interess li jistgħu, skont l-evalwazzjonijiet tiegħu, jirriżultaw minn sitwazzjoni fejn avukat ikun, min-naħa waħda, irreġistrat fil-lista tal-ordni tal-avukati u, min-naħa l-oħra, impjegat minn avukat ieħor, minn assoċjazzjoni jew azjenda ta’ avukati, jew minn impriża pubblika jew privata.
60 Il-projbizzjoni imposta mil-Liġi Nru 339/2003 fuq l-avukati rreġistrati fl-Italja milli jkunu impjegati, anki jekk fuq bażi part-time, minn entità pubblika, tifforma parti mir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/5, għall-inqas sa kemm l-interdizzjoni msemmija tirrigwarda l-eżerċizzju fl-istess ħin tal-professjoni ta’ avukat u ta’ impjieg ma’ impriża pubblika.
61 Qabel kollox, il-fatt li l-leġiżlazzjoni hekk stabbilita mir-Repubblika Taljana tista’ titqies bħala stretta, ma huwiex minnu nnifsu kritikabbli. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess huwa indispensabbli għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat u jimplika, b’mod partikolari, li avukat ikun f’sitwazzjoni ta’ indipendenza vis-à-vis l-awtoritajiet pubbliċi u tal-operaturi l-oħra li ma għandux ikun influwenzat minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, Ġabra p. I‑1577, punti 100 sa 102). Ċertament, ir-regoli stabbiliti f’dan ir-rigward ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess. Madankollu, il-proporzjonalità ta’ interdizzjoni bħal dik imposta mil-Liġi Nru 339/2003 ma għandhiex tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ din id-domanda, li ma tirrigwardax dan l-aspett.
62 Finalment, hekk kif diġà ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà ta’ din id-domanda, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/5 jimplika li r-regoli tal-Istat Membru ospitanti jkunu applikati lill-avukati kollha rreġistrati f’dan l-Istat Membru, kemm jekk ikunu rreġistrati abbażi tat-titolu professjonali miksub f’dan l-Istat jew abbażi ta’ dak miksub fi Stat Membru ieħor.
63 Issa, bla ħsara għall-verifika li għandha ssir f’dan ir-rigward mill-qrati Taljani, ma jidhirx li l-Liġi Nru 339/2003 tapplika b’mod esklużiv għall-avukati li joriġinaw mill-Italja u li b’hekk toħloq diskriminazzjoni bil-kontra. Ċertament, l-avukati milquta minn din il-liġi huma dawk interessati li jeżerċitaw impjieg ma entitajiet suġġetti għat-tutela jew għall-kontroll tar-Repubblika Taljana jew ta’ kollettivitajiet territorjali tagħha. Madankollu, għall-inqas sa fejn hemm involut impjieg ma’ impriża pubblika, l-avukati rreġistrati fil-lista ta’ waħda mill-kmamar tal-avukati tar-Repubblika Taljana u b’hekk milquta mill-interdizzjoni ta’ eżerċizzju fl-istess ħin ta’ tali impjieg jistgħu mhux biss ikunu ċittadini Taljani, iżda anki ċittadini ta’ Stati Membri oħra.
64 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata lir-raba’ domanda li saret hija li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/5 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa mixtieq li l-Istat Membru ospitanti jimponi, fuq l-avukati rreġistrati u impjegati fih – kemm jekk fuq bażi full-time jew part-time – ma’ avukat ieħor, ma’ assoċjazzjoni jew azjenda ta’ avukati, jew ma’ impriża pubblika jew privata, restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju fl-istess ħin tal-professjoni ta’ avukat u tal-impjieg imsemmi, sa kemm dawn ir-restrizzjonijiet ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess u jkunu japplikaw għall-avukati kollha rreġistrati fl-imsemmi Stat Membru.
Fuq l-ispejjeż
65 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il‑Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikoli 3(1)(g) KE, 4 KE, 10 KE, 81 KE u 98 KE ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-uffiċjali pubbliċi impjegati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol part-time li jeżerċitaw il-professjoni ta’ avukat, minkejja li jkunu abilitati li jeżerċitaw din il-professjoni, u li timponi t-tħassir tagħhom mil-lista tal-ordni tal-avukati.
2) L-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa mixtieq li l-Istat Membru ospitanti jimponi, fuq l-avukati rreġistrati u impjegati fih – kemm jekk fuq bażi full-time jew part-time – ma’ avukat ieħor, ma’ assoċjazzjoni jew azjenda ta’ avukati, jew ma’ impriża pubblika jew privata, restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju fl-istess ħin tal-professjoni ta’ avukat u tal-impjieg imsemmi, sa kemm dawn ir-restrizzjonijiet ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess u jkunu japplikaw għall-avukati kollha rreġistrati fl-imsemmi Stat Membru.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy