Kawża C-423/09
Staatssecretaris van Financiën
vs
X BV
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)
“Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Ħxejjex (irjus tat-tewm) imnixxfin, li l-umdità fihom ma tneħħietx għalkollox”
Sommarju tas-sentenza
Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Irjus tat-tewm imnixxfin, li l-umdità fihom ma tneħħeitx għalkollox
(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Anness I; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1810/2004)
In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament Nru 1810/2004, għandha tiġi interpretata fis-sens li t-tewm li jkun għadda minn proċess ta’ tnixxif intensiv skont trattament speċjali li jirriżulta fit-tneħħija totali jew kważi totali tal-umidità li jkun fih il‑prodott, jaqa’ taħt is-subintestatura tariffarja 0712 90 90 tan-Nomenklatura Magħquda, iżda t-tewm imnixxef parzjalment, li jikkonserva l-proprjetajiet u l‑karatteristiċi tat-tewm frisk, jaqa’ taħt is-subintestatura tariffarja 0703 20 00 tal-imsemmija Nomenklatura Magħquda.
Sabiex l-irjus tat-tewm jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 0712, il-proċess ta’ tnixxif tat-tewm irid iġib miegħu modifiki sostanzjali jew irriversibbli b’tali mod li l-prodott ma jibqax fl-istat naturali.
Għaldaqstant, it-tneħħija tal-ilma għandha timmodifika b’mod sostanzjali l‑proprjetajiet u l-karatteristiċi oġġettivi tal-prodott b’tali mod li tali modifika twassal għal klassifikazzjoni taħt intestatura tariffarja differenti mill-intestatura 0703, li tkopri l-ħxejjex fl-istat frisk jew refriġerat.
(ara l-punti 25, 26, 35 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
28 ta’ Ottubru 2010 (*)
“Tariffa Doganali Komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Ħxejjex (irjus tat-tewm) imnixxfin, li l-umdità fihom ma tneħħitx għal kollox”
Fil-Kawża C‑423/09,
li għandha bħala s-suġġett tagħha talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjizi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Ottubru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Ottubru 2009, fil-proċedura
Staatssecretaris van Financiën
vs
X BV,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Levits (Relatur), li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, M. Safjan u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑2 ta’ Settembru 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal X BV, minn N. J. Helder, M. Chin-Oldenziel u G. Danilović, avukati,
– għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. de Ree, bħala aġenti,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Hathaway, bħala aġent, assistit minn K. Beal, barrister,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Bouyon u W. Roels, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestaturi rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ rjus tat-tewm fin-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat‑tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p.382), kif emendat bir‑Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2004, tas‑7 ta’ Settembru 2004 (ĠU L 327, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2658/87”).
2 Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn Staatsecretaris van Financiën u X BV (iktar ’il quddiem “X”), dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ ċerti importazzjonijiet ta’ rjus tat-tewm.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3 Is-subintestaturi tariffarji tan-NM li jinsabu fir-Regolament Nru 2658/87 u li huma rilevanti għall-finijiet tal-kawża prinċipali huma dawn li ġejjin:
“0703 Basal, shallots, tewm, kurrat u veġetali oħrajn tal-ġens tat-tewm, friski jew imkessħin [refriġerati]:
[…]
0703 20 00 – Tewm
[…]
0712 Ħxejjex imnixxfin, sħaħ, imqattgħin, imfella, imfarrkin jew fi trab [mitħunin], imma mhux imħejjin aktar:
[…]
0712 90 90 – Oħrajn”
In-noti ta’ spjega tas-Sistema Armonizzata
4 Il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, stabbilit permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali konkluża fi Brussell fil‑15 ta’ Diċembru 1950, approva, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal‑Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), in-noti ta’ spjega u l‑opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA.
5 In-nota ta’ spjega 2 li tinsab taħt it-Taqsima I tas-SA tistabbilixxi:
“Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet li jispeċifikaw mod ieħor, fejn in‑Nomenklatura ssemmi prodotti nixfin jew imnixxfin dawn għandhom ikopru wkoll il-prodotti ddeidrati, evaporati jew imnixxfin permezz ta’ ffriżar.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
6 In-nota ta’ spjega dwar il-Kapitolu 7 hija mfassla kif ġej:
“Dan il-Kapitolu jinkludi ħxejjex ta’ kull tip, inklużi l-prodotti previsti fin-nota 2 ta’ dan il-Kapitolu, friski, refriġerati, iffriżati (nejjin jew imsajjrin fl-ilma jew bil‑fwar