Kawża C-273/09
Premis Medical BV
vs
Inspecteur van de Belastingdienst/Douane Rotterdam, kantoor Laan op Zuid
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Haarlem)
“Regolament (KE) Nru 729/2004 — Klassifikazzjoni tal-merkanzija ta’ ‘sostenn għall-mixi bir-roti’ fin-nomenklatura magħquda — Intestatura 9021 — Intestatura 8716 — Rettifika — Validità”
Sommarju tas-sentenza
Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Sostenn, għall-mixi bir-roti li jikkonsisti f’chassis tal-aluminju, b’erba’ roti li tnejn minnhom iduru ’l quddiem, li għandu mankijiet u brejkijiet, u żviluppat sabiex jgħin lill-persuni li għandhom diffikultà ta’ mixi sabiex jimxu
(Regolament tal-Kummissjoni Nru 729/2004)
Ir-Regolament Nru 729/2004, dwar il-klassifika ta’ ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-rettifika ppubblikata fis-7 ta’ Mejju 2004, huwa invalidu sa fejn, minn naħa, ir-rettifika wessgħet il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament inizjali tas-sostenn għall-mixi bir-roti li jikkonsisti f’chassis tal-aluminju, b’erba’ roti li tnejn minnhom iduru ’l quddiem, li għandu mankijiet u brejkijiet, u żviluppat sabiex jgħin lill-persuni li għandhom xi diffikultajiet sabiex jimxu u, min-naħa l-oħra, sa fejn jikklassifika l-imsemmija sostenn għall-mixi bir-roti taħt is-subintestatura 8716 80 00 tan-Nomenklatura Magħquda.
Għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward, li r-rettifika ppubblikata fis-7 ta’ Mejju 2004 tmur lil hinn minn sempliċi rettifika ta’ żball materjali u fir-realtà emendat il-kontenut tar-Regolament Nru 729/2004 billi dan sar applikabbli għas-sostenn għall-mixi bir-roti.
Prodotti bħal dawn ma jistgħux jiġu kklassifikati fl-intestatura 8716 tan-nomenklatura magħquda. Fil-fatt, sabiex tiġi kklassifikata f’din l-intestatura, vettura b’rota jew roti għandha tkun destinata għat-trasport tal-persuni jew tal-merkanzija. Issa, l-imsemmija sostenn għall-mixi bir-roti ma għandhomx dawn il-karatteristiċi. Huma speċjalment iddisinjati sabiex jippermettu lill-persuni li għandhom nuqqas ta’ mobilltà jimxu waħidhom, u b’hekk jikkompensaw għan-nuqqas tal-ekwilibriju indispensabbli għall-mixi. L-imsemmija sostenn għall-mixi bir-roti b’hekk jissodisfaw funzjoni simili għal dik tal-krozzi, li jammonta għall-fattur rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħhom fl-intestatura 9021 tan-nomenklatura magħquda.
(ara l-punti 36, 46, 53, 55, 59 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
22 ta’ Diċembru 2010 (*)
“Regolament (KE) Nru 729/2004 – Klassifikazzjoni tal-merkanzija ta’ ‘sostenn għall-mixi bir-roti’ fin-nomenklatura magħquda – Intestatura 9021 – Intestatura 8716 – Rettifika – Validità ”
Fil-Kawża C‑273/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa minn Rechtbank Haarlem (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Lulju 2009, fil-proċedura
Premis Medical BV
vs
Inspecteur van de Belastingdienst/Douane Rotterdam, kantoor Laan op Zuid,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, D. Šváby (Relatur), E. Juhász, G. Arestis u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Ottubru 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Premis Medical BV, minn A. Jansen u M. Hoeijmans, avukati,
– għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Bouyon u W. Roels, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 729/2004 tal-15 ta’ April 2004 dwar il-klassifika ta’ ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 2, Vol. 16, p. 90), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-rettifika ppubblikata fis-7 ta’ Mejju 2004 (ĠU L 173, p. 9, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 729/2004 kif rettifikat”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Premis Medical BV (iktar ’il quddiem “Premis Medical”) u Inspecteur van de Belastingdienst/Douanekantoor Rotterdam, kantoor Laan op Zuid (iktar ’il quddiem l-“Ispettur”), dwar il-klassifikazzjoni fin-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) tal-merkanzija “sostenn għall-mixi bir-roti (rollator)” bl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 729/2004 kif rettifikat.
Il-kuntest ġuridiku
Il-klassifikazzjoni tal-merkanzija
3 In-NM ġiet stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382) kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 254/2000, tal-31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357). Din hija bbażata fuq il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), magħmula fi Brussel fl-14 ta’ Ġunju 1983, u l-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, li ġew approvati f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).
4 Ir-Regolament Nru 2658/87 jawtorizza lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tikkjarifika l-kontentut ta’ intestatura tariffarja. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-Regolament jiddisponi:
“Miżuri li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-affarijiet msemmija hawn taħt għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10:
a) applikazzjoni tan-[NM] u tat-TARIC partikolarment rigward:
– il-klassifikazzjoni tal-oġġetti fin-nomenklaturi msemmija fl-Artikolu 8,
– noti ta’ spjegazzjoni;
[…]”.
5 Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2658/87.
“Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħejjuna mill-Kumitat tal-Kodiċi tad-Dwana mwaqqaf skond l-Artikolu 247 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 […]”.
6 L‑Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 huwa aġġornat mill-Kummissjoni darba fis-sena. Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003, biex jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 14, p. 3) din l-istituzzjoni adottat verżjoni kompleta tan-NM, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2004.
7 Il-Kapitolu 90 tat-taqsima XVIII tat-tieni parti tan-NM hija intitolata “Strumenti u apparat ottiċi, fotografiċi, ċinematografiċi, ta’ kejl, ta’ verifika, ta’ preċiżjoni, mediċi jew kirurġiċi; bċejjeċ u aċċessorji tagħhom”.
8 L-intestatura 9021 tan-NM taqra kif ġej:
“9021 Apparat ortopediku, inklużi krozzi, ċinturini u ċinturini tar-rfid kirurġiċi, qassab u apparat ieħor għal ksur; partijiet artifiċjali tal-ġisem; apparat akustiku (hearing aids) u tagħmir ieħor li jintlibes jew jinġarr, jew jiddaħħal fil-ġisem biex jagħmel tajjeb għal difett jew diżabbiltà:
[…]
9021 90 – Oħrajn:
[…]
9021 90 90 – Oħrajn”.
9 In-nota 6 tal-imsemmi Kapitolu 90 tipprovdi:
“Għall-għanijiet ta’ l-intestatura 9021, l-espressjoni ‘tagħmir ortopediku’ tfisser tagħmir għal:
– prevenzjoni jew korrezzjoni ta’ diformitajiet tal-ġisem; jew;
– rfid jew żamma ta’ partijiet tal-ġisem wara marda, operazzjoni jew korriment.
[…]”
10 Skont in-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-imsemmija intestatura 9021:
– “[…]
V. tagħmir ieħor li jintlibes jew jinġarr, jew jitqiegħed fil-ġisem biex jagħmel tajjeb għal difett jew diżabbiltà.
Jagħmlu parti minn dan il-grupp b’mod partikolari:
1) Apparat intiż sabiex jiffaċilita l-pronunzja tal-persuni li tilfu l-użu tal-kordi vokali wara trawma jew intervent kirurġiku […]
2) Apparat tat-tip pacemaker, pereżempju dawk intiżi sabiex jistimulaw il-muskoli tal-qalb, fil-każ ta’ difett […]
3) L-apparat li jippermetti lill-għomja sabiex jiggwidaw lilhom infushom. […]
4) L-apparat li jiġi impjantat fil-ġisem sabiex isostni jew jissostitwixxi l-funzjoni kimika ta’ ċerti organi (pereżempju tnixxija ta’ insulina).
[…]”[traduzzjoni mhux uffiċjali].
11 In-noti ta’ spjega tan-NM dwar l-intestatura 9021 tagħha jipprovdu:
“Għall-għanijiet ta’ dan it-titlu, l-espressjoni ‘biex jagħmel tajjeb għal difett jew diżabbiltà’ tfisser biss apparat li attwalment jagħmel jew jissostitwixxi l-funzjoni tal-parti difettuża jew diżabbli tal-ġisem.
Dan it-titlu ma jinkludix apparat, li sempliċiment itaffi l-effetti tad-difett jew diżabbiltà.
[…]”.
12 Il-Kapitolu 87 tat-Taqsima XVII tat-tieni parti tan-NM huwa intitolat “Vetturi ħlief magni u vaguni (rolling stock) ta’ ferroviji jew linji tat-tramm; u partijiet u aċċessorji tagħhom”.
13 L-intestatura 8716 tan-NM hija miktuba kif ġej:
“8716 trejlers u semi-trejlers; vetturi oħrajn, mhux immexxijin b’mod mekkaniku; partijiet tagħhom:
[…]
8716 80 00 – Vetturi oħrajn”.
14 Skont in-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-imsemmija intestatura 8716:
“Bl-eċċezzjoni tal-vetturi previsti fl-intestaturi preċedenti, din l-intestatura tinkludi totalità ta’ vetturi mhux immexxijin b’mod mekkaniku b’rota jew iktar għat-trasport ta’ persuni jew tal-merkanzija. Hija tkopri, barra minn hekk, vetturi għal użu speċjali mingħajr roti bħal pereżempju l-islitti.
Il-vetturi f’din l-intestatura huma intiżi kemm sabiex jintużaw bħala trejler għal vetturi oħra (vaguni, vetturi bil-magna, trolis, muturi, roti, eċċ), u kemm sabiex jinġibdu jew jiġu mbuttati bl-idejn, jew sabiex jiġu mbuttati bis-saqajn jew sabiex jinġibdu minn annimal.
[…]”[traduzzjoni mhux uffiċjali].
Ir-Regolament Nru 729/2004
15 Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 729/2004, il-merkanzija deskritta fil-kolonna 1 tat-tabella li tidher fl-Anness ta’ dan ir-regolament għandha tiġi kklasifikata taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna 2 ta’ din it-tabella.
16 Skont il-ħames premessa ta’ dan ir-regolament, il-miżuri previsti huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali.
17 Ir-rettifika tas-7 ta’ Mejju 2004, żiedet anness ġdid mar-Regolament Nru 729/2004 li ma jsemmi l-ebda mill-merkanzija deskritta fl-anness inizjali ta’ dan ir-regolament.
18 Il-merkanzija deskritta fil-kolonna 1 tat-tabella mniżżla fl-anness tar‑Regolament Nru 729/2004 kif rettifikat, hija dik li ġejja:
“[…]
5. Sostenn għall-mixi bir-roti jikkonsisti f’chassis tal-aluminju, b’erba’ roti li tnejn minnhom iduru ’l quddiem, li għandu mankijiet u brejkijiet. Huwa għandu siġġu u basket biex jintrefgħu l-affarijiet fih. Dan il-prodott jista’ jintewa faċilment sabiex jiġi ttrasportat.
Dan il-prodott huwa intiż sabiex jgħin lill-persuni li għandhom xi diffikultajiet sabiex jimxu billi jippermettilhom jimxu ’l quddiem billi jimbuttaw lis-sostenn għall-mixi bir-roti u sabiex jipprovdilhom sostenn” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
19 Mill-kolonna 2 jirriżulta li s-“sostenn għall-mixi bir-roti” deskritt fil-punt 5 ta’ din it-tabella għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8716 80 00 tan-NM, abbażi tal-motivazzjoni li ġejja indikata fil-kolonna 3:
“Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-[NM], kif ukoll mill-kliem tal-kodiċi NM 8716 u 8716 80 00
Il-prodott ma huwiex ikkunsidrat bħala apparat ortopediku tal-intestatura 9021 peress li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tan-nota 6 tal-Kapitolu 90
Il-prodott ma huwiex ikkunsidrat bħala siġġu bir-roti għal persuni b’diżabbiltà tal-intestatura 8713”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
20 Skont il-ħames premessa tar-Regolament Nru 729/2004 kif rettifikat, “il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali ma tax l-opinjoni tiegħu fit-terminu stabbilit mill-President tiegħu fir-rigward tal-punti 1, 2, 4 u 5 tat-tabella annessa” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
21 Skont is-sitt premessa tar-Regolament Nru 729/2004 kif rettifikat, “il-miżuri previsti [fir-]regolament huma konformi mal-opinjoni tal- Kumitat tal-Kodiċi Doganali fir-rigward tal-prodotti tal-punt 3 tat-tabella annessa” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
22 Fis-17 ta’ Awwissu 2007, Premis Medical ippreżentat quddiem l-Ispettur applikazzjoni għal informazzjoni tariffarja li torbot fir-rigward tas-sostenn għall-mixi bir-roti li jikkonsisti f’chassis tal-aluminju, erba’ roti li tnejn minnhom iduru ’l quddiem, li għandu mankijiet u brejkijiet u intiż sabiex jgħin lill-persuni li għandhom xi diffikultajiet sabiex jimxu (iktar ’il quddiem is-“sostenn għall-mixi bir-roti”), li, fl-opinjoni tagħha, kellu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 9021 90 90 tan-NM.
23 Fit-12 ta’ Ottubru 2007, l-Ispettur ħareġ informazzjoni tariffarja vinkolanti li tikklassifika lill-merkanzija inkwistjoni taħt is-subintestatura 8716 80 00 tan-NM, li kontriha, fil-21 ta’ Novembru 2007, Premis Medical ippreżentat ilment.
24 Fil-15 ta’ Frar 2008, Premis Medical, għamlet dikjarazzjoni fis-subintestatura 8716 80 00 tan-NM, fir-rigward tar-rilaxx ta’ kunsinna ta’ sostenn għall-mixi bir-roti, li tat lok għal avviż għal ħlas ta’ dazji doganali maħruġ mill-Ispettur. Fil-5 ta’ Marzu 2008, ir-rikorrenti ppreżentat ilment kontra dan l-avviż għal ħlas.
25 B’ittri tad-9 u tat-23 ta’ Mejju 2008, Premis Medical ippreżentat rikors quddiem ir-Rechtbank Haarlem kontra ż-żewġ deċiżjonijiet mogħtija mill-Ispettur li jiċħdu l-ilmenti tagħha.
26 Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, billi tissostitwixxi l-lista ta’ merkanzija prevista fl-Anness tar-Regolament Nru 729/2004, ir-rettifika tas-7 ta’ Mejju 2004 emendat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Fir-rigward tal-klassifikazzjoni tas-sostenn għall-mixi bir-roti fin-NM, il-qorti tar-rinviju tqis, qabel kollox, li n-nota ta’ spjega tan-NM dwar l-intestatura 9021 tagħha tillimita b’mod sinjifikattiv il-kunċett ta’ “apparat biex jagħmel tajjeb għal difett jew diżabbiltà”, u li għaldaqstant, din in-nota ta’ spjega għandha tiġi injorata. Wara, hija tippreċiża li s-sostenn għall-mixi bir-roti huwa apparat intiż sabiex jikkumpensa għal difett, diżabbiltà jew diffikultà fil-mixi u li jinżamm bl-idejn. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li s-sostenn għall-mixi bir-roti ma jikkorrispondix għad-definizzjoni ta’ “vettura” fis-sens tal-intestatura 8716 tan-NM fejn il-karatteristika essenzjali hija li l-prodott huwa intiż sabiex jittrasporta l-persuni jew il-prodotti.
27 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Rechtbank Haarlem iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Ir-Regolament Nru 729/2004, [kif rettifikat] huwa validu, fis-sens li l-anness mniżżel fir-rettifika huwa l-anness il-validu? Jekk dan huwa l-każ:
2) Ir-Regolament Nru 729/2004, [kif rettifikat] […], huwa invalidu minħabba li l-Kummissjoni llimitat, f’dan ir-regolament, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-intestatura 9021 [tan-NM]? Jekk ir-regolament huwa validu:
3) Ir-Regolament Nru 729/2004, [kif rettifikat] […], huwa invalidu minħabba li l-Kummissjoni kklassifikat b’mod inkorrett is-sostenn għall-mixi bir-roti fin-[NM]?”
Fuq id-domandi preliminari
28 Permezz ta’ dawn id-domandi kkunsidrati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 729/2004 kif rettifikat huwiex validu, minn naħa, sa fejn ir-rettifika inkwistjoni bidlet il-merkanzija msemmija fit-tabella mniżżla fl-anness tar-Regolament Nru 729/2004 u, min-naħa l-oħra, sa fejn il-punt 5 tat-tabella mniżżla f’dan l-anness tikklassifika lis-sostenn għall-mixi bir-roti inkwistjoni fil-kawża prinċipali fis-subintestatura 8716 80 00 tan-NM.
29 L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, ladarba att jiġi adottat formalment, jistgħu jsiru biss korrezzjonijiet purament ortografiċi jew grammatikali lit-test tiegħu (ara s-sentenzi tat-23 ta’ Frar 1988, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, 131/86, Ġabra p. 905, punt 35, u kif ukoll tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C 137/92 P, Ġabra p. I-2555, punt 68).
30 Sabiex jiġi evalwat jekk ir-rettifika tas-7 ta’ Mejju 2004 tikkostitwixxix sempliċi korrezzjoni ta’ żball materjali li ma jkollhiex impatt fuq il-kontenut tar-Regolament Nru 729/2004, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interprezzjoni tal-liġi tal-Unjoni, ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara s-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 1994, AC ATEL Electronics Vertriebs, C‑30/93, Ġabra p. I‑2305, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, ġeneralment, dispożittiv ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni tariffarja jirreferi għall-merkanzija deskritta f’anness mehmuż mar-regolament għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-imsemmija merkanzija fin-NM.
32 Fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li l-anness tar-Regolament Nru 729/2004, fil-verżjoni inizjali tiegħu kien jinkludi l-merkanzija ta’ kull natura barra dik prevista mill-anness tar-Regolament Nru 729/2004 kif rettifikat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tispjega li, fil-verżjoni inizjali tar-Regolament Nru 729/2004, hija kienet niżżlet bi żball, bħala anness ta’ dan ir-regolament, anness ta’ regolament ieħor li jirrigwarda l-klassifikazzjoni ta’ ċerta merkanzija fin-NM u li r-rettifika ppubblikata fis-7 ta’ Mejju 2004 kienet intiża sempliċiment sabiex dan iż-żball jiġi kkorreġut.
33 Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-emendi mwettqa bir-rettifika tas-7 ta’ Mejju 2004 jirrigwardaw mhux biss l-anness tar-Regolament Nru 729/2004, iżda wkoll il-premessi tiegħu.
34 Fil-fatt, skont il-ħames premessa tar-Regolament Nru 729/2004, fil-verżjoni inizjali tiegħu, il-miżuri previsti mill-imsemmija regolament kienu kollha konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali. Bil-kontra, skont il-ħames premessa tar-Regolament Nru 729/2004, kif rettifikat, prodotti differenti previsti mill-anness, fosthom is-sostenn għall-mixi bir-roti, ma kinux is-suġġett ta’ opinjoni maħruġa mill-imsemmi kumitat fit-terminu stabbilit.
35 Minn dan jirriżulta li, billi adottat ir-Regolament Nru 729/2004, fil-15 ta’ April 2004, il-Kummissjoni ma setgħetx tirreferi għall-klassifikazzjoni tariffarja tas-sostenn għall-mixi bir-roti sussegwentement imsemmija fl-anness tar-Regolament Nru 729/2004 kif rettifikat.
36 B’rigward ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkonstatat li r-rettifika ppubblikata fis-7 ta’ Mejju 2004 tmur lill’hinn minn sempliċi rettifika ta’ żball materjali u fir-realtà emendat il-kontenut tar-Regolament Nru 729/2004 billi dan sar applikabbli għas-sostenn għall-mixi bir-roti.
37 It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx b’mod validu tikklassifika lis-sostenn għall-mixi bir-roti fl-intestatura 8716 tan-NM permezz tar-Regolament Nru 729/2004 kif rettifikat.
38 Għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 729/2004 kif rettifikat ġie adottat abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87, li jistabbilixxi n-NM, hija stess ibbażata fuq is-SA.
39 Issa, mill-qari flimkien tat-tielet inċiż tal-imsemmi artikolu u tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2658/87, jirriżulta li l-Kummissjoni, assistita mill-Kumitat tal-Kodiċi tad-Dwana, tista’ tadotta miżuri dwar l-applikazzjoni tan-NM.
40 Għalkemm, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex tippreċiża l-kontenut tal-pożizzjonijiet tat-tariffa, hija ma hijiex, madankollu, awtorizzata temenda l-kontenut tal-pożizzjonijiet tat-tariffa stabbiliti fuq il-bażi tas-SA (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2005, Jacob Meijer u Eagle International Freight, C-304/04 u C-305/04, Ġabra p. I-6251, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-27 ta’ April 2006, Kawasaki Motors Europe, C-15/05, p. I-3657, punt 35).
41 Għaldaqstant, għandu jiġi investigat jekk, fil-kawża preżenti, billi pproċediet għal klassifikazzjoni ta’ merkanzija bħal dik tas-sostenn għall-mixi bir-roti fl-intestatura 8716 tan-NM, minflok fl-intestatura 9021 tagħha, il-Kummissjoni emendat il-kontenut ta’ dawn iż-żewġ pożizzjonijiet tariffarji.
42 F’dan ir-rigward, għandha tiġi mfakkra ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tal-oġġetti, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Olicom, C-142/06, Ġabra p. I-6675, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2008, Kip Europe et, C 362/07 u C‑363/07, Ġabra p. I-9489, punt 26).
43 Barra minn hekk, id-destinazzjoni tal-prodott tista’ tikkostitwixxi, f’dak li jirrigwarda klassifika tariffarja, kriterju oġġettiv sakemm dan huwa inerenti għal dan il-prodott, u tali inerenza għandha tiġi evalwata abbażi tal-karatteristiċi u kwalitajiet oġġettivi tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2005, Ikegami, C‑467/03, Ġabra p. I‑2389, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 F’dan il-każ, skont id-deskrizzjoni msemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, is-sostenn għall-mixi bir-roti jikkonsisti f’chassis tal-aluminju, b’erba’ roti li tnejn minnhom iduru ’l quddiem, li għandu mankijiet u brejkijiet. Huwa għandu siġġu u basket biex jintrefgħu l-affarijiet fih. Dan il-prodott jista’ jintewa faċilment sabiex jiġi ttrasportat. Hekk kif ikkonfermat Premis Medical waqt is-seduta, ma hemmx sostenn għall-mixi bir-roti standard, peress li dan tal-aħħar jista’ jinxtara mingħajr basket u mingħajr siġġu li jippermetti lill-persuna tpoġġi fuqu. Bl-istess mod, it-tagħbija, it-tul u l-wisa’ tas-siġġu, il-piż u d-dijametru tar-roti jistgħu jvarjaw.
45 Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li dan il-prodott huwa intiż sabiex jgħin lil persuni li għandhom xi diffikultajiet sabiex jimxu billi jippermettilhom jimxu ’l quddiem billi jimbuttaw lis-sostenn għall-mixi bir-roti li jipprovdilhom sostenn.
46 Fir-rigward tal-intestatura 8716 tan-NM li tirrigwarda b’mod partikolari il-“vetturi oħrajn, mhux immexxijin b’mod mekkaniku”, minn noti ta’ spjega tas-SA li jirrigwardaw l-imsemmija intestatura jirriżulta li sabiex tiġi kklassifikata f’din l-intestatura, vettura b’rota jew iktar għandha tkun intiża għat-trasport tal-persuni jew tal-merkanzija. Issa, jidher li s-sostenn għall-mixi bir-roti ma jikkorrispondix għal dawn il-karatteristiċi, peress li dan ġie żviluppat speċjalment sabiex jippermetti lil persuni li għandhom xi difett f’saqajhom, fil-muskoli jew fl-għekiesi sabiex jimxu waħedhom.
47 F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li l-imsemmi sostenn għall-mixi bir-roti jista’ fl-istess ħin jippermetti lil dawn il-persuni jittrasportaw xi merkanzija u, jekk ikun il-każ, li jistrieħu billi jpoġġu fuq is-siġġu, ma jdaħħalx inkwistjoni din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, jekk jitqies li s-sostenn għall-mixi bir-roti li ġie żviluppat speċjalment sabiex jippermetti lil persuni jimxu, jista’ jiżgura diversi funzjonijiet differenti, hekk kif issostni l-Kummissjoni, għandu jiġi kklassifikat skont il-funzjoni prinċipali li tikkaratterizza t-totalità tiegħu.
48 Fir-rigward tal-intestatura 9021 tan-NM, li, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellha tinżamm mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja inkwistjoni, għandu jiġi mfakkar li l-istrumenti u l-apparat li jaqgħu taħt il-Kapitolu 90 tan-NM huma kkaratterizzati, bħala regola ġenerali, mit-tmiem tal-manifattura tagħhom u mill-preċiżjoni kbira tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2002, Lohmann u Medi Bayreuth, C-260/00 sa C‑263/00, Ġabra p. I-10045, punt 37).
49 B’mod iktar partikolari, din l-intestatura tirreferi għall-“Apparat ortopediku, inklużi krozzi” u għat-“tagħmir ieħor li jintlibes jew jinġarr, jew jitqiegħed fil-ġisem biex jagħmel tajjeb għal difett jew diżabbiltà”.
50 Il-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni ma jipprekludix li s-sostenn għall-mixi bir-roti, sa fejn jikkumpensa għad-difett ta’ min jużah sabiex jimxi f’sigurtà kompleta, jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 9021 tan-NM.
51 Fir-rigward tal-paragun bejn is-sostenn għall-mixi bir-roti u l-“krozzi” bħala “apparat ortopediku”, għandu qabel kollox jiġi mfakkar li l-funzjoni prinċipali tal-krozzi huwa li jikkumpensaw għal difett jew diżabbiltà fir-riġel b’mod li persuna li għandha tali diżabbiltà tkun tista’, permezz tal-krozzi, timxi waħeda. Huwa f’dan is-sens li l-krozzi huma indispensabbli għal persuna li għandha diżabbiltà fil-moviment tagħha sabiex timxi (ara s-sentenza tal-24 ta’ Marzu 1994, 3M Medica, C‑148/93, Ġabra p. I‑1123, punt 15).
52 Fir-rigward tas-sostenn għall-mixi bir-roti, il-funzjoni prinċipali tiegħu huwa wkoll li jservi ta’ sostenn għall-persuna għall-mixi. Anki jekk, b’differenza mill-krozzi, jirrekjedi l-użu taż-żewġ riġlejn, huwa jikkumpensa, bħall-krozzi, difett jew diżabbiltà li tikkonsisti ġeneralment fl-impossibbiltà tal-persuna kkonċernata li tikkoordina l-moviment tar-riġlejn billi jżomm l-ekwilibriju li huwa indispensabbli għall-mixi.
53 Minn dan jirriżulta li s-sostenn għall-mixi bir-roti jippermetti lil persuna tikkumpensa n-nuqqas tal-ekwilibriju li huwa indispensabbli għall-mixi b’mod li jippermettilha timxi waħeda. Sa fejn il-kapaċità tal-kumpens tal-ekwilibriju fil-mixi huwa inerenti għall-mixi nnifsu, tali sostenn għall-mixi bir-roti jissodisfa funzjoni analoga għal dik tal-krozzi.
54 Fi kliem ieħor, sostenn għall-mixi bir-roti jippermetti lil persuna sabiex twettaq funzjoni li tikkonsisti f’li timxi ’il quddiem f’sigurtà fuq saqajha stess, filwaqt li, mingħajr dan is-sostenn, bħalma jiġri mingħajr krozzi, din il-persuna ma tkunx tista’, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-istat tas-saħħa tagħha, twettaq tali funzjoni.
55 Il-fatt li s-sostenn għall-mixi bir-roti jista’ jissodisfa l-istess funzjoni tal-krozzi jikkonsisti fattur rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tiegħu fl-intestatura 9021 tan-NM.
56 In-noti ta’ spjega tan-NM dwar l-intestatura 9021 tan-NM ma jipprekludux tali klassifikazzjoni, peress li dawn jipprovdu li dan l-apparat għandu “jagħmel jew jissostitwixxi l-funzjoni tal-parti difettuża jew diżabbli tal-ġisem” u ma huwiex inkluż l-“apparat li sempliċiment itaffi l-effetti tad-difett jew diżabbiltà”.
57 Fil-fatt, għandu jiġi kkunsidrat li s-sostenn għall-mixi bir-roti jkompli jew jissostitwixxi l-funzjoni tal-parti tal-ġisem difettuża jew li għandha diżabbiltà fis-sens tan-noti ta’ spjega tan-NM dwar l-intestatura 9021 tan-NM sa fejn dan il-prodott jippermetti lill-persuna kkonċernata tikkumpensa għan-nuqqas ta’ ekwilibriju li huwa indispensabbli għall-mixi. Barra minn hekk, hekk kif enfasizzat Premis Medical waqt is-seduta, sostenn għall-mixi bir-roti huwa adattat speċjalment għall-bżonnijiet speċifiċi tal-persuna li tużah.
58 Għaldaqstant, billi tikklassifika fl-instestatura 8716 80 00 tan-NM, is-sostenn għall-mixi bir-roti, il-Kummissjoni rrestrinġiet il-portata tal-intestatura 9021 tan-NM u wessgħat dik tal-intestatura 8761 tan-NM u, għaldaqstant, eċċediet il-limiti ta’ diskrezzjoni tagħha.
59 Għaldaqstant, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li r-Regolament Nru 729/2004 kif rettifikat huwa invalidu sa fejn, minn naħa, ir-rettifika wessgħat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament inizjali tas-sostenn għall-mixi bir-roti li jikkonsisti f’chassis tal-aluminju, b’erba’ roti li tnejn minnhom iduru ’l quddiem, li għandu mankijiet u brejkijiet, u huwa żviluppat sabiex jgħin lill-persuni li għandhom xi diffikultajiet sabiex jimxu u, min-naħa l-oħra, sa fejn jikklassifika l-imsemmija sostenn għall-mixi bir-roti taħt is-subintestatura 8716 80 00 tan-NM.
Fuq l-ispejjeż
60 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 729/2004, tal-15 ta’ April 2004, dwar il-klassifika ta’ ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-rettifika ppubblikata fis-7 ta’ Mejju 2004, huwa invalidu sa fejn, minn naħa, ir-rettifika wessgħet il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament inizjali tas-sostenn għall-mixi bir-roti li jikkonsisti f’chassis tal-aluminju, b’erba’ roti li tnejn minnhom iduru ’l quddiem, li għandu mankijiet u brejkijiet, u huwa żviluppat sabiex jgħin lill-persuni li għandhom xi diffikultajiet sabiex jimxu u, min-naħa l-oħra, sa fejn jikklassifika l-imsemmija sostenn għall-mixi bir-roti taħt is-subintestatura 8716 80 00 tan-Nomenklatura Magħquda.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy