Kawża C-296/09
Vlaamse Gemeenschap
vs
Maurits Baesen
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Belġju))
“Sigurtà soċjali — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikolu 13(2)(d) — Kunċett ta’ ‘persuni trattati bħal’ uffiċjali — Kuntratt ta’ xogħol konkluż ma awtorità pubblika”
Sommarju tas-sentenza
Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Leġiżlazzjoni applikabbli
(Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, kif emendat bir-Regolament Nru 1390/81, Artikolu 13(2)(d))
It-tifsira tal-frażijiet “ħaddiema fis-servizz ċivili [uffiċjali]” u “persuni ttrattati bħalhom”, fis-sens tal-Artikolu 13(2)(d) tar-Regolament Nru 1408/71 kif emendat bir-Regolament Nru 1390/81, hija ddeterminata biss mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru fejn tinsab l-amministrazzjoni li timpjega. Persuna li, fi Stat Membru, hija parzjalment suġġetta għall‑iskema tas-sigurtà soċjali tal-uffiċjali u parzjalment suġġetta għall-iskema tas-sigurtà soċjali tal-impjegati, tista’ għalhekk issib ruħha suġġetta, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(2)(d) ta’ dan ir-regolament, biss għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn tinsab l-amministrazzjoni li timpjegaha.
(ara l-punt 31 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
9 ta’ Diċembru 2010 (*)
“Sigurtà soċjali – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 13(2)(d) – Kunċett ta’ ‘persuni trattati bħal’ uffiċjali – Kuntratt ta’ xogħol konkluż ma awtorità pubblika”
Fil-Kawża C‑296/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Mejju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Lulju 2009, fil-kawża
Vlaamse Gemeenschap
vs
Maurits Baesen,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann (Relatur), L. Bay Larsen, C. Toader u A. Prechal, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Vlaamse Gemeenschap, minn W. van Eeckhoutte, avukat,
– għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. van Beek u V. Kreuschitz, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ “ħaddiema fis‑servizz ċivili [uffiċjali] u [ta’] persuni ttrattati bħalhom” fis-sens tal‑Artikolu 13(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35) kif emendat bir-Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 1390/81, tat-12 ta’ Mejju 1981 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 222, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).
2 Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Baesen u l-Vlaamse Gemeenschap fir-rigward ta’ talba għal kumpens għal kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali li allegatament tħallsu indebitament fil‑Belġju.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3 L-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Il-Persuni koperti” jipprovdi:
“Dan ir-Regolament għandu japplika għall-impjegati fis-servizz ċivili [uffiċjali] u għall-persuni li, bi qbil mal-leġislazzjoni applikbbli, huma trattati ta’ hekk, meta jkunu jew kienu soġġetti għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li għalih japplika dan ir-Regolament.”
4 L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Materji koperti”, jipprovdi:
“1. Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha rigward il‑friegħi tas-sigurtà soċjali li ġejjin:
a) benefiċċji tal-mard u tal-maternità;
b) benefiċċji ta’ l-invalidità, inklużi dawk maħsuba għall-manteniment jew it‑titjib fil-kapaċità tal-qligħ (tal-flus);
c) benfiċċji tax-xjuħija;
d) benefiċċji tas-superstiti;
e) benefiċċji rigward inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard kawżat mix‑xogħol;
f) għotijiet minħabba mwiet;
g) benefiċċji tal-qgħad;
h) benefiċċji familjari/tal-familja.
[…]
4. Dan ir-Regolament ma għandux japplika [la għall-… u lanqas] għal skemi speċjali għall-impjegati fis-servizz ċivili [uffiċjali] u persuni trattati ta’ hekk.”
5 L-Artikolu 13 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Regoli ġenerali”, jipprovdi:
“1. Soġġetti [bla ħsara] għall-Artikolu 14(ċ), persuni li għalihom jgħodd dan ir‑Regolament għandhom ikunu soġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Dik il-leġislazzjoni għandha tiġi stabbilita skond id-dispożizzjonijiet ta dan it-Titolu
2. Soġġetta għall-Artikoli 14 sa 17:
a) persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed għandha tkun soġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat ukoll jekk tkun tgħix fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju rreġistrat jew il-post tan-negozju ta’ l-intrapriża jew ta’ l-individwu li jimpjegaha jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;
[…]
d) ħaddiema fis-servizz ċivili [uffiċjali] u persuni ttrattati bħalhom għandhom ikunu soġġetti għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru, li għalih, l-amministrazzjoni li timpjegahom, tkun soġġetta
[…]”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
6 Skont l-Artikolu 1(1) tal-liġi tas-27 ta’ Ġunju 1969 li temenda d-digriet liġi tat‑28 ta’ Diċembru 1944, dwar is-sigurtà soċjali tal-ħaddiema, din tapplika għall‑ħaddiema u għall-impjegati li huma marbutin b’kuntratt ta’ xogħol.
