Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-7 ta’ April 2011 – Il‑Kummissjoni vs Il-Finlandja
(Kawża C-405/09)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Riżorsi proprji tal-Unjoni – Proċeduri intiżi għall-ġbir tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni – Dewmien fil-konstatazzjoni tar-riżorsi proprji marbuta ma’ dawn id-dazji”
Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea - Konstatazzjoni u tqegħid għad-dispożizzjoni mill-Istati Membri - Reġistrazzjoni fil-kont tal-Kummissjoni – Reġistrazzjoni tardiva - Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu - Obbligu ta’ ħlas tal-interessi moratorji (Regolamenti tal-Kunsill Nru 1552/89, Artikoli 2, 6 u 9 sa 11, Nru 2913/92, Artikolu 220, u Nru 1150/2000, Artikoli 2, 6 u 9 sa 11) (ara l-punti 35-39, 41, 49-51 u d-dispożittiv)
Suġġett
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ksur tal-Artikoli 2, 6 u 9 sa 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1552/89, tad-29 ta’ Mejju 1989, li jimplementa d-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunitajiet innifishom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 176), u tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplementa d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 169), kif ukoll tal-Artikolu 220 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) - Nuqqas ta’ osservanza, fil-każ ta’ rkupru a posteriori , tat-termini stabbiliti mit-teħid inkunsiderazzjoni u mill-konstatazzjoni tar-riżorsi tal-Komunitajiet innifishom.
Dispożittiv
1)
Billi applikat proċedura amministrattiva li tipprovdi li r-riżorsi tal-Unjoni Ewropea nnifisha jiġu kkonstatati biss wara li d-debitur jingħata terminu ta’ mill-inqas erbatax-il ġurnata sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, u billi ma osservatx, fil-każ ta’ rkupru a posteriori, it-termini stabbiliti għall-inklużjoni tal-imsemmija riżorsi, li għandu bħala konsegwenza li jkun hemm dewmien fil-ħlas tagħhom, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 6 u 9 sa 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1552/89, tad-29 ta’ Mejju 1989, li jimplementa d-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunitajiet innifishom, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 1355/96, tat-8 ta’ Lulju 1996 u tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000 li jimplementa d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet kif ukoll taħt l-Artikolu 220 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità.
2)
Ir-Repubblika tal-Finlandja hija kkundannata għall-ispejjeż.
3)
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Full & Egal Universal Law Academy