Kawża C-399/09
Marie Landtová
vs
Česká správa socialního zabezpečení
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud)
“Moviment liberu tal-ħaddiema — Sigurtà soċjali — Konvenzjoni dwar is-sigurtà soċjali konkluża bejn żewġ Stati Membri qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea — Stat Membru kompetenti biex jevalwa l-perijodi kontributorji kkompletati — Pensjoni tax-xjuħija — Suppliment għall-benefiċċju mogħti biss liċ-ċittadini u lir-residenti ta’ Stat Membru”
Sommarju tas-sentenza
1. Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Leġiżlazzjoni Komunitarja — Konvenzjoni konkluża bejn ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Slovakka qabel l-adeżjoni tagħhom insegwitu għad-diviżjoni tar-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka — Pensjoni tax-xjuħija — Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati qabel id-diviżjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Anness III, parti A, punt 6, u Artikolu 7(2)(ċ))
2. Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Ugwaljanza fit-trattament — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti l-ħlas ta’ suppliment għall-benefiċċju tax-xjuħija mogħti biss liċ-ċittadini tagħha li jirrisjedu fit-territorju tagħha — Inammissibiltà — Effetti
(Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikoli 3(1) u 10)
1. Id-dispożizzjonijiet tal-punt 6 tal-Parti A tal-Anness III tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni emendata u aġġornata tagħha permezz tar-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 629/2006, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(2)(ċ), tal-imsemmi regolament, ma jipprekludux regola nazzjonali, li tipprovdi għall-ħlas ta’ suppliment ta’ benefiċċju tax-xjuħija meta l-ammont tiegħu, mogħti taħt l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni bilaterali bejn ir Repubblika Ċeka u r-Repubblika Slovakka, li ġiet konkluża fid-29 ta’ Ottubru 1992, intiż sabiex jirregola s-sitwazzjoni wara d-diviżjoni, fil-31 ta’ Diċembru 1992, tar-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka, huwa inqas minn dak li kien ikun irċevut jekk il-pensjoni tal-irtirar kienet tkun ġiet ikkalkulata skont ir-regoli tad-dritt tar-Repubblika Ċeka.
Fil-fatt, peress li tali aġġustament iseħħ biss meta l-ammont tal-benefiċċju tax-xjuħija jkun ogħla minn dak miksub taħt id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni, dan ma jirrigwardax l-għoti ta’ benefiċċju tax-xjuħija Ċek parzjali, jew it-teħid inkunsiderazzjoni doppju tal-istess perijodu ta’ assigurazzjoni, iżda biss mili ta’ differenza, li ġiet oġġettivament ikkonstata, bejn benefiċċji ta’ oriġini differenti.
(ara l-punti 37, 38, 40 u d-dispożittiv 1)
2. Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 3(1) u 10 tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni emendata u aġġornata tagħha permezz tar-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 629/2006, jipprekludu regola nazzjonali, li tippermetti l-ħlas ta’ suppliment ta’ benefiċċju tax-xjuħija liċ-ċittadini Ċeki biss li huma residenti fit-territorju tar-Repubblika Ċeka, li mhux neċessarjament iwassal, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, għaċ‑ċaħda ta’ dan is-suppliment lil persuna li tissodisfa dawn iż-żewġ kundizzjonijiet.
Fil-fatt, min-naħa, tali regola twettaq diskriminazzjoni diretta bbażata fuq in-nazzjonalità. Min-naħa l-oħra, din ir-regola għandha kundizzjoni ta’ residenza li taffettwa l-ħaddiema migranti residenti prinċipalment fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra li ma humiex l-Istat li minnu joriġinaw. Għalhekk, hija tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif stabbilit mill-Artikolu 3(1), li jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni ċara, ibbażata fuq in-nazzjonalità tal-benefiċċjarji tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, iżda wkoll kull forma dissimulata ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu għall-istess riżultat.
F’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi prattiki għal dawk il-persuni żvantaġġati bħala riżultat tal-applikazzjoni ta’ din ir-regola, u sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jerġgħu jistabbilixxu l-ugwaljanza fit-trattament, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jista’ jiġi żgurat biss bl-għoti lill-persuni tal-kategorija żvantaġġata tal-istess vantaġġi li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija privileġġata, sistema li, fin-nuqqas tal-applikazzjoni korretta tad dritt tal-Unjoni, tibqa’ l-unika sistema ta’ referenza valida. Fir-rigward tal-implikazzjonijiet, għall-persuni li jappartjenu għall-kategorija ta’ persuni vvantaġġati minn din id-diskriminazzjoni, jekk id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, suġġett għall-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Ewropew, miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament billi jitnaqqsu l-vantaġġi ta’ persuni li qabel kienu vvantaġġati, madankollu, qabel ma jadottaw miżuri bħal dawn, xejn fid-dritt tal-Unjoni ma jippermetti li suppliment ta’ protezzjoni soċjali, jiġi mċaħħad lill-kategorija ta’ persuni li diġà jibbenefikaw minnu.
(ara l-punti 43, 44, 46, 49, 51, 53, 54 u d-dispożittiv 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
22 ta’ Ġunju 2011 (*)
“Moviment liberu tal-ħaddiema – Sigurtà soċjali – Konvenzjoni dwar is-sigurtà soċjali konkluża bejn żewġ Stati Membri qabel l‑adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea – Stat Membru kompetenti biex jevalwa l-perijodi kontributorji kkompletati – Pensjoni tax-xjuħija – Suppliment għall-benefiċċju mogħti biss liċ‑ċittadini u lir-residenti ta’ Stat Membru”
Fil-Kawża C‑399/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Settembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Ottubru 2009, fil-proċedura
Marie Landtová
vs
Česká správa sociálního zabezpečení,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann (Relatur), L. Bay Larsen, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: K. Malaček, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Novembru 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal M. Landtová, minn V. Vejvoda, avukat,
– għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u D. Hadroušek, bħala aġenti,
– għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Walkerová u V. Kreuschitz, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Marzu 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 12 KE, kif ukoll tal-Artikoli 3(1), 7(2)(ċ), 10 u 46 tar-Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familja tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità, fil‑verżjoni emendata u aġġornata tagħha permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 629/2006 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006 (ĠU L 114, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), kif ukoll tal-punt 6 tal-Parti A tal‑Anness III tar‑Regolament Nru 1408/71.
2 Din it-talba ġiet mressqa fil-kuntest tal-kawża bejn M. Landtová, ċittadina tar‑Repubblika Ċeka residenti f’dan l-Istat Membru, u ċ-Česká správa sociálního zabezpečení (amministrazzjoni Ċeka tas-sigurtà soċjali, iktar ’il quddiem is‑“správa”) fir-rigward tal-ammont ta’ pensjoni tal-irtirar parzjali li din tal-aħħar tatha.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Skont it-tmien premessa tar-Regolament Nru 1408/71:
“Billi l-persuni impjegati u dawk impjegati għal rashom li qegħdin jiċċaqilqu fil‑Komunità għandhom ikunu suġġetti għall-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss biex ikun evitat t-taħwid fil-leġislazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l-kumplikazzjonijiet li jirriżultaw minħabba f’hekk”.
4 L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li “[s]uġġetti għad‑dispożizzjonijiet speċjali ta’ dan ir-Regolament, persuni […] li għalih japplika dan ir-Regolament jkunu suġġetti għall-istess obbligazzjonijiet u jgawdu l-istess benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat.”
5 L-Artikolu 6 ta’ dan l-istess regolament jistabbilixxi:
“Suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 7, 8 u 46(4) dan ir-Regolament jirrimpjazza, fejn jidħlu persuni u materji li jkopri, id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe konvenzjoni tas-sigurtà soċjali li torbot;
a) […] żewġ Stati Membri jew iktar esklussivament;
[…]”.
6 L-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71 jiddisponi:
“Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6 minkejja, li dan li ġej ikompli japplika:
[…]
ċ) ċerti dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet dwar is-sigurtà soċjali konklużi mill-Istati Membri qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kemm-il darba jkunu aktar favorevoli għall-benefiċjarji jew jekk jinħolqu minn ċirkostanzi storiċi speċifiċi u l-effett tagħhom hu limitat fiż-żmien jekk dawn id-dispożizzjonijiet huma elenkati fl-Anness II.”
7 Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1408/71:
“Barra fejn hu pprovdut mod ieħor f’dan ir-Regolament il-benefiċċji […] għax-xjuħija […] akkwistati taħt il-leġislazzjoni ta’ wieħed jew iktar Stati Membri ma jkunu suġġetti għall-ebda tnaqqis, modifika, sospensjoni [jew] tneħħija […] minħabba l-fatt li r-reċipjent jabita fit-territorju ta’ Stat membru għajr dak li fih tinsab l-istituzzjoni responsabbli għall-ħlas.”
8 L-Anness III ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet ta’ konvenzjonijiet tas-sigurtà soċjali li baqgħu applikabbli minkejja l-Artikolu 6 tar-Regolament — Dispożizzjonijiet ta’ konvenzjonijiet tas-sigurtà soċjali li ma japplikawx għall-persuni kollha li għalihom japplika r-Regolament”, fil-punt 6 tal-Parti A tiegħu, intitolat, “Repubblika Ceka – Slovakkja”, fost l-oħrajn iżomm fis-seħħ l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni bilaterali bejn ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Slovakka, li ġiet konkluża fid-29 ta’ Ottubru 1992, intiż sabiex jirregola s-sitwazzjoni wara d-diviżjoni tar-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka fil-31 ta’ Diċembru 1992 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni”).
Il-Konvenzjoni
9 L-Artikolu 20(1) tal-Konvenzjoni jipprovdi li “l-perijodi tal-assigurazzjoni kkompletati qabel id-data tad-diviżjoni tar-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka jiġu kkunsidrati bħala perijodi tal-assigurazzjoni kkompletati fl-Istat kontraenti li fit-territorju tiegħu l-persuna li tħaddem lill-parti kkonċernata jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha jew meta seħħet id-diviżjoni, jew fl-aħħar jum qabel din id-data”.
Id-dritt nazzjonali
10 Skont it-termini tal-Artikolu 89(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ċeka (Liġi qafas Nru 1/1993), “id-deċiżjonijiet eżekuttivi [tal-Ústavní soud] huma imposti fuq il-korpi u l-persuni ġuridiċi kollha”.
11 Permezz tal-Artikolu 28 tal-Liġi Nru 155/1995 dwar l-assigurazzjoni għal pensjoni, “l-assigurat għandu dritt għal pensjoni tal-irtirar jekk jikkompleta l-perijodu tal-assigurazzjoni mitlub u jekk ikun laħaq l-età tal-irtirar, jekk ikun il-każ, jekk ikun issodisfa kundizzjonijiet oħrajn stabbiliti minn din il-liġi”.
12 L-Ústavní soud (il-qorti kostituzzjonali), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2005 (III. ÚS 252/04, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Ústavní soud”), ikkunsidrat li l-Artikolu 20(1) tal-Konvenzjoni għandu japplika fis-sens li “meta ċittadin Ċek jissodisfa l-kundizzjonijiet legali għall-kisba tad-dritt tal-pensjoni li l-ammont iffissat tiegħu skont id-dritt nazzjonali (Ċek) jaqbeż dak previst mill-Konvenzjoni, għandha tkun [is-správa] li tiżgura ruħha li l-pensjoni tal-irtirar tilħaq l-ammont li jikkorrispondi għall-ogħla dritt iffissat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u li tiddeċiedi li tikkompleta l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar imħallas mill-parti kontraenti l-oħra, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-pensjoni tal-irtirar imħallsa minn dik il-parti kontraenti l-oħra skont il-Konvenzjoni [bilaterali] b’tali mod li tevita li wieħed jirċievi żewġ pensjonijiet tal-irtirar tal-istess xorta, mogħtija għall-istess raġunijiet minn żewġ [istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali] distinti”.
13 Minbarra għall-kundizzjoni tan-nazzjonalità Ċeka, l-Ústavní soud issuġġettat il-benefiċċju bil-metodi ta’ kalkolu fuq imsemmija għal kundizzjoni kumulattiva oħra, jiġifieri dik tar-residenza fuq it-territorju tar-Repubblika Ċeka tal-applikant għall-benefiċċju.
Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14 M. Landtovà, ċittadina Ċeka residenti fit-territorju tar-Repubblika Ċeka, ħadmet fit-territorju tar-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka mis-sena 1964 sal-31 ta’ Diċembru 1992. Wara d-diviżjoni ta’ dan l-Istat, hija ħadmet sal-31 ta’ Awwissu 1993 fit-territorju tar-Repubblika Slovakka, imbagħad, mill-1 ta’ Settembru 1993, fit-territorju tar-Repubblika Ċeka.
15 Fl-20 ta’ Ġunju 2006, is-správa tat lil M. Landtová pensjoni tal-irtirar parzjali (iktar ’il quddiem il-“benefiċċju tax-xjuħija”) mill-31 ta’ Marzu 2006.
16 Is-správa ffissat l-ammont tal-benefiċċju tax-xjuħija skont l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni u kkonkludiet li l-perijodu tal-assigurazzjoni li M. Landtová kienet ikkompletat sal-31 ta’ Diċembru 1992 għandu jiġi kkwantifikat taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali Slovakka billi l-persuna li timpjegaha kellha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fir-Repubblika Slovakka.
17 Fl-14 ta’ Awwissu 2006, M. Landtová kkontestat l-ammont tal-benefiċċju tax-xjuħija mogħti lilha quddiem il-Městský soud v Praze (qorti tal-belt ta’ Praga), fejn qieset li s-správa ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-perijodi kollha ta’ assigurazzjoni kkompletati minnha.
18 Fit-23 ta’ Mejju 2007, il-Městský soud v Praze annullat id-deċiżjoni tas-správa skont id-deċiżjoni tal-Ústavní soud, li tgħid li meta ċittadin Ċek jissodisfa l-kundizzjonijiet legali li jagħtu bidu għal dritt għal benefiċċju tax-xjuħija u li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tintitolah għal benefiċċju ta’ ammont ogħla għal dak ikkalkulat skont il-konvenzjoni, is-správa għandha tiggarantixxi l-ħlas ta’ ammont ugwali għall-għola ammont li kellha dritt għalih. Għalhekk, il-Městský soud v Praze waslet għall-konklużjoni li l-benefiċċju tax-xjuħija mħallas lil M. Landtová mis-správa għandu jiġi aġġustat sabiex jilħaq l-ammont li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet tkun intitolata għalih kieku kkompletat il-perijodu kollu tal-assigurazzjoni qabel il-31 ta’ Diċembru 1992 taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali tar-Repubblika Ċeka.
19 Is-správa ppreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem in-Nejvyšší správní soud (qorti amministrattiva suprema).
20 Fis-16 ta’ Jannar 2008, in-Nejvyšší správní soud annullat id-deċiżjoni tal-Městský soud v Praze u bagħtet lura l-kawża għal eżami mill-ġdid. In-Nejvyšší správní soud kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tad-deċiżjoni tal-Ústavní soud u ta’ trattament preferenzjali li ngħata liċ-ċittadini Ċeki mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71.
21 Il-Městský soud v Praze żammet il-pożizzjoni tagħha u kkunsidrat, billi bbażat fuq din id-deċiżjoni tal-Ústavní soud, li s-správa għandha taġġusta l-ammont tal-benefiċċju tax-xjuħija mogħti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex tikseb dak li hija setgħet tirċievi kieku kienet kompletament assigurata taħt is-sigurtà soċjali Ċeka.
22 Is-správa għal darb’oħra ppreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem in-Nejvyšší správní soud fejn argumentat li l-obbligu ta’ aġġustament tal-benefiċċji tax-xjuħija fir-rigward biss tal-persuni ta’ ċittadinanza Ċeka residenti fit-territorju tar-Repubblika Ċeka, li l-perijodu tal-assigurazzjoni kkompletata tagħhom fiż-żmien tar-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka hija kkwantifikata skont l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni, tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71. Barra minn hekk, tali obbligu jimplika wkoll it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni Slovakki sabiex jiżdied l-ammont tal-benefiċċju tax-xjuħija Ċek, meta t-teħid inkunsiderazzjoni doppju tal-istess perijodu huwa pprojbit skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1408/71.
23 Skont in-Nejvyšší správní soud, bl-applikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Ústavní soud, is-správa tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati mill-applikant għall-benefiċċju taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali tar-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka, minkejja l-kompetenza tal-istituzzjoni Slovakka tas-sigurtà soċjali f’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni. Jekk dan ikun il-każ, mhux biss iwassal għal bdil fil-kriterju għad-determinazzjoni tal-Istat responsabbli sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ assigurazzjoni kkonċernati, iżda wkoll iwassal għal teħid inkunsiderazzjoni doppju tal-istess perijodu ta’ assigurazzjoni.
24 Anki jekk il-qorti tar-rinviju ma tikkontestax il-fatt li M. Landtová tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha neċessarji għall-aġġustament tal-ammont tal-benefiċċju tax-xjuħija, hija madankollu tikkunsidra li l-kundizzjoni tan-nazzjonalità Ċeka tikser l-Artikolu 12 KE u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71, billi din hija ta’ żvantaġġ għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra sakemm dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra li jagħtu lok għad-dritt tal-benefiċċju inkwistjoni. Hemm ukoll kwistjoni ta’ kompatibbiltà tal-kundizzjoni ta’ residenza mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1408/71.
25 Kien f’dawn iċ‑ċirkustanzi li n-Nejvyšší správní soud iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel id‑domandi preliminari segwenti lill‑Qorti tal‑Ġustizzja:
“1) Id-dispożizzjonijiet tal-punt 6 tal-Parti A tal-Anness III, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE[E]) Nru 1408/71 […], li jżommu fis-seħħ l-applikabbiltà tal-kriterju intiż sabiex jiġi ddeterminat l-Istat suċċessur kompetenti sabiex jikkwantifika l-perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati mill-ħaddiema impjegati qabel il-31 ta’ Diċembru 1992 taħt l-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-ex Repubblika Federattiva Ċeka u Slovakka, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali li tipprovdi li, għall-finijiet tal-għoti tad-dritt għal benefiċċju u tal-iffissar tal-ammont ta’ dan il-benefiċċju, l-istituzzjoni ta’ sigurtà soċjali Ċeka għandha tieħu integralment inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ assigurazzjoni kkompletat fit-territorju tal-ex Repubblika Federattiva Ċeka u Slovakka qabel il-31 ta’ Diċembru 1992, anki jekk, skont il-kriterju ċċitat iktar ’il fuq, hija l-istituzzjoni ta’ sigurtà soċjali Slovakka li għandha l-kompetenza sabiex tikkwantifika dan il-perijodu?
2) Fil-każ ta’ risposta negattiva, id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 12 tat-Trattat KE, tal-Artikolu 3(1), tal-Artikolu 10 u tal-Artikolu 46 tar-Regolament tal-Kunsill (KE[E]) Nru 1408/71 […], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-perijodu ta’ assigurazzjoni kkompletat qabel il-31 ta’ Diċembru 1992 taħt l-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-ex Repubblika Federattiva Ċeka u Slovakka, li diġà ttieħed inkunsiderazzjoni bl-istess mod għall-finijiet tal-benefiċċji fil-kuntest tas-sistema ta’ sigurtà soċjali tar-Repubblika Slovakka, bis-saħħa tar-regola nazzjonali ċċitata iktar ’il fuq, jittieħed integralment inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-għoti tad-dritt għal benefiċċju ta’ xjuħija kif ukoll għall-iffissar tal-ammont ta’ dan il-benefiċċju fir-rigward taċ-ċittadini Ċeki li jirrisjedu fit-territorju tar-Repubblika Ċeka biss?”
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
26 Ir-Repubblika Slovakka tqajjem dubji fir-rigward tal-ammissibbiltà tad-domandi preliminari magħmula billi ssostni li l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju ma taffettwax l-għoti ta’ deċiżjoni dwar il-kawża prinċipali u ma għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett ta’ din il-kawża, billi M. Landtová tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha neċessarji għall-ħlas ta’ suppliment tal-benefiċċju tax-xjuħija Ċek, hekk kif stabbiliti permezz tad-deċiżjoni tal-Ústavní soud u għalhekk ma hija suġġetta għall-ebda diskriminazzjoni.
27 F’dan ir-ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il‑qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r‑responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir‑rilevanza tad-domandi li hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Acereda Herrera, C‑466/04, Ġabra p. I‑5341, punt 47).
28 Għaldaqstant, billi d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, obbligata li tagħti deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punt 38, u tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, Ġabra p. I‑1721, punt 24). Dan ma huwiex il-każ, b’mod partikolari, meta l-problema sottomessa lill‑Qorti tal-Ġustizzja tkun ta’ natura purament ipotetika jew meta l‑interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni jew l-eżami tal-validità tagħha, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma tkunx rilvanti mar-realtà jew ma jkollha l-ebda rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, Ġabra p. I‑0000, punt 40).
29 Issa, hekk kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Minkejja li M. Landtová tibbenefika mill-applikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Ústavní soud, din id-deċiżjoni ġiet ikkontestata kemm mis-správa kif ukoll mill-qorti tar-rinviju.
30 F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi ddikjarata ammissibbli.
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
31 Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tal-punt 6 tal-Parti A tal-Anness III tar-Regolament Nru 1408/71, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(2)(ċ) tagħha, jipprekludu li regola nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi għall-ħlas ta’ suppliment ta’ benefiċċju tax-xjuħija meta l-ammont tiegħu, mogħti skont l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni, huwa inqas minn dak li kien ikun irċevut jekk il-pensjoni tal-irtirar kienet tkun ġiet ikkalkulata skont ir-regoli tad-dritt tar-Repubblika Ċeka.
32 Għandu jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71, imsemmija iktar ’il fuq, għandhom l-effett li jżommu fis-seħħ l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni, li jistabbilixxi li l-kriterju għad-determinazzjoni tas-sistema applikabbli u tal-awtorità kompetenti sabiex tagħti l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali huwa dak tal-pajjiż ta’ residenza tal-persuna li timpjega fil-mument tad-diviżjoni tar-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka.
33 Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-ewwel domanda magħmula tirriżulta minn tħassib marbut mar-riskju li l-applikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Ústavní soud iwassal għal teħid inkunsiderazzjoni doppju tal-istess perijodu ta’ assigurazzjoni u għalhekk ibiddel il-kriterju li jirriżulta minn dan l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni.
34 Hekk kif jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Ústavní soud, l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li s-správa hija meħtieġa, meta ċittadin Ċek jissodisfa l-kundizzjonijiet legali għall-bidu ta’ dritt għal pensjoni li l-ammont stabbilit mid-dritt Ċek jaqbeż dak previst mill-Konvenzjoni, li tiżgura li l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar li jirċievi jilħaq l-ammont li jikkorrispondi għall-ogħla dritt iffissat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u, għalhekk, li tiddeċiedi li tikkompleta jekk neċessarju l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar imħallas mill-parti kontraenti l-oħra. Is-správa xorta hija obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-pensjoni tal-irtirar mħallsa mill-parti kontraenti l-oħra taħt il-Konvenzjoni, sabiex tevita li wieħed jirċievi żewġ pensjonijiet tal-irtirar tal-istess xorta, mogħtija għall-istess raġunijiet minn żewġ istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali distinti.
35 Jirriżżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Ústavní soud li r-regola tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali Ċeka u Slovakka, għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati qabel d-data tad-diviżjoni tar-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka, regola introdotta bl-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni, ma hijiex ikkontestata jew mibdula, bil-ġurisprudenza tal-Ústavní soud ikollha biss bħala għan li żżid l-ammont tal-benefiċċju tax-xjuħija Ċek mogħti taħt il-Konvenzjoni sabiex jinkiseb dak li kieku kien jingħata permezz tad-dritt nazzjonali.
36 Hekk kif l-Avukat Ġenerali sostna fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-suppliment għall-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandux l-effett li jikkontesta la s-sistema applikabbli u lanqas il-kompetenza tal-awtoritajiet innominati fil-Konvenzjoni, iżda sempliċement jippermetti, li taħt din il-Konvenzjoni, issir talba għal benefiċċju supplimentari minbarra l-benefiċċju ġenerali mingħand korp ieħor tas-sigurtà soċjali.
37 Hekk kif argumentat mill-Kummissjoni Ewropea, l-Ústavní soud tistabbilixxi biss li huwa meħtieġ li taġġusta l-ammont tal-benefiċċju tax-xjuħija Ċeka mogħtija taħt l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni għal dak li l-persuna assigurata setgħet kisbet jekk l-ammont ta’ dan il-benefiċċju kien ikkalkulat billi jiġu biss applikati r-regoli tal-liġi nazzjonali, meta l-ammont ta’ din tal-aħħar ikun ogħla minn dak miksub taħt id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni
38 Għalhekk, dan ma jirrigwardax l-għoti ta’ benefiċċju tax-xjuħija Ċek parzjali, jew it-teħid inkunsiderazzjoni doppju tal-istess perijodu ta’ assigurazzjoni, iżda biss mili ta’ differenza, li ġiet oġġettivament ikkonstata, bejn benefiċċji ta’ oriġini differenti.
39 Għandu jiġi kkonstatat li tali approċċ jippermetti li jiġi evitat “t-taħwid fil-leġislazzjonijiet nazzjonali applikabbli”, skont l-għan espress fit-tmien premessa tar-Regolament Nru 1408/71 u dan ma jmurx kontra l-kriterju tat-tqassim tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni, kriterju li baqa’ jiġi applikat taħt l-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Parti A tal-Anness III ta’ dan ir-regolament.
40 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa meħtieġ li tingħata bħala risposta għall-ewwel domanda li d-dispożizzjonijiet tal-punt 6 tal-Parti A tal-Anness III tar-Regolament Nru 1408/71, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(2)(ċ) tagħha, ma jipprekludux regola nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi għall-ħlas ta’ suppliment ta’ benefiċċju tax-xjuħija meta l-ammont tiegħu, mogħti taħt l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni, huwa inqas minn dak li kien ikun irċevut jekk il-pensjoni tal-irtirar kienet tkun ġiet ikkalkulata skont ir-regoli tad-dritt tar-Repubblika Ċeka.
Fuq it-tieni domanda
Fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni
41 Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tipprova tiddetermina jekk id-deċiżjoni tal-Ústavní soud, li tippermetti l-ħlas ta’ suppliment tal-benefiċċju tax-xjuħija fir-rigward biss ta’ dawk il-persuni ta’ nazzjonalità Ċeka li jgħixu fit-territorju tar-Repubblika Ċeka, twassalx għal diskriminazzjoni li hija inkompatibbli mal-Artikolu 12 KE kif ukoll mad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 3(1) u 10 tar-Regolament Nru 1408/71.
42 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu bħala għan li jiżgura, skont l-Artikolu 39 KE, favur il-persuni li għalihom japplika dan ir-regolament, l-ugwaljanza fil-qasam tas-sigurtà soċjali mingħajr distinzjoni ta’ nazzjonalità, billi telimina kull diskriminazzjoni f’dan ir-rigward li tirriżulta mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, Celozzi, C‑332/05, Ġabra p. I‑563, punt 22).
43 Mill-proċess jirriżulta, b’mod li ma jistax jiġi kkontestat, li d-deċiżjoni tal-Ústavní soud tiddiskrimina, permezz tan-nazzjonalità, bejn iċ-ċittadini ta’ Stat u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra.
44 Fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ residenza fuq it-territorju tar-Repubblika Ċeka, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif stabbilit fl-Artikolu 3(1), jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni ċara, ibbażata fuq in-nazzjonalità tal-benefiċċjarji tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, iżda wkoll kull forma dissimulata ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu għall-istess riżultat (sentenza Celozzi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).
45 B’hekk, għandhom jiġu kkunsidrati bħala indirettament diskriminatorji l-kundizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li, minkejja li huma applikabbli mingħajr distinzjoni ta’ nazzjonalità, jaffettwaw essenzjalment jew fil-biċċa l-kbira tagħhom il-ħaddiema migranti, kif ukoll il-kundizzjonijiet applikabbli mingħajr distinzjoni li jistgħu jiġu sodisfatti iktar faċilment mill-ħaddiema nazzjonali milli mill-ħaddiema migranti jew inkella li jirriskjaw li joperaw, b’mod partikolari, għad-dannu ta’ dawn ta’ l-aħħar (ara s-sentenza Celozzi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).
46 Dan huwa l-każ fir-rigward tal-kundizzjoni tar-residenza, bħal fil-każ tal-kawża prinċipali, li taffettwa l-ħaddiema migranti residenti prinċipalment fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra li ma humiex l-Istat li minnu joriġinaw.
47 L-ebda prova ta’ natura tali li tiġġustifika trattament diskriminatorju bħal dan ma ġiet prodotta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
48 Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi l-prinċipju tat-tneħħija tal-obbligu ta’ residenza sabiex tipproteġi l-persuni kkonċernati mid-danni li jistgħu jirriżultaw mit-trasferiment tar-residenza tagħhom minn Stat Membru għal ieħor.
49 Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li d-deċiżjoni tal-Ústavní soud twettaq diskriminazzjoni diretta bbażata fuq in-nazzjonalità kif ukoll diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità, li tirriżulta mill-kriterju tar-residenza, fir-rigward ta’ dawk li eżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu.
Fuq il-konsegwenzi tal-konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni
50 Wara li kkonstatat li r-regola li tirriżulta mid-deċiżjoni tal-Ústavní soud hija diskriminatorja, huwa meħtieġ li jiġu ddeterminati l-konsegwenzi prattiċi marbuta magħhom kemm għal dawk il-persuni żvantaġġati bħala riżultat tal-applikazzjoni ta’ din ir-regola, kif ukoll għal dawk li, bħal M. Landtová, ibbenefikaw minnhom.
51 Fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, f’sitwazzjoni bħal din fil-kawża prinċipali, għandu jiġi mfakkar li meta tiġi kkonstatata diskriminazzjoni, kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, u sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jerġgħu jistabbilixxu l-ugwaljanza fit-trattament, l‑osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tista’ tiġi żgurata biss bl-għoti lill-persuni tal-kategorija żvantaġġata tal-istess vantaġġi li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija privileġġata, sistema li, fin-nuqqas tal-applikazzjoni korretta tad‑dritt tal-Unjoni, tibqa’ l-unika sistema ta’ referenza valida (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve, C‑18/95, Ġabra p. I‑345, punt 57 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
52 Fir-rigward tal-implikazzjonijiet, għall-persuni li bħal M. Landtová jappartjenu għall-kategorija ta’ persuni vvantaġġati mir-regola li tirriżulta mid-deċiżjoni tal‑Ústavní soud, tal-konstatazzjoni tan-natura diskriminatorja ta’ din tal-aħħar, għandu jingħad li jekk, fl-istat tad-dritt nazzjonali, l-awtorità kompetenti sabiex tagħti l-pensjoni legalment ma tistax tirrifjuta l-benefiċċju tas-suppliment għall‑persuni żvantaġġati, ma hemm l-ebda raġuni għalfejn hija żżomm tali dritt għall-benefiċċju ta’ kategorija ta’ persuni li diġà jgawdu minnha taħt ir-regola nazzjonali.
53 Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, suġġett għall-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Ewropew, miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament billi jitnaqqsu l-vantaġġi ta’ persuni li qabel kienu vvantaġġati (ara s-sentenza Coloroll Pension Trustees, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33). Madankollu, qabel ma jadottaw miżuri bħal dawn, xejn fid-dritt tal-Unjoni ma jippermetti li suppliment ta’ protezzjoni soċjali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġi mċaħħad lill‑kategorija ta’ persuni li diġà jibbenefikaw minnu.
54 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa meħtieġ li tingħata bħala risposta għat-tieni domanda li d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 3(1) u 10 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprekludu regola nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti l-ħlas ta’ suppliment ta’ benefiċċju tax-xjuħija liċ-ċittadini Ċeki biss li huma residenti fit-territorju tar-Repubblika Ċeka, li mhux neċessarjament iwassal, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, għaċ-ċaħda ta’ dan is-suppliment lil persuna li tissodisfa dawn iż-żewġ kundizzjonijiet.
Fuq l-ispejjeż
55 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Id-dispożizzjonijiet tal-punt 6 tal-Parti A tal-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l‑applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familja tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata tagħha permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 629/2006 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(2)(ċ) tagħha, ma jipprekludux regola nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi għall‑ħlas ta’ suppliment ta’ benefiċċju tax-xjuħija meta l-ammont tiegħu, mogħti taħt l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni bilaterali bejn ir‑Repubblika Ċeka u r-Repubblika Slovakka, li ġiet konkluża fid-29 ta’ Ottubru 1992, intiż sabiex jirregola s-sitwazzjoni wara d-diviżjoni tar‑Repubblika Federali Ċeka u Slovakka, huwa inqas minn dak li kien ikun irċevut jekk il-pensjoni tal-irtirar kienet tkun ġiet ikkalkulata skont ir-regoli tad-dritt tar-Repubblika Ċeka.
2) Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 3(1) u 10 tar-Regolament Nru 1408/71, kif emendat bir-Regolament Nru 629/2006, jipprekludu regola nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti l-ħlas ta’ suppliment ta’ benefiċċju tax-xjuħija liċ-ċittadini Ċeki biss li huma residenti fit-territorju tar-Repubblika Ċeka, li mhux neċessarjament iwassal, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, għaċ‑ċaħda ta’ dan is-suppliment lil persuna li tissodisfa dawn iż-żewġ kundizzjonijiet.
Firem
* Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.
Full & Egal Universal Law Academy