7 Skont l-Artikolu 2(1)(2) tal-imsemmija liġi, ir-Re jista’, permezz ta’ digriet deliberat fil-Kunsill tal-Ministri u wara li jikkonsulta mal-Kunsill nazzjonali tax‑xogħol, jillimita, għal ċerti kategoriji ta’ ħaddiema li huwa jiddetermina, l‑applikazzjoni tal-liġi għal skema jew iktar minn fost dawk elenkati fl-Artikolu 5 ta’ din il-liġi.
8 L-Artikolu 9(2) tad-digriet Irjali tat-28 ta’ Novembru 1969 adottat skont il-liġi tas‑27 ta’ Ġunju 1969 jipprovdi li, f’dak li jirrigwarda l-persuni li l-Istat, il‑provinċji u l-istabbilimenti suġġetti għall-provinċji jimpjegaw permezz ta’ kuntratti ta’ impjieg, l-applikazzjoni tal-liġi hija limitata għall-iskemi msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1), jiġifieri l-iskema ta’ assigurazzjoni obligatorja għall-mard u għall-invalidità, l-iskema ta’ pensjoni għall-irtirar u tas‑superstiti tal-impjegati u l-iskema tal-impjieg u tal-qagħad tal-ħaddiema.
9 Skont l-Artikolu 1(1)(3) tal-liġi tat-3 ta’ Lulju 1967 fuq it-tqassim tar‑responsabbiltà għad-danni li jirriżultaw minn inċidenti tax-xogħol, minn inċidenti li jseħħu fit-triq lejn ix-xogħol u minn mard ikkaġunat mix-xogħol fis‑settur pubbliku, l-iskema stabbilita b’din il-liġi hija applikabbli għall-membri tal-persunal definittiv, bi prova, temporanju, awżiljarju jew impjegat b’kuntratt ta’ xogħol, li jiffurmaw parti mill-amministrazzjonijiet jew mid-dipartimenti eżekuttivi tal-Komunitajiet u tar-Reġjuni.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
10 M. Baesen, ċittadin Belġjan, beda jaħdem mal-Vlaamse Gemeenschap fl-1988 bħala spettur tal-investimenti. Huwa kien impjegat permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol li għall-ewwel kien għal żmien determinat u, sussegwentement, għal żmien indeterminat, huwa kien iwettaq l-attività professjonali tiegħu fi Stokkolma (l‑Isvezja).
11 Fis-7 ta’ Ottubru 1996, il-Vlaamse Gemeenschap temmet l-imsemmi kuntratt ta’ xogħol u tagħtu benefiċċju tat-tkeċċija ekwivalenti għal tnax-il xahar paga. M. Baesen ippreżenta rikors quddiem it-Tribunal du travail de Bruxelles [Tribunal industrijali ta’ Brussell] sabiex jikseb benefiċċju addizzjonali tat-tkeċċija u danni għal tkeċċija abbużiva. Matul il-proċedura ġudizzjarja li segwiet, b’mod partikolari waqt l-appell quddiem il-cour du travail de Bruxelles [Qorti Industrijali ta’ Brussell], huwa talab ukoll ammont ta’ EUR 19 874.74 bħala kumpens għal kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li, fl-opinjoni tiegħu, tħallsu indebitament fil‑Belġju.
12 Skont l-Artikolu 13(2)(d) tar-Regolament Nru 1408/71, uffiċjali u persuni trattati bħalhom għandhom ikunu suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li għaliha tkun suġġetta l-amministrazzjoni li timpjegahom. Issa, M Baesen isostni li peress li huwa huwa marbut mal-Vlaamse Gemeenschap inkwantu “persuna impjegata” u mhux inkwantu “ħaddiema fis-servizz ċivili [uffiċjal]” huma r-regoli ġenerali tar‑Regolament Nru 1408/71 li huma applikabbli fil-konfront tiegħu. Konsegwentement, huwa huwa suġġett għas-sistema tas-sigurtà soċjali Svediża u dan ifisser li ma kellux għalfejn iħallas kontribuzzjonijiet lis-sigurtà soċjali Belġjana.
13 Fl-appell, il-Cour du travail de Bruxelles iddeċidiet li l-ammonti miżmuma mill‑paga ta’ M Baesen fil-Belġju ma kinux iġġustifikati. Hija qieset li dan tal‑aħħar kien suġġett għas-sistema tas-siġurtà soċjali Svediża u dan skont l‑Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 li jipprovdi li persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat anki jekk tkun residenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l‑uffiċċju rreġistrat jew il-post tan-negozju tal-impriża jew tal-persuna li tħaddimha jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.
14 L-imsemmija qorti kkunsidrat li M. Baesen kien marbut mal-Vlaamse Gemeenschap permezz ta’ kuntratt għal żmien indeterminat u li għalhekk huwa, kellu l-kwalità ta’ persuna impjegata, ma kienx igawdi mill-istabbiltà tal-impjieg li tikkaratterizza l-istatus ta’ uffiċjal u, skont ir-regoli tal-persunal applikabbli għall-persunal bil-kuntratt, b’kuntrast ma dak li japplika għall uffiċjali, huwa kellu kompetenza funzjonali iżda mhux kompetenza ġerarkika.
15 Billi bbażat ruħha fuq dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tal-appell ikkunsidrat li l-appellat kellu l-kwalità ta’ “persuna impjegata” u mhux dik ta’ “persuni ttrattati bħal” uffiċjali fis-sens tal-Artikolu 13(2)(d) tar-Regolament Nru 1408/71, b’tali mod li fil-konfront tiegħu kienet applikabbli s-sistema tas-sigurtà soċjali tal‑Istat tal-post tal-impjieg tiegħu, jiġifieri r-Renju tal-Isvezja, u li għalhekk, il‑kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa fil-Belġju kienu ġew miżmuma indebitament.
16 Il-Vlaamse Gemeenschap appellat fil-kassazzjoni s-sentenza tal-cour du travail de Bruxelles. Hija essenzjalment sostniet li din il-qorti kienet wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li M. Baesen ma kienx persuna ttrattata bħal uffiċjal fis-sens tal‑Artikolu 13(2)(d) tar-Regolament Nru 1408/71 u meta qieset li, skont l‑Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament, kienet is-sistema tas-sigurtà soċjali Svediża li kienet applikabbli.
17 Ippreżentata b’appell, il-Cour de cassation ikkonstatat li mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni Belġjana fil-qasam tas-sigurtà soċjali jirriżulta li l‑persunal pubbliku bil-kuntratt tal-Vlaamse Gemeenschap huwa parzjalment suġġett għall-iskema ġenerali tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema (f’dak li jirrigwarda l-iskema ta’ assigurazzjoni obligatorja għall-mard u għall-invalidità, l‑iskema ta’ pensjoni għall-irtirar u tas-superstiti u l-iskema tal-impjieg u tal‑qagħad) u parzjalment suġġett għall-iskema speċjali għal uffiċjali (f’dak li jirrigwarda l-iskema ta’ inċidenti tax-xogħol u l-iskema ta’ mard ikkaġunat mix‑xogħol, l-iskema tal-allowances tal-familja u tal-vaganzi annwali).
18 Il-Cour de cassation tikkunsidra li għandu jiġi ddeterminat jekk il-kunċett ta’ “ħaddiema fis-servizz ċivili [uffiċjali] u [ta’] persuni ttrattati bħalhom” previst fl‑Artikolu 13(2)(d) tar-Regolament Nru 1408/71 jirriflettix il-kontenut attribwit lilu fis-sistema nazzjonali tas-sigurtà soċjali li magħha hija assoċjata l-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi jekk persuna fis-sitwazzjoni ta’ M. Baesen li, f’dak li jirrigwarda ċerti oqsma tas-sigurtà soċjali, hija suġġetta għall-iskema ġenerali tas-sigurtà soċjali pubblika għall-ħaddiema, filwaqt li, fir‑rigward ta’ oqsma oħrajn, hija suġġetta għal skema speċjali għall-uffiċjali, għandhiex tiġi kkunsidrata bħala persuna trattata bħal uffiċjali fis-sens tal‑Artikolu 13(2)(d) tar-Regolament Nru 1408/71.
19 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ domandi preliminari li ġejjin:
“1) Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(2)(d) tar-Regolament Nru 1408/71, il-kunċett ta’ “ħaddiema fis-servizz ċivili [uffiċjali] u [ta’] persuni ttrattati bħalhom” għandu jiġi interpretat abbażi tas-sistema nazzjonali tas-sigurtà soċjali li hija assoċjata magħha l-persuna kkonċernata?
2) Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, il-persuna kkonċernata li, permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol, hija impjegata minn persuna li tħaddem fis-settur pubbliku, u li, skont is-sistema nazzjonali applikabbli għal ċerti oqsma tas-sigurtà soċjali skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament [Nru 1408/71], tkun suġġetta għas-sistema ta’ sigurtà soċjali għal ħaddiema, filwaqt li, fir-rigward tal-oqsma tas-sigurtà soċjali pprovduti fl‑Artikolu 4(1)(e) [ta’ dan ir]-regolament, tkun suġġetta għal sistema speċjali għal ħaddiema fis-servizz ċivili, għandha titqies bħala persuna ttrattata bħal ħaddiema fis-servizz ċivili skont l-Artikolu 13(2)(d) tar‑Regolament Nru 1408/71?”
Fuq id-domandi preliminari
20 Sa fejn iż-żewġ domandi preliminari magħmula huma intiżi sabiex jiġu determinati t-tifsiriet ta’ “ħaddiema fis-servizz ċivili [uffiċjali]” u ta’ “persuni ttrattati bħalhom” fis-sens tal-Artikolu 13(2)(d) tar-Regolament Nru 1408/71, dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien.
21 Permezz tad-domandi tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, minn naħa, jekk it-tifsiriet ta’ “ħaddiema fis-servizz ċivili [uffiċjali]” u ta’ “persuni ttrattati bħalhom” fis-sens tal-Artikolu 13(2)(d) tar-Regolament Nru 1408/71, għandhomx jiġu ddeterminati biss abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ta’ fejn tinsab l-amministrazzjoni li timpjega u, min-naħa l-oħra, jekk persuna fis-sitwazzjoni tal-konvenut fil-kawża prinċipali li, fi Stat Membru, hija parzjalment suġġetta għall-iskema tas-sigurtà soċjali tal-uffiċjali u parzjalment suġġetta għall-iskema tas-sigurtà soċjali tal-impjegati, tistax għalhekk issib ruħha suġġetta, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(2)(d) ta’ dan ir-regolament, biss għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn tinsab l-amministrazzjoni li timpjegaha.
22 Għandu qabel kollox jiġi osservat li r-Regolament Nru 1408/71 jimplementa l‑Artikolu 42 KE li jipprovdi għal koordinazzjoni tal-liġijiet nazzjonali dwar is‑sigurtà soċjali u mhux l-armonizzazzjoni tagħhom. Għalhekk, id-differenzi sostantivi u proċedurali bejn l-iskemi tas-sigurà soċjali ta’ kull Stat Membru, u għaldaqstant, id-differenzi fid-drittijiet tal-persuni li jaħdmu f’dawn l-Istati, ma humiex koperti minn din id-dispożizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 1986, Pinna, 41/84, Ġabra p. 1, punt 20; tat-30 ta’ Jannar 1997, de Jaeck, C‑340/94, Ġabra p. I‑461, punt 18, u tas-16 ta’ Lulju 2009, von Chamier-Glisczinski, C‑208/07, Ġabra p. I‑6095, punt 84).
23 Fir-rigward tal-persuni li jistgħu jinvokaw id-dispożizzjonijiet ta’ koordinazzjoni tal-iskemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali previsti fir-Regolament Nru 1408/71, l‑istess regolament jagħmel riferiment għall-persuni li huma assoċjati ma dawn l‑iskemi (sentenza de Jaeck, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).
24 Barra minn hekk, fir-rigward tal-kunċetti ta’ “persuna impjegata” u “persuna li taħdem għal rasha” previsti fl-Artikoli 1(a) u 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71, il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn jagħmlu riferiment għad-definizzjonijiet li l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar is-sigurtà soċjali jipprovdu fir-rigward tagħhom u huma indipendenti min-natura li l-attività mwettqa għandha fi ħdan id‑dritt industrijali (sentenza de Jaeck, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).
25 Interpretazzjoni loġika u koerenti tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar‑Regolament Nru 1408/71 u tas-sistema ta’ kunflitt ta’ liġijiet li huwa jimplementa timplika li l-istess tip ta’ raġunament japplika f’dak li jirrigwarda l‑interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “ħaddiema fis-servizz ċivili [uffiċjali]” u ta’ “persuni ttrattati bħalhom” fis-sens tal-Artikolu 13(2)(d), ta’ dan ir-regolament, u li dawn it-termini għandhom jinftehmu fis-sens mogħti lilhom mid-dritt nazzjonali għall-applikazzjoni tal-iskemi tal-Istati Membri dwar is-sigurtà soċjali. Tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan ġenerali tar-Regolament Nru 1408/71 li huwa dak ta’ koordinazzjoni u mhux dak ta’ armonizzazzjoni.
26 F’dak li jirrigwarda, speċifikatament, is-sitwazzjoni ta’ M. Baesen li, skont il‑konstatazzjonijiet imwettqa mill-qorti tar-rinviju, huwa suġġett, fir-rigward ta’ ċerti oqsma tas-sigurtà soċjali, għall-iskema ġenerali tas-sigurtà soċjali għall‑ħaddiema, filwaqt li, fir-rigward ta’ oqsma oħra, huwa suġġett għal skema speċjali għal uffiċjali, din il-qorti tistaqsi jekk persuna f’din is-sitwazzjoni tistax tiġi kkunsidrata bħala persuna trattata bħal uffiċjali, fis-sens tal-Artikolu 13(2)(d) tar-Regolament Nru 1408/71.
27 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1408/71, dan japplika għall-uffiċjali u għall-persunal li, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, huwa trattat bħalhom, sa fejn huma jew kienu suġġetti għal‑leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li fir-rigward tagħha huwa applikabbli l‑preżenti regolament.
28 Minn dan jirriżulta li l-klassifikazzjoni ta’ persuna bħala “ħaddiema fis-servizz ċivili [uffiċjali]” jew bħala “persuni ttrattati bħalhom” tiddependi esklużivament fuq id-dritt tal-Istat Membru li għalih hija suġġetta l-amministrazzjoni li timpjegaha u li hija għad-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru li jiddetermina l‑portata tal-protezzjoni soċjali li huwa jrid jagħti lil dawn il-kategoriji ta’ persuni.
29 Għalhekk, fid-dawl tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, u partikolarment tal-Artikoli 2(3) u 13(2)(d) tiegħu, il-frażijiet “ħaddiema fis‑servizz ċivili [uffiċjali]” u “persuni ttrattati bħalhom” għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għall-persuni kkunsidrati bħala tali mid-dritt tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab l-amministrazzjoni li timpjega lill-persuna kkonċernata.
30 Minn dan isegwi li persuna fis-sitwazzjoni ta’ M. Baesen ma hijiex eskluża mill‑kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(2)(d) tar-Regolament Nru 1408/71 biss minħabba li hija biss parzjalment suġġetta għall-iskema ta’ sigurtà soċjali tal‑uffiċjali fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab l-amministrazzjoni li timpjegha.
31 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li t-tifsira tal-frażijiet “ħaddiema fis-servizz ċivili [uffiċjali]” u “persuni ttrattati bħalhom” fis-sens tal-Artikolu 13(2)(d) tar‑Regolament Nru 1408/71, hija ddeterminata biss mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab l-amministrazzjoni li timpjega u li persuna fis-sitwazzjoni tal-konvenut fil-kawża prinċipali li fi Stat Membru hija parzjalment suġġetta għall-iskema tas-sigurtà soċjali tal-uffiċjali u parzjalment suġġetta għall-iskema tas-sigurtà soċjali tal-impjegati, tista’ għalhekk issib ruħha suġġetta, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(2)(d) ta’ dan ir‑regolament, biss għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn tinsab l‑amministrazzjoni li timpjegaha.
Fuq l-ispejjeż
32 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
It-tifsira tal-frażijiet “ħaddiema fis-servizz ċivili [uffiċjali]” u “persuni ttrattati bħalhom”, fis-sens tal-Artikolu 13(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1390/81, tat-12 ta’ Mejju 1981, hija ddeterminata biss mid‑dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru fejn tinsab l‑amministrazzjoni li timpjega u li persuna fis-sitwazzjoni tal-konvenut fil‑kawża prinċipali, li fi Stat Membru hija parzjalment suġġetta għall‑iskema tas-sigurtà soċjali tal-uffiċjali u parzjalment suġġetta għall‑iskema tas-sigurtà soċjali tal-impjegati, tista’ għalhekk issib ruħha suġġetta, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(2)(d) ta’ dan ir‑regolament, biss għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn tinsab l‑amministrazzjoni li timpjegaha.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy