Kawża C-234/09
Skatteministeriet
vs
DSV Road A/S
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vestre Landsret)
“Kodiċi Doganali tal-Komunità — Regolament (KEE) Nru 2913/92 — Artikolu 204(1)(a) — Regolament (KEE) Nru 2454/93 — Artikolu 859 — Proċedura ta’ tranżitu estern — Kunsinnatur awtorizzat — Tnissil ta’ dejn doganali — Dokument ta’ tranżitu għal merkanziji ineżistenti”
Sommarju tas-sentenza
Unjoni doganali — Proċedura ta’ tranżitu estern
(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 204(1)(a))
L-Artikolu 204(1)(a) tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament Nru 648/2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha kunsinnatur awtorizzat iġġenera bi żball żewġ proċeduri ta’ tranżitu estern għall-istess merkanzija, peress li l-proċedura żejda, li tirreferi għal merkanzija ineżistenti, ma tistax twassal li dejn doganali jitnissel skont l-imsemmija dispożizzjoni.
F’dan ir-rigward, żball li jikkonsisti f’li jinbdew żewġ proċeduri ta’ tranżitu estern għall-istess merkanzija, ma jistax, min-natura tiegħu stess, jippreġudika l-għanijiet segwiti mill-imsemmi Artikolu 204 u li jiġġustifikaw ukoll it-tnissil ta’ dejn doganali. Fl-ewwel lok, rigward l-għan li jiġi pprevenut ir-riskju li l-merkanziji mhux Komunitarja jiġu introdotti fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ ta’ proċedura doganali ta’ tranżitu estern iġġenerata għal merkanzija ineżistenti, ma jeżisti l-ebda riskju li tali merkanziji jiġu integrati fl-imsemmi ċirkwit ekonomiku, mingħajr ma jiġu żdoganati, jistgħu jwasslu għal kompetizzjoni żleali u r-riskju ta’ telf fiskali. Fit-tieni lok, l-għan li jiżgura l-applikazzjoni diliġenti tar-regoli tal-proċedura doganali kkonċernata ma jistax jintlaħaq fil-każ ta’ proċedura ta’ tranżitu estern li ma tikkorrispondix għal merkanzija eżistenti. Fil-fatt, huwa impossibbli li tali proċedura tiġi implementata b’mod korrett meta tapplika għal merkanzija ineżistenti. Dan japplika iktar u iktar meta l-obbligu li jiġu ppreżentati l-merkanziji fl-uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni, fil-każ meta l-merkanziji suġġetti għall-proċedura ta’ tranżitu ġġenerata bi żball ma teżistix, jirriżulta li jimponi fuq il-prinċipal obbligu li huwa ma jistax jissodisfa, kuntrarjament għall-prinċipju ultra posse nemo obligatur.
(ara l-punti 32-34, 37, 38 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
15 ta’ Lulju 2010 (*)
“Kodiċi Doganali tal-Komunità – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Artikolu 204(1)(a) – Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Artikolu 859 – Proċedura ta’ tranżitu estern – Kunsinnatur awtorizzat – Tnissil ta’ dejn doganali – Dokument ta’ tranżitu għal merkanziji ineżistenti”
Fil-Kawża C‑234/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Vestre Landsret (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Ġunju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Ġunju 2009, fil-proċedura
Skatteministeriet
vs
DSV Road A/S,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis, J. Malenovský u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ April 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal DSV Road A/S, minn A. Hedetoft u L. Kjær, avukati,
– għall-Gvern Daniż, minn R. Holdgaard, bħala aġent, assistit minn P. Biering, avukat,
– għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hornstrup Bengtsson kif ukoll minn B.‑R. Killmann u H. Støvlbæk, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 204(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005 (ĠU L 117, p. 13, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Skatteministeriet (Ministeru tal-Finanzi) u DSV Road A/S (iktar ’il quddiem “DSV”) dwar konsegwenzi li jirriżultaw mill-fatt li żewġ proċeduri ta’ tranżitu estern nbdew għall-istess merkanzija.
Il-kuntest ġuridiku
3 L-Artikolu 1 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:
“Ir-regoli doganali għandhom jikkonsistu f’dan il-Kodiċi u d-dispożizzjonijiet adottati fil-livell ta’ Komunità jew nazzjonalment biex jimplimentawhom. Il-Kodiċi għandu japplika, mingħajr preġudizzju għar-regoli speċjali stipulati f’oqsma oħra
– għal kummerċ bejn il-Komunità u pajjiżi terzi,
– għal merkanzija koperta bit-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea jew it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika.”
4 L-Artikolu 4 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi fil-punti 9 u 10 tiegħu:
“Għall-iskopijiet ta’ dan il-Kodiċi, huma applikabbli definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
9) “Dejn doganali” tfisser l-obbligazzjoni fuq persuna li tħallas l-ammont ta’ dazji fuq l-importazzjoni (dejn doganali fuq l-importazzjoni) jew dazji fuq l-esportazzjoni (dejn doganali fuq l-esportazzjoni) li japplika għal merkanzija speċifika skond id-dispożizzjonijiet tal-Komunità li huma fis-seħħ;
10) “Dazji fuq l-importazzjoni” tfisser:
– dazji doganali u ħlasijiet li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali li għandhom jitħallsu fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija,
– taxxi fuq l-agrikoltura u ħlasijiet oħra fuq l-importazzjoni introdotti skond il-politika komuni dwar l-agrikoltura jew skond arranġamenti speċifiċi applikabbli għal ċerta merkanzija bħala riżultat ta’ l-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli”.
5 L-Artikolu 91(1) tal-Kodiċi Doganali huwa fformulat kif ġej:
“1. Il-proċess ta’ transitu estern għandu jippermetti l-moviment minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Komunità ta’:
a) merkanzija mhux tal-Komunità, mingħajr ma dik il-merkanzija tkun soġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni u ħlasijiet oħra jew għal miżuri ta’ politika kummerċjali;
[…]”
6 L-Artikolu 92 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li:
“1. Il-proċedura ta’ transitu estern għandha tintemm u l-obbligazzjonijiet tad-detentur għandhom ikunu mwettqa meta l-prodotti mqiegħda taħt il-proċedura u d-dokumenti meħtieġa jkunu ingħataw lill-uffiċju doganali tad-destinazzjoni skond id-dispożizzjonijiet tal-proċedura in kwistjoni.
2. L-awtoritajiet doganali għandhom iwettqu l-proċedura meta jkunu f’pozizzjoni li jist[a]bilixxu, fuq il-bażi ta’ paragun tad-data disponibbli għall-uffiċju tat-tluq u dik disponibbli lill-uffiċju doganali tad-destinazzjoni, li l-proċedura tkun intemmet korrettement.”
7 Skont l-Artikolu 96(1) tal-Kodiċi Doganali:
“1. Il-prinċipal għandu jkun id-detentur tal-proċedura taħt il-proċedura ta’ transitu estern tal-Komunità. Għandu jkun responsabbli għal:
a) preżentazzjoni tal-merkanzija intatta fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni fit-terminu taż-żmien preskritt u bl-osservanza dovuta tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet doganali sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni;
b) l-osservanza tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-proċedura tat-transitu tal-Komunità.
[…]”
8 L-Artikolu 204(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li:
“1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:
a) tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ wieħed mill-obbligi li jinqalgħu, fir-rigward ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-ħażna temporanja tagħhom jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha jkunu tqiegħdu, jew
[…]
f’każijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 203 ħlief meta jiġi stabbilit li dawk in-nuqqasijiet m’għandhom ebda effett sinifikanti fuq l-operazzjoni korretta [funzjonament korrett] tal-ħażna temporanja jew proċedura doganali konċernata.
[…]”
9 L-Artikolu 859 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2286/2003, tat-18 ta’ Diċembru 2003, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 15, p. 118, iktar’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implementazzjoni”), jipprovdi li:
“In-nuqqasijiet li ġejjin għandhom jitqiesu bħala bla konsegwenzi reali fuq il-ħażna temporanja jew proċedura doganali fis-sens ta’ l-Artikolu 204 (1) tal-Kodiċi [Doganali], sakemm:
– ma jikkostitwux tentattiv li titneħħa merkanzija illegalment mis-sorveljanza doganali,
– ma jkunux jimplikaw negliġenza evidenti da parti tal-persuna interessata, u
– il-formalitajiet kollha meħtieġa ħalli tkun irregolarizzata s-sitwazzjoni tal-merkanzija jkunu saru sussegwentement:
[…]
2) fil-każ ta’ oġġetti [merkanzija] mpoġġija fi proċedura ta’ transitu, in-nuqqas li jkun sodisfatt obbligu wieħed meħtieġ mill-użu tal-proċedura, meta l-kondizzjonijiet li ġejjin huma mħarsa:
a) l-oġġetti [merkanzija] mdaħħla għall-proċedura kienu attwalment [effettivament] preżentati intatti fl-uffiċċju ta’ destinazzjoni;
b) l-uffiċċju ta’ destinazzjoni seta’ jiżgura li l-oġġetti [merkanzija] kienu assenjati trattament jew użu approvat mid-dwana jew tqegħdu f’ħażna temporanja fl-aħħar ta’ l-operazzjoni ta’ transitu;
ċ) meta t-terminu ffissat taħt l-Artikolu 356 ma kienx imħares u l-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu ma japplikax, l-oġġetti [merkanzija] kienu madankollu preżentati fl-uffiċċju ta’ destinazzjoni fi żmien raġonevoli;
[…]”
10 Skont l-Artikolu 860 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, “[l]-awtoritajiet doganali għandhom iqisu li jkun inħoloq dejn doganali permezz ta’ l-Artikolu 204(1) tal-Kodiċi sakemm il-persuna li kieku tkun id-debitriċi ma tistabilixxix illi l-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 859 ikunu sodisfatti”.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11 DSV hija impriża Daniża ta’ trasport u ta’ loġistika li għandha l-istatus ta’ kunsinnatur awtorizzzat skont l-Artikolu 372(1)(e) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.
12 L-istatut ta’ kunsinnatur awtorizzat jippermetti lil DSV tapplika proċedura ssemplifikata sabiex tibgħat merkanziji taħt il-proċedura tat-tranżitu estern. B’dan il-mod il-kunsinnatur awtorizzat jista’ ma jippreżentax fiżikament il-merkanziji fl-uffiċċju doganali tat-tluq. Huwa għandu biss jirreġistra elettronikament, qabel ma jintbagħatu l-merkanziji, t-talba għal tranżitu Komunitarju maċ-Ċentru tal-Kontribuzzjonijiet permezz tas-Sistema Ġdida ta’ Tranżitu Kompjuterizzata (iktar ’il quddiem l-“NCTS”), li hija sistema elettronika li tipproċessa informazzjoni li tirrigwarda l-kunsinni ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri.
13 Skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni Ewropea, il-proċedura ssemplifikata għall-kunsinnaturi awtorizzati tinkludi l-istadji li ġejjin: wara li d-dikjarazzjoni elettronika tal-kunsinnatur awtorizzat ġiet aċċettata, li twassal għar-rilaxx tal-merkanziji, l-NCTS tattribwilu numru ta’ reġistrazzjoni uniku, jiġifieri n-numru ta’ referenza tal-moviment (NRM). Imbagħad il-merkanziji jitqiegħdu taħt il-proċeduira tat-tranżitu. Il-NCTS tistampa d-dokument mehmuż tat-tranżitu, li għandu jivvjaġġa mal-merkanziji u jiġi ppreżentat fl-uffiċċji doganali kollha mar-rotta kif ukoll fl-uffiċċju ta’ destinazzjoni. Meta jistampa dan id-dokument, l-uffiċċju ta’ tluq jibgħat fl-istess ħin lill-uffiċċju ta’ destinazzjoni dikjarat avviż tal-wasla antiċipata, li jinkludi informazzjoni dwar id-dikjarazzjoni, li tippermetti lill-uffiċċju jivverifika l-merkanziji meta jaslu. F’dan il-mument, dawn id-dokumenti għandhom jiġu ppreżentati lill-uffiċċju ta’ destinazzjoni flimkien mad-dokument mehmuż tat-tranżitu. Meta jiddaħħal in-numru ta’ referenza tal-moviment, is-sistema turi awtomatikament l-avviż tal-wasla antiċipata li jikkorrispondi għall-operazzjoni, li abbażi tiegħu tiġi deċiża eventwali azzjoni jew verifika, u tibgħat “avviż ta’ wasla” lill-uffiċċju ta’ tluq. Wara li jitwettqu l-kontrolli neċessarji, l-uffiċċju ta’ destinazzjoni jinforma lill-uffiċċju ta’ tluq bir-riżultati ta’ dawn il-kontrolli filwaqt li jindika l-irregolaritajiet eventwali kkonstatati. Dan il-messaġġ dwar ir-riżultati tal-kontrolli huwa obbligatorju għat-twettiq tal-operazzjoni ta’ tranżitu.
14 Fl-2005, DSV bagħtet, taħt il-proċedura tat-tranżitu estern, żewġ kunsinni ta’ merkanzija lejn ir-Russja. Bi żball, hija ġġenerat, permezz tal-NSTS, żewġ proċeduri ta’ tranżitu għal kull waħda minn dawn iż-żewġ kunsinni. Għall-ewwel kunsinna ta’ merkanzija, iż-żewġ proċeduri ta’ tranżitu nbdew fl-istess ġurnata, jiġifieri fil-12 ta’ Awwissu 2005, u għal dawk li jikkonċerna t-tieni kunsinna, it-tieni proċedura ta’ tranżitu ġiet iġġenerata tlett ijiem wara l-ewwel waħda, jiġifieri fl-10 ta’ Ottubru 2005.
15 Għall-kunsinna taż-żewġ kunsinni li jikkorrispondu għal merkanziji eżistenti, f’kull każ kien l-aħħar dokument ta’ tranżitu ġġenerat mill-NSTC li ntuża. Il-merkanziji ġew ippreżentati fl-uffiċċju ta’ destinazzjoni skont ir-regoli tal-proċedura tat-tranżitu estern u, għaldaqstant, dawn iż-żewġ proċeduri ta’ tranżitu twettqu b’mod legali.
16 Barra minn hekk, iż-żewġ proċeduri ta’ tranżitu żejda li DSV kienet iġġenerat bi żball ma setgħux jitwettqu b’mod legali peress li ma kinitx teżisti merkanzija li setgħet tiġi ppreżentata fl-uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni. L-awtoritajiet Daniżi, wara li talbu lil DSV tipproduċi prova alternattiva tat-tmiem tat-tranżitu, mingħajr ma’ din il-kumpannija ssodisfatt din it-talba, adottaw deċiżjonijiet li jikkonstataw li din tal-aħħar kellha tħallas dazji doganali u t-taxxa fuq il-valur miżjud fuq din l-operazzjoni ta’ tranżitu. Skont dawn id-deċiżjonijiet, dejn doganali jitnissel skont l-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali għal kull waħda minn dawn il-proċeduri.
17 DSV ikkontestat dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Landsskatteret (Tribunal Fiskali). Dan tal-aħħar ikkonfermahom b’deċiżjonijiet tal-11 ta’ Ġunju 2007, peress li ma kinitx teżisti bażi legali fil-leġiżlazzjoni doganali li tippermetti li dokument ta’ tranżitu jiġi annullat u li, għaldaqstant, id-dejn doganali tnissel skont l-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali.
18 DSV appellat kontra l-imsemmija deċiżjonijiet quddiem il-Byret i Horsens (Tribunal ta’ Horsens). B’sentenza tad-9 ta’ Mejju 2008, dan tal-aħħar ordna r-rimbors tad-dazji doganali u tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Skont din is-sentenza, l-ebda dejn doganali ma tnissel skont l-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali peress li, skont il-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-ebda tranżitu ta’ merkanzija ma seħħ fis-sens ta’ dan il-kodiċi.
19 L-iSkatteministeriet ressqet din il-kawża quddiem il-Vestre Landsret (Qorti tal-Appell għal-Punent tad-Danimarka). Din tal-aħħar iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) L-Artikolu 204(1)(a) tal-[Kodiċi Doganali], b’referenza għall-[moqri flimkien mal-]Artikoli 92 u 96 u [kif ukoll ma]l-Artikoli 1 u 4(9) u (10) [ta’ dan il-kodiċi], għandu jiġi interpretat fis-sens li
a) jiġi inkors dejn doganali jekk proċedura ta’ tranżitu għal merkanzija li ma teżistix fiżikament tinbeda bi żball fis-Sistema Ġdida ta’ Tranżitu Kompjuterizzata (NCTS) minn kunsinnatur awtorizzat, bil-konsegwenza li sussegwentement, il-proċedura ta’ tranżitu ma tkunx tista’ tiġi konkluża skont ir-regoli, jew li
b) ma jiġix inkors dejn doganali peress li huwa preżunt li l-proċedura ta’ tranżitu tapplika biss għal merkanzija li teżisti fiżikament, b’mod illi l-ġenerazzjoni żbaljata ta’ tranżitu fis-sistema NCTS għal merkanzija li ma teżistix fiżikament ma twassalx għall-impożizzjoni ta’ dazji doganali?
2) Jekk ir-risposta għad-domanda 1(a) tkun fil-pożittiv, il-kunċett ta’ ‘importazzjoni ta’ merkanzija’ fl-Artikolu 4(10) tal-[Kodiċi Doganali], flimkien mal-kunċett ta’ “merkanziji” fl-Artikolu 204(1)(a) tal-[istess kodiċi], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ikopri kemm merkanzija li teżisti fiżikament kif ukoll merkanzija li ma teżistix fiżikament?”
Fuq id-domandi preliminari
20 Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li kunsinnatur awtorizzat li ġġenera bi żball żewġ proċeduri ta’ tranżitu estern għall-istess merkanzija jwassalx, fir-rigward tal-proċedura ta’ tranżitu żejda li tirreferi għal merkanzija ineżistenti, biex jitnissel dejn doganali skont l-imsemmija dispożiżżjoni.
21 Skont l-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, dejn doganali fuq l-importazzjoni jitnissel permezz tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ wieħed mill-obbligi li jinqalgħu, fir-rigward ta’ merkanziji suġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-ħażna temporanja tagħhom jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha jkunu tqiegħdu, sakemm dawn in-nuqqasijiet ma għandhom ebda effett sinjifikattiv fuq il-funzjonament korrett tal-proċedura doganali kkonċernata.
22 L-awtoritajiet doganali Daniżi jqisu li, f’dan il-każ, tnissel dejn doganali skont l-imsemmi Artikolu 204.
23 Fl-opinjoni tagħhom, minn naħa, il-kundizzjoni li twassal għal dejn doganali, jiġifieri n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu konness mal-proċedura tat-tranżitu estern, hija sodisfatta peress li DSV ma ppreżentatx il-merkanziji msemmija minn din il-proċedura ta’ tranżitu fl-uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni u għaldaqstant, kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 96(1)(a) tal-Kodiċi Doganali.
24 Min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni negattiva, kif imsemmija fl-Artikolu 859 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, li teskludi li dejn doganali jitnissel meta n‑nuqqas ma jkollux effett sinjifikattiv fuq il-funzjonament korrett tal-proċedura tat-tranżitu estern, ma hijiex sodisfatta fil-kawża prinċipali.
25 Preliminarjament, filwaqt li għandu jiġi kkonstatat li sitwazzjoni bħal din fil-kawża prinċipali taqa’ taħt ir-regoli tal-Kodiċi Doganali, għandu jitfakkar, rigward l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mill-awtoritajiet Daniżi, li, fil-fatt, l-Artikolu 859 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 860 tiegħu, jistabbilixxi proċedura li tirregola b’mod eżawrjenti għaxar nuqqasijiet, fis-sens tal-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, li “m’għandhom ebda effett sinifikanti fuq l-operazzjoni korretta [funzjonament korrett] tal-ħażna temporanja jew proċedura doganali konċernata” (ara s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1999, Söhl & Söhlke, C‑48/98, Ġabra p. I‑7877, punt 43).
26 Huwa paċifiku li l-fatti tal-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt wieħed minn dawn in-nuqqasijiet enumerati fl-Artikolu 859 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. Fil-fatt, il-punt 2(a) ta’ dan l-artikolu, li jirregola n-nuqqasijiet konnessi mal-użu ta’ proċedura ta’ tranżitu, jipprovdi li l-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu għandha tiġi effettivament ippreżentata fl-uffiċċju doganali ta’ destinazzjon. B’dan il-mod din id-dispożizzjoni timponi kundizzjoni li hija ekwivalenti għall-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 96(1)(a) tal-Kodiċi Doganali u li DSV ma setgħetx tissodisfa. Fil-fatt, mill-iżball imwettaq minn DSV jirriżulta li, għal waħda miż-żewġ proċeduri ta’ tranżitu ġġenerata għall-istess merkanzija, ma teżisti l-ebda merkanzija li tista’ tiġi ppreżentata fl-uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni.
27 Madankollu, l-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali jissuġġetta dejn doganali mnissel għal nuqqas dwar “merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni” Għaldaqstant hemm lok li jiġi eżaminat jekk din id-dispożizzjoni tippermettix li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni partikolari tal-kawża prinċipali, jiġifieri li żewġ proċeduri ta’ tranżitu ġew iġġenerati bi żball għall-istess merkanzija.
28 F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat, min-naħa, li mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija intiżi sabiex tkopri sitwazzjoni fejn “merkanzija” tqiegħdet taħt proċedura doganali u li obbligu konness ma’ din il-proċedura ma ġiex eżegwit.
29 Fil-kawża prinċipali, li fiha huwa paċifiku li żewġ proċeduri ta’ tranżitu ġew iġġenerati bi żball għall-istess merkanzija, ma teżistix, għal waħda miż-żewġ proċeduri mibdija minn DSV, “merkanzija” li għaliha l-obbligi konnessi mal-proċedura ta’ tranżitu estern setgħu jiġu eżegwiti.
30 Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali huwa intiż biex jiżgura applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni doganali. Fil-fatt, skont l-Artikoli 96(1) u 204(1) ta’ dan il-kodiċi, il-prinċipal, fil-kwalità tiegħu ta’ proprjetarju tal-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern, huwa d-debitur tad-dejn doganali li jirriżulta minn nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-proċedura. Għalhekk, ir-responsabbiltà imposta fuq il-prinċipal hija intiża sabiex tiżgura applikazzjoni diliġenti u uniformi tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-proċedura u l-iżvolġiment tajjeb tal-operazzjonijiet ta’ tranżitu fl-interess tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ April 2008, Militzer & Münch, C‑230/06, Ġabra p. I‑1895, punt 48).
31 Barra minn hekk, il-preżenza, fit-territorju doganali tal-Unjoni, ta’ merkanziji mhux Komunitajri ġġib magħha r-riskju li dawn il-merkanziji jispiċċaw biex jiġu integrati fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Istati Membri, mingħajr ma jiġu żdoganati (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, Elshani, C‑459/07, Ġabra p. I‑2759, punt 32), riskju li l-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali jikkontribwixxi sabiex jipprevjeni, kif tirrileva l-Kummissjoni.
32 F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn huwa paċifiku li żewġ proċeduri ta’ tranżitu estern inbdew darbtejn bi żball għall-istess merkanzija, huwa ċar li dawn iż-żewġ għanijiet tal-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali u li jiġġustifikaw it-tnissil ta’ dejn doganali ma humiex affettwati.
33 Fl-ewwel lok, rigward l-għan li jiġi pprevenut ir-riskju li l-merkanziji mhux Komunitarja jiġu introdotti fiċ-ċirkwit ekonomiku tal-Unjoni, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ ta’ proċedura doganali ta’ tranżitu estern iġġenerata għal merkanzija ineżistenti, ma jeżisti l-ebda riskju li tali merkanziji jiġu integrati fl-imsemmi ċirkwit ekonomiku, mingħajr ma jiġu żdoganati, jistgħu jwasslu għal kompetizzjoni żleali u r-riskju ta’ telf fiskali.
34 Fit-tieni lok, l-għan li jiżgura l-applikazzjoni diliġenti tar-regoli tal-proċedura doganali kkonċernata ma jistax jintlaħaq fil-każ ta’ proċedura ta’ tranżitu estern li ma tikkorrispondix għal merkanzija eżistenti. Fil-fatt, huwa impossibbli li tali proċedura tiġi implementata b’mod korrett meta tapplika għal merkanzija ineżistenti. Dan japplika iktar u iktar meta l-obbligu li jiġu ppreżentati l-merkanziji fl-uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni, fil-każ meta l-merkanziji suġġetti għall-proċedura ta’ tranżitu ġġenerata bi żball ma teżistix, jirriżulta li jimponi fuq il-prinċipal obbligu li huwa ma jistax jissodisfa, kuntrarjament għall-prinċipju ultra posse nemo obligatur.
35 Għaldaqstant, jekk interpretazzjoni bħal dik irrakkomandata mill-Gvern Daniż kellha tiġi aċċettata, l-applikazzjoni tal-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali jkollu biss ir-riżultat li jissanzjona lill-prinċipal għal żball li wettaq meta beda l-proċeduri ta’ tranżitu estern u mhux għan-nuqqas ta’ osservazzjoni tal-obbligi tiegħu konnessi ma’ din il-proċedura.
36 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-iżball li jinbdew żewġ proċeduri ta’ tranżitu estern għall-istess merkanzija ma jistax, min-natura tiegħu stess, jippreġudika l-għanijiet tal-imsemmi Artikolu 204 u jiġġustifika b’dan il-mod li jitnissel dejn doganali. Barra minn hekk, lanqas huwa neċessarju li tali żball jiġi ssanzjonat billi jiġi stabbilit dejn doganali attribwit lill-prinċipal. Hekk kif irrilevat il-Kummissjoni, tali żball jista’ ċertament jikkostitwixxi prova rilevanti għall-eventwali revoka tal-istatut tal-kunsinnatur awtorizzat, iżda dan l-iżball ma jistax ikollu l-konsegwenza li jrendi lil dan tal-aħħar responsabbli għad-dazji doganali.
37 Konsegwentement, l-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali ma jistax jiġi applikat għal ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali.
38 Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposti għad-domandi magħmula għandhom ikunu li l-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha kunsinnatur awtorizzat iġġenera bi żball żewġ proċeduri ta’ tranżitu estern għall-istess merkanzija, peress li l-proċedura żejda, li tirreferi għal merkanzija ineżistenti, ma tistax twassal li dejn doganali jitnissel skont l-imsemmija dispożizzjoni.
Fuq l-ispejjeż
39 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 204(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha kunsinnatur awtorizzat iġġenera bi żball żewġ proċeduri ta’ tranżitu estern għall-istess merkanzija, peress li l-proċedura żejda, li tirreferi għal merkanzija ineżistenti, ma tistax twassal li dejn doganali jitnissel skont l-imsemmija dispożizzjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.
Full & Egal Universal Law Academy