Kawża C-305/09
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika Taljana
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Għajnuna mill-Istat — Inċentivi fiskali favur impriżi li jipparteċipaw f’fieri barra l-pajjiż — Irkupru”
Sommarju tas-sentenza
1. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Obbligu — Dmir ta’ eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni
(Artikoli 88(2) KE u 249 KE)
2. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna illegali — Raġunijiet ta’ difiża — Impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni
(Artikoli 10 KE, 88(2) KE u 249 KE)
3. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali — Kundizzjonijiet u limiti — Obbligi tal-qrati nazzjonali
(Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 14(3))
1. L-Istat Membru destinatarju ta’ deċiżjoni li tobbligah jirkupra għajnuna illegali huwa marbut, skont l-Artikolu 249 KE, jadotta l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni u għandu jirnexxielu jirkupra b’mod effettiv l-ammonti dovuti. Irkupru tardiv, wara t-termini previsti, kif ukoll passi leġiżlattivi intiżi sabiex tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni, mill-qrati nazzjonali, ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tobbliga lil Stat Membru jirkupra għajnuna illegali, li jintervjenu b’mod tardiv jew li jirriżulta li huma ineffettivi, ma jistgħux jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-Trattat.
Huwa manifestament inkompatibbli mal-obbligu tal-Istat Membru li jasal għal irkupru effettiv tal-ammonti dovuti u jikkostitwixxi ksur tad-dmir ta’ eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni l-fatt li, wara l-iskadenza tat-termini kollha stabbiliti minnha, parti mill-għajnuna illegali għadha ma ġietx irkuprata mill-Istat Membru. Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li madwar 90 % tal-kapital tal-għajnuna illegali ġie rkuprat sa dakinhar tas-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.
(ara l-punti 26, 27, 29, 30, 40)
2. Fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 88(2) KE, l-unika difiża li tista’ tiġi invokata minn Stat Membru hija dik ibbażata fuq impossibbiltà assoluta li d-deċiżjoni inkwistjoni tiġi eżegwita korrettament. Il-kundizzjoni ta’ impossibbiltà assoluta li tiġi eżegwita deċiżjoni ma tiġix sodisfatta meta l-Istat Membru konvenut ma jagħmel xejn ħlief jinforma lill-Kummissjoni bid-diffikultajiet legali, politiċi jew prattiċi li l-implementazzjoni tad-deċiżjoni toħloq, mingħajr ma jieħu l-passi neċessarji sabiex jirkupra l-għajnuna mingħand l-impriżi kkonċernati u mingħajr ma jipproponi lill-Kummissjoni metodi alternattivi għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni ta’ natura li jippermettu li jiġu megħluba dawn id-diffikultajiet.
B’mod partikolari, il-fatt li l-Istat Membru inkwistjoni jqis li huwa neċessarju li jivverifika s-sitwazzjoni partikolari ta’ kull impriża kkonċernata, sabiex jagħmel eżami preliminari sabiex jidentifika l-benefiċjarji tal-benefiċċji msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, ma jiġġustifikax in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni.
Stat Membru li, fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, jiltaqa’ ma’ diffikultajiet imprevisti u li ma kinux prevedibbli jew jinduna b’konsegwenzi li ma kinux ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni, għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dawn il-problemi sabiex jiġu kkunsidrati minn din tal-aħħar, filwaqt li jipproponi emendi xierqa għad-deċiżjoni inkwistjoni. F’każ bħal dan, l-Istat Membru u l-Kummissjoni għandhom, skont ir-regola li timponi fuq l-Istati Membri u fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali, li fuqha huwa bbażat, b’mod partikolari, l-Artikolu 10 KE, jikkollaboraw in bona fide sabiex jegħlbu d-diffikultajiet filwaqt li jiġu osservati b’mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tat-Trattat u, b’mod partikolari, dawk dwar l-għajnuna.
(ara l-punti 32-34, 37)
3. Filwaqt li l-istħarriġ, mill-qorti nazzjonali, tal-legalità formali ta’ att nazzjonali bl-għan li jirkupra għajnuna illegali minn Stat għandu jkun ikkunsidrat bħala sempliċi konkretizzazzjoni tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-qrati nazzjonali huma marbuta, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, jiggarantixxu l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna illegali u li twassal għal soluzzjoni li tikkonforma mal-għan ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, l-annullament ta’ att nazzjonali ta’ implementazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna illegali, li jxekkel l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tal-imsemmija deċiżjoni, huwa inkompatibbli mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 14(3) tal-imsemmi regolament.
(ara l-punti 46, 47)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
5 ta’ Mejju 2011 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Għajnuna mill-Istat – Inċentivi fiskali favur impriżi li jipparteċipaw f’fieri barra l-pajjiż – Irkupru”
Fil-Kawża C‑305/09,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 88(2) KE, imressaq fit-30 ta’ Lulju 2009,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u V. Di Bucci kif ukoll minn E. Righini, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn D. Del Gaizo u P. Gentili, avvocati dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič, M. Safjan (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2010,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma adottatx, fit-termini previsti, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tabolixxi s-sistema ta’ għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq komuni bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/919/KE, tal-14 ta’ Diċembru 2004, dwar inċentivi fiskali favur impriżi li jipparteċipaw f’fieri barra l-pajjiż (ĠU 2005, L 335, p. 39), u tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna mogħtija taħt din l-iskema, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-Trattat KE u d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2 sa 4 ta’ din id-deċiżjoni.
Il-kuntest ġuridiku
2 It-tlettax-il premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), taqra kif ġej:
“Billi f’każijiet ta’ għajnuna llegali li m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni, għandha terġa titqajjem kompetizzjoni effettiva; billi għal dan il-għan huwa meħtieġ li l-għajnuna, li tinkludi l-imgħax, għandha tinġieb lura mingħajr dewmien; billi huwa xieraq li r-radd lura jsir f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali; billi l-applikazzjoni ta’ dawk il-proċeduri ma għandhomx, billi jipprevjenu l-esekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, timpedixxi l-qawmien mill-ġdid tal-kompetizzjoni effettiva; billi sabiex jinkiseb dan ir-riżultat, Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw l-effettività tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni”.
3 L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, intitolat “Rkupru ta’ għajnuna”, jistipula:
“1. Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (minn hawn ’l quddiem imsejjħa “deċiżjoni ta’ rkupru”). Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.
2. L-għajnuna li ser tkun rikuperata skond deċiżjoni ta’ rkupru għandha tinkludi l-imgħax f’rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jkun pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna llegali kienet fid-disposizzjoni tal-benefiċjarju sad-data li fiha kienet irkuprata.
3. Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej skond l-Artikolu [242 KE], ir-rkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall-esekuzzjoni mmedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-effett u fl-eventwalità ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri proviżjonali, mingħajr preġudizzju għall-liġi tal-Komunità.”
4 Skont l-Artikolu 23(1), ta’ dan l-istess regolament:
“Fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jikkonformax mad-deċiżjonijiet kondizzjonali jew negattivi, b’mod partikolari f’każijiet imsemmija fl-Artikolu 14, il-Kummissjoni tista’ tirreferi l-argument lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej direttament f’konformità ma’ l-Artikolu [88(2) KE].”
Il-fatti li wasslu għall-kawża
5 Skont il-premessa 1 tad-Deċiżjoni 2005/919:
“Id-Digriet-Leġiżlattiv Nru 269 […] tat-30 ta’ Settembru 2003 dwar ‘Dispożizzjonijiet urġenti intiżi li jiffavorixxu l-iżvilupp u l-korrezzjoni tal-evoluzzjoni tal-kontijiet pubbliċi’ (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 269/2003”), ippromulgat mill-Italja, ġie ppubblikat [fil-GURI] Nru 229 tat-2 ta’ Ottubru 2003. Sussegwentement, l-Artikolu 1(1)(b), li jipprevedi inċentivi fiskali speċifiċi għall-impriżi li jipparteċipaw f’fieri barra l-pajjiż, ġie kkonvertit mingħajr emendi fil-liġi Nru 326 tal-24 ta’ Novembru 2003 […], ippubblikat [fil-GURI] Nru 274 tal-25 ta’ Novembru 2003.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
6 Kif jirriżulta mill-imsemmija deċiżjoni, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet tippermetti lill-impriżi kollha li huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fl-Italja, li kienu joperaw fit-2 ta’ Ottubru 2003, li jnaqqsu mid-dħul taxxabbli tagħhom l-ispejjeż direttament sostnuti minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom f’fieri barra l-pajjiż. L-imsemmi tnaqqis kellu effett fuq id-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli, għas-sena bażi 2004, tal-impriżi li s-sena finanzjarja tagħhom taħbat mas-sena tal-kalendarju.
7 Wara li nfetħet investigazzjoni formali mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Taljani informaw uffiċjalment lill-benefiċjarji potenzjali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni bil-konsegwenzi possibbli ta’ dikjarazzjoni ta’ inkompattibiltà ta’ din l-iskema mas-suq komuni. Wara li rrikonoxxiet l-inkompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, il-Kummissjoni qieset li kien neċessarju li l-għajnuna li diġà ngħatat tiġu rkuprata mingħand il-benefiċjarji.
8 B’mod iktar speċifiku, l-Artikoli 1 sa 4 tad-Deċiżjoni 2005/919 jipprovdu kif ġej:
“Artikolu 1
L-iskema ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija f’forma ta’ inċentivi fiskali lil impriżi li jipparteċipaw f’fieri barra l-pajjiż, prevista fl-Artikolu 1(1)(b), tad-digriet leġiżlattiv Nru 269/2003, implementata illegalment mill-Italja bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat KE, hija inkompattibbli mas-suq komuni.
L-Italja għandha twaqqaf l-iskema msemmija fl-ewwel subparagrafu.
Artikolu 2
1. L-Italja għandha tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1, imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom illegalment.
L-irkupru għandu jseħħ mingħajr dewmien, b’mod konformi mal-proċeduri tad-dritt nazzjonali.
2. Jekk l-għajnuna diġà ngħatat permezz ta’ tnaqqis fuq pagamenti bil-quddiem tat-taxxi dovuti għas-sena fiskali kurrenti, l-Italja għandha tirkupra l-ammont totali tat-taxxa dovuta fil-kuntest tal-aġġustament previst għas-sena bażi 2004.
Fil-każijiet l-oħrajn kollha, l-Italja għandha tirkupra t-taxxa dovuta sa mhux iktar tard minn tmiem l-ewwel sena fiskali li matulha taħbat id-data ta’ notifika ta’ din id-deċiżjoni.
3. L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandha tinkludi l-interessi dekorribbli mid-data li fiha tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji, sad-data meta tiġi effettivament irkuprata, ikkalkolati b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9, 10 u 11 tar-Regolament (KE) Nru 794/2004.
Artikolu 3
F’terminu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, l-Italja għandha tinforma lill-Kummissjoni, permezz tal-kwestjonarju anness, bil-miżuri li tkun ħadet biex tikkonforma magħha.
Fit-terminu msemmi fl-ewwel subparagrafu, l-Italja għandha:
a) tordna lill-benefiċjarji tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 sabiex iħallsu lura l-għajnuna illegali, flimkien mal-interessi;
b) tippreżenta d-dokumenti kollha li juru li l-proċedura ta’ rkupru nbdiet kontra l-benefiċjarji tal-għajnuna illegali.
Artikolu 4
Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-proċedura prekontenzjuża
9 Fis-17 ta’ Diċembru 2004, id-Deċiżjoni 2005/919 ġiet innotifikata lir-Repubblika Taljana.
10 Sabiex jeżegwixxu din id-deċiżjoni, l-awtoritajiet Taljani adottaw numru ta’ miżuri u informaw lill-Kummissjoni bihom. Barra minn hekk, b’mod partikolari, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni żvolġiet bil-mod kif ġej:
– l-awtoritajiet Taljani informaw lill-Kummissjoni bl-adozzjoni tal-Liġi Nru 29, tal-25 ta’ Jannar 2006 (GURI Nru 32, tat-8 ta’ Frar 2006, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 29/2006”, fis-seħħ sa mit-23 ta’ Frar 2006, li d-dispożizzjonijiet tagħha jipprovdu, b’mod partikolari, għall-interruzzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, kif ukoll il-metodi tal-identifikazzjoni, tad-determinazzjoni u tal-irkupru tal-għajnuna riċevuta illegalment;
– l-Agenzia delle Entrate adottat xi kodiċi ta’ rkupru sabiex l-għajnuna inkwistjoni tingħata lura, bagħtet direttivi u għodda prattika lill-istrutturi territorjali għall-irkupru ta’ din l-għajnuna u, fl-aħħar nett, adottat il-proċedura kompjuterizzata xierqa sabiex issegwi l-progress tal-irkupru;
– il-leġiżlatur Taljan ipprova jsolvi l-problema proċedurali li rriżultat mis-sospensjoni tal-ordnijiet intiżi biex jirkupraw l-għajnuna ordnata mill-qrati nazzjonali, billi rrikorra għal strument leġiżlattiv, bl-adozzjoni tad-Digriet-Leġiżlattiv Nru 59, tat-8 ta’ April 2008 (GURI Nru 84, tad-9 ta’ April 2008, p. 3, iktar ’il quddiem id-“Digriet-Leġiżlattiv Nru 59/2008), fis-seħħ sa mid-9 ta’ April 2008, ikkonvertit f’liġi bil-liġi Nru 101, tas-6 ta’ Ġunju 2008 (GURI Nru 132, tas-7 ta’ Ġunju 2008, p. 4).
11 Matul il-proċedura prekontenzjuża kollha, il-Kummissjoni insistiet fuq l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-Deċiżjoni 2005/919. Barra minn hekk, hija talbet, f’diversi okkażjonijiet, informazzjoni u kjarifiki addizzjonali dwar il-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni u l-metodi ta’ adozzjoni tad-dispożizzjonijiet regolatorji ta’ rkupru ta’ din l-għajnuna. L-awtoritajiet Taljani informaw lill-Kummissjoni, permezz ta’ sensiela ta’ korrispondenza, dwar l-istat u l-metodi ta’ eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2005/919.
12 Il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tar-Repubblika Taljana dwar in-natura insuffiċjenti tal-proċedura ta’ rkupru tal-għajnuna ddikjarata bħala illegali u inkompatibbli mas-suq komuni. Iktar preċiżament, permezz tal-ittra tagħha tal-11 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni enfasizzat li l-irkupru effettwat mill-awtoritajiet Taljani jikkorrispondi għal inqas minn 50 % tal-għajnuna li għaliha kien hemm lok li jiġi preżunt li kienet tħallset. Għaldaqstant, peress li qieset li l-irkupru ta’ din l-għajnuna ma żdiedx minkejja l-interventi leġiżlattivi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
13 Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Istat Membru destinatarju ta’ deċiżjoni li tobbligah jirkupra għajnuna illegali huwa marbut, skont l-Artikolu 249 KE, jadotta l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.
14 Skont il-Kummissjoni, l-obbligu ta’ rkupru jikkostitwixxi sewwasew obbligu li jinkiseb riżultat. Barra minn hekk, l-irkupru għandu jkun mhux biss effettiv, iżda wkoll immedjat.
15 F’dak li jikkonċerna l-ħtieġa li tiġi adottata liġi u l-miżuri amministrattivi ta’ implementazzjoni li jikkorrispondu għaliha sabiex tiġi eżegwita d-Deċiżjoni 2005/919, il-Kummissjoni fakkret f’diversi okkażjonijiet li l-għażla ta’ strument leġiżlattiv ma tikkostitwixxix il-metodu l-iktar xieraq sabiex tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-deċiżjoni.
16 Il-Kummissjoni tosserva mbagħad li l-unika difiża li tista’ tiġi invokata mir-Repubblika Taljana f’din il-kawża hija dik ibbażata fuq impossibbiltà assoluta li d-Deċiżjoni 2006/261 tiġi eżegwita korrettament. Madankollu, l-awtoritajiet Taljani qatt ma invokaw xi impossibbiltà assoluta f’dan ir-rigward.
17 Fi kwalunkwe każ, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ impossibbiltà assoluta li tiġi eżegwita deċiżjoni ma tiġix sodisfatta meta l-Istat Membru konvenut ma jagħmel xejn ħlief, bħal f’dan il-każ, jinforma lill-Kummissjoni bid-diffikultajiet legali, politiċi jew prattiċi li l-implementazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/261 toħloq.
18 Fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali li ordnaw il-miżuri ta’ sospensjoni, il-Kummissjoni tenfasizza li l-prinċipju ta’ effettività għandu japplika wkoll għall-qrati nazzjonali. Quddiem talba eventwali għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ rkupru ppreżentata mill-benefiċjarju, il-qorti nazzjonali tkun marbuta tapplika l-kundizzjonijiet previsti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tevita li d-deċiżjoni ta’ rkupru tiġi mċaħħda mill-effett utli tagħha. Madankollu, f’din il-kawża, il-miżuri ta’ sospensjoni applikati mill-qrati nazzjonali ma jissodisfawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-imsemmija ġurisprudenza.
19 Minkejja li, skont id-Digriet-Leġiżlattiv Nru 59/2008, imsemmi fil-punt 10 ta’ din is-sentenza, fil-każ ta’ sospensjoni bbażata fuq motivi li għandhom x’jaqsmu mal-illegalità tad-deċiżjoni ta’ rkupru, il-qorti nazzjonali għandha, bħala regola, tordna r-rinviju għal deċiżjoni preliminari immedjata tal-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li ma jidhirx li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali kellha effett sinjifikattiv fuq il-prassi proċedurali tal-qrati nazzjonali. Fil-fatt, iktar minn erba’ snin wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2005/919, l-awtoritajiet Taljani rkupraw biss madwar 65 % tal-għajnuna li għaliha ntbagħtet ordni għall-ħlas.
20 Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-obbligu tal-awtoritajiet Taljani li jagħtu informazzjoni kemm skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2005/919 u kif ukoll skont l-Artikolu 10 KE, il-Kummissjoni tirrileva li l-ebda informazzjoni ma ġiet ikkomunikata dwar l-irkupru tal-għajnuna mingħand il-104 benefiċjarju li inizjalment ma kinux ġew awtorizzati li jagħmlu użu mill-iskema ta’ għajnuna. Din is-sitwazzjoni tikkostitwixxi ksur tal-obbligu imsemmi iktar ’il fuq.
21 Ir-Repubblika Taljana ssostni li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix li għandha tiġi segwita proċedura speċifika għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat, iżda jirrikjedi biss li l-applikazzjoni tal-proċeduri nazzjonali tkun tippermetti l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-Deċiżjoni 2005/919.
22 Huwa preċiżament sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-Deċiżjoni 2005/919 li l-awtoritajiet Taljani qiesu li huwa neċessarju li tiġi adottata l-Liġi Nru 29/2006. Fil-fatt, fl-ordinament ġuridiku Taljan, l-istrument leġiżlattiv jikkostitwixxi l-metodu l-iktar xieraq sabiex jissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ effettività.
23 Ir-Repubblika Taljana tosserva wkoll li, fil-korrispondenza voluminuża skambjata bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Taljani, dawn tal-aħħar indikaw b’mod partikolari d-diffikultajiet marbuta man-neċessità li jikkalkolaw l-ammonti dovuti, u sabiex jeskludu mill-irkupru inkwistjoni l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju li għalihom l-għajnuna kellha tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni.
24 Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-ineffettività tal-proċeduri ġudizzjarji nazzjonali, ir-Repubblika Taljana tenfasizza fuq l-isforzi tal-leġiżlatur kif ukoll tal-awtorità fiskali nazzjonali. F’dan il-kuntest, dan l-Istat Membru josserva wkoll li hu ma jistax jiġi akkużat li ma rkuprax l-għajnuna inkwistjoni peress li l-irkupru tagħha jiddependi fuq deċiżjoni tal-qorti nazzjonali.
25 F’dak li jikkonċerna l-motiv tal-Kummissjoni bbażat fuq il-ksur tal-obbligu li tingħata informazzjoni, ir-Repubblika Taljana ssostni li hi kienet indikat lil din l-istituzzjoni li s-sitwazzjoni tal-benefiċjarji potenzjali tal-għajnuna inkwistjoni ma hijiex regolata mil-Liġi Nru 29/2006, iżda taqa’ taħt is-sistema tal-evażjoni fiskali. Barra minn hekk, bħala difiża, dan l-Istat Membru pproduċa deskrizzjoni addizzjonali tas-somom miġbura kif ukoll tal-proċeduri kontenzjużi li kienu għaddejjin f’dan ir-rigward.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
26 Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Istat Membru destinatarju ta’ deċiżjoni li tobbligah jirkupra għajnuna illegali huwa marbut, skont l-Artikolu 249 KE, jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, C-232/05, Ġabra p. I‑10071, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 L-Istat Membru għandu jirnexxielu jirkupra b’mod effettiv l-ammonti dovuti (ara s-sentenzi, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑304/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 32). Irkupru tardiv, wara t-termini previsti, ma jistax jissodisfa r-rekwiżiti tat-Trattat (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32 u l-ġurisprudenza iċċitata).
28 Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2005/919, ir-Repubblika Taljana kienet marbuta tirkupra l-għajnuna inkwistjoni mingħand il-benefiċjarji mingħajr dewmien. B’mod partikolari, skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, meta l-għajnuna tkun diġà ngħatat fil-forma ta’ tnaqqis fuq il-pagamenti bil-quddiem ta’ taxxi dovuti għas-sena fiskali li kienet għaddejja, dan l-Istat Membru kellu jirkupra t-taxxa dovuta kollha flimkien mal-interessi fil-kuntest tal-aġġustament previst għas-sena fiskali 2004. Fil-każijiet l-oħra kollha, it-taxxa dovuta, flimkien mal-interessi, kellha tiġi rkuprata sa mhux iktar tard minn tmiem l-ewwel sena fiskali li matulha ħabtet id-data ta’ notifika tal-imsemmija deċiżjoni, jiġifieri s-17 ta’ Diċembru 2004.
29 Issa, f’din il-kawża, ma huwiex ikkontestat li, diversi snin wara n-notifika lir-Repubblika Taljana tad-Deċiżjoni 2006/261 u wara li skadew it-termini kollha stabbiliti minnha, parti mill-għajnuna illegali għadha ma ġietx irkuprata minn dan l-Istat Membru. Sitwazzjoni bħal din hija manifestament inkompatibbli mal-obbligu ta’ dan tal-aħħar li jasal għal irkupru effettiv tal-ammonti dovuti u tikkostitwixxi ksur tad-dmir ta’ eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-Deċiżjoni 2005/919.
30 Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li, kif jirriżulta mill-proċess, madwar 90 % tal-kapital tal-għajnuna illegali ġie rkuprat sa dakinhar tas-seduta ta’ din il-kawża. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li l-għajnuna inkwistjoni ma ġietx irkuprata totalment sad-data tat-tressiq ta’ dan ir-rikors.
31 Barra minn dan, mill-proċess ma jirriżultax li l-awtoritajiet Taljani osservaw it-termini previsti fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2005/919 sabiex tiġi rkuprata l-għajnuna illegali mill-benefiċjarji.
32 Fir-rigward tal-argumenti tar-Repubblika Taljana ppreżentati biex tiddefendi ruħha, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-unika difiża li tista’ tiġi invokata minn Stat Membru kontra rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 88(2) KE hija dik ibbażata fuq impossibbiltà assoluta li d-deċiżjoni inkwistjoni tiġi eżegwita korrettament (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑177/06, Ġabra p. I‑7689, punt 46; tat-13 ta’ Novembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑214/07, Ġabra p. I‑8357, punt 44, u Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).
33 Il-kundizzjoni ta’ impossibbiltà assoluta li tiġi eżegwita deċiżjoni ma tiġix sodisfatta meta l-Istat Membru konvenut ma jagħmel xejn ħlief jinforma lill-Kummissjoni bid-diffikultajiet legali, politiċi jew prattiċi li l-implementazzjoni tad-deċiżjoni toħloq, mingħajr ma jieħu l-passi neċessarji sabiex jirkupra l-għajnuna mingħand l-impriżi kkonċernati u mingħajr ma jipproponi lill-Kummissjoni metodi alternattivi għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni, li setgħu jippermettu li jingħelbu dawn id-diffikultajiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-485/03 sa C-490/03, Ġabra p. I‑11887, punt 74; tat-13 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46, u l-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).
34 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li Stat Membru li, fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, jiltaqa’ ma’ diffikultajiet imprevisti u li ma kinux prevedibbli jew jinduna b’konsegwenzi li ma kinux ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni, għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dawn il-problemi sabiex jiġu kkunsidrati minn din tal-aħħar, filwaqt li jipproponi emendi xierqa għad-deċiżjoni inkwistjoni. F’każ bħal dan, l-Istat Membru u l-Kummissjoni għandhom, skont ir-regola li timponi fuq l-Istati Membri u fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali, li fuqha huwa bbażat, b’mod partikolari, l-Artikolu 10 KE, jikkollaboraw in bona fide sabiex jegħlbu d-diffikultajiet filwaqt li jiġu osservati b’mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tat-trattat u, b’mod partikolari, dawk dwar l-għajnuna (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37 u l-ġurisprudenza iċċitata).
35 F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntatti tagħha mal-Kummissjoni kif ukoll fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika Taljana ma invokatx l-impossibbiltà assoluta li teżegwixxi d-Deċiżjoni 2005/919. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li dan l-Istat Membru qatt ma ppropona lill-Kummissjoni xi modifiki għad-Deċiżjoni 2005/919 sabiex jingħelbu d-diffikultajiet marbuta mal-implementazzjoni effettiva u immedjata ta’ din tal-aħħar.
36 Issa, f’dan il-każ, ir-Repubblika Taljana sempliċement għarrfet lill-Kummissjoni bid-diffikultajiet legali, politiċi jew prattiċi maħluqa mill-implementazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.
37 B’mod partikolari, l-argument tar-Repubblika Taljana bbażat fuq diffikultajiet marbuta mal-ħtieġa li jiġu kkalkolati l-ammonti dovuti u li jiġu esklużi mill-irkupru inkwistjoni l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju li fir-rigward tagħhom l-għajnuna tqieset bħala li hija kompatibbli mas-suq komuni ma jistax jiġi aċċettat. Il-fatt li l-Istat Membru inkwistjoni jħoss il-bżonn li jivverifika s-sitwazzjoni partikolari ta’ kull impriża kkonċernata, sabiex jagħmel eżami preliminari sabiex jidentifika l-benefiċjarji tal-benefiċċji msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, ma jiġġustifikax in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni (ara s-sentenzi tal-1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-99/02, Ġabra p. I-3353, punt 23, kif ukoll tal-1 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑207/05, punti 46 u 50).
38 Huwa minnu li, matul il-proċedura ta’ rkupru, il-leġiżlatur Taljan ħa pass serju sabiex jiggarantixxi l-effettività ta’ dan l-irkupru billi adotta, l-ewwel nett, il-Liġi Nru 29/2006, u mbagħad, id-Digriet-Leġiżlattiv Nru 59/2008. B’mod partikolari, mill-proċess jirriżulta li din il-liġi kienet tipprevedi l-interruzzjoni tal-iskema ta’ għajnuna, kif ukoll tal-metodi tal-identifikazzjoni, tad-determinazzjoni, u tal-irkupru tal-għajnuna riċevuta illegalment. Madankollu, sabiex titħaffef ir-riżoluzzjoni tal-kawżi pendenti, dan id-digriet leġiżlattiv kellu jirriżolvi l-problema proċedurali kkawżata mis-sospensjoni tal-ordnijiet intiżi biex tiġi rkuprata l-għajnuna, ordnata mill-qrati nazzjonali.
39 Madankollu, l-adozzjoni tal-miżuri msemmija fil-punt preċedenti ma għamlitx tajjeb għad-dewmien fl-irkupru tal-għajnuna prevista fid-Deċiżjoni 2005/919. Fil-fatt, id-dħul fis-seħħ tagħhom kien wara t-termini previsti bl-imsemmija deċiżjoni u t-tħaddim tagħhom irriżulta li huwa ineffettiv, dan peress li snin wara n-notifika tad-Deċiżjoni 2005919, sad-data ta’ meta ġie ppreżentat dan ir-rikors, u wara l-iskadenza tat-termini kollha stabbiliti minnha, parti mill-għajnuna illegali ma ġietx irkuprata mir-Repubblika Taljana.
40 Issa, għandu jiġi osservat li l-passi leġiżlattivi intiżi sabiex tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni, mill-qrati nazzjonali, ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tobbliga lil Stat Membru jirkupra għajnuna illegali, li jittieħdu b’mod tardiv jew li jirriżulta li huma ineffettivi, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 26 u 27 ta’ din is-sentenza (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).
41 Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana ssostni li s-sitwazzjoni ta’ ċertu numru ta’ benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni ma hijiex irregolata bil-Liġi Nru 29/2006, iżda pjuttost tirriżulta mis-sistema ta’ evażjoni fiskali u li, f’dan il-każ, l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna illegali ma japplikax.
42 F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li r-riferiment, li sar mir-Repubblika Taljana, għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi Nru 29/2006 ma huwiex rilevanti f’dan il-każ. Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2005/919 u mill-premessa 1 tagħha, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ġiet effettivament eżegwita b’applikazzjoni tal-Artikolu 1(1)(b), tad-Digriet-Leġiżlattiv Nru 269/2003, li ġie kkonvertit f’liġi bil-Liġi Nru 326/2003, tal-24 ta’ Novembru 2003. Issa, ir-Repubblika Taljana hija marbuta, skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2005/919, li tirkupra l-għajnuna mogħtija abbażi tad-Digriet-Leġiżlattiv Nru 269/2003. F’din il-perspettiva, il-kwistjoni ta’ jekk benefiċċju mogħti lill-impriżi kkonċernati kienx konformi mal-leġiżlazzjoni interna jew inkella, min-naħa l-oħra, ikkostitwixxiex każ ta’ evażjoni jew frodi fiskali huwa irrilevanti għall-obbligu tal-Istat Membru inkwistjoni li jirkupra l-għajnuna fit-termini previsti. Diffikultajiet eventwali marbuta mal-ħtieġa li jistħarrġu d-dikjarazzjonijiet fiskali, fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali xierqa, ma jiġġustifikawx waħedhom, kif jirriżulta mill-punti 33 u 37 ta’ din is-sentenza, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2005/919 fit-termini stabbiliti.
43 Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni dwar il-fakultà tal-qrati nazzjonali li jadottaw miżuri ta’ sospensjoni matul il-proċedura ta’ rkupru tal-għajnuna, għandu jitfakkar li tali miżuri jistgħu jingħataw jekk kemm-il darba l-kundizzjonijiet imsemmija fil-ġurisprudenza jkunu kollha sodisfatti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest, C-143/88 u C-92/89, Ġabra p. I-415, kif ukoll tad-9 ta’ Novembru 1995, Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et (I), C-465/93, Ġabra p. I‑3761).
44 B’mod partikolari, miżuri provviżorji ta’ sospensjoni jistgħu jiġu ordnati minn qorti nazzjonali jekk din ikollha dubji serji dwar il-validità tal-att tal-Unjoni u jekk, fil-każ fejn il-kwistjoni tal-validità tal-att ikkontestat tkun għadha ma tressqitx quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija stess għandha tressaq din it-talba lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fi kwalunkwe każ, fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika Taljana ma wrietx li l-kundizzjonijiet l-oħrajn imsemmija fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ġew sodisfatti.
45 Fir-realtà, l-uniċi deċiżjonijiet nazzjonali mressqa fil-proċess mill-partijiet ta’ din il-kawża, li jikkonċernaw l-irkupru ordnat bid-Deċiżjoni 2005/919, jiġifieri d-deċiżjoni tal-Commissione Tributaria Provinciale di Treviso tat-2 ta’ Lulju 2007 u d-deċiżjoni tal-Commissione Tributaria Regionale di Venezia-Mestre tal-15 ta’ Diċembru 2008, għandhom bħala suġġett, kif ammettiet ir-Repubblika Taljana matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, l-istħarriġ tal-legalità ta’ att nazzjonali intiż biex jirkupra l-għajnuna illegali mogħtija lil impriża benefiċjarja ta’ din l-għajnuna u ma jikkontestawx il-legalità tad-Deċiżjoni 2005/919. Bħala konsegwenza, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest, kif ukoll Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et (I), ma japplikawx f’dak li jikkonċerna l-imsemmija deċiżjonijiet nazzjonali.
46 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, filwaqt li l-istħarriġ, mill-qorti nazzjonali, tal-legalità formali ta’ att nazzjonali bl-għan li jirkupra għajnuna illegali minn Stat għandu jkun ikkunsidrat bħala sempliċi riżultat tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jiġi enfasizzat li l-qrati nazzjonali huma marbuta, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999, jiggarantixxu l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna illegali u li twassal għal soluzzjoni li tikkonforma mal-għan ta’ din id-deċiżjoni (ara, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Scott u Kimberly Clark, C-210/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 25 u 29).
47 Fil-fatt, l-annullament ta’ att nazzjonali ta’ implementazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna illegali, li jxekkel l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tal-imsemmija deċiżjoni, huwa inkompatibbli mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 14(3) tal-imsemmi Regolament Nru 659/1999 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Scott u Kimberly Clark, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).
48 Fir-rigward tad-deċiżjonijiet nazzjonali msemmija fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-proċess, l-impriża li tibbenefika mill-għajnuna illegali, marbuta li tħallas lura skont att nazzjonali li jordna l-ħlas li hija kkontestat, wettqet ħlas biss wara li ngħatat id-deċizjoni fl-appell fil-15 ta’ Diċembru 2008 li ċaħdet ir-rikors għal annullament. Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti juru li l-annullament, fl-ewwel istanza, tal-att nazzjonali li jordna l-ħlas ikkawża dewmien kunsiderevoli fl-irkurpru tal-għajnuna illegali. Din is-sitwazzjoni ma hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-Deċiżjoni 2005/919.
49 Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li dan ir-rikors huwa fondat inkwantu l-Kummissjoni tallega li r-Repubblika Taljana ma ħaditx, fit-termini previsti, il-miżuri kollha meħtieġa sabiex tirkupra mingħand il-benefiċjarji, l-għajnuna kollha mogħtija skont l-iskema ta’ għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq komuni permezz tad-deċiżjoni 2005/919.
50 Fid-dawl tal-konklużjoni li tinsab fil-punt preċedenti, ma hemmx għalfejn tingħata deċiżjoni fuq il-kap tat-talbiet tal-Kummissjoni intiżi sabiex ir-Repubblika Taljana tiġi kkundannata għaliex ma informatx lill-Kummissjoni dwar il-miżuri msemmija fl-imsemmi punt, peress li dan l-Istat Membru fil-fatt ma eżegwixxiex id-Deċiżjoni 2006/261 fit-termini previsti (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).
51 Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ħaditx, fit-termini previsti, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna kollha mogħtija skont l-iskema ta’ għajnuna ddikjarata bħala illegali u inkompatibbli mas-suq komuni bid-Deċiżjoni 2005/919, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni.
Fuq l-ispejjeż
52 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Billi ma ħaditx, fit-termini previsti, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna kollha mogħtija skont l-iskema ta’ għajnuna ddikjarata bħala illegali u inkompatibbli mas-suq komuni bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/919/KE, tal-14 ta’ Diċembru 2004, dwar inċentivi fiskali favur impriżi li jipparteċipaw f’fieri barra l-pajjiż, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni.
2) Ir‑Repubblika Taljana hija kkundannata għall‑ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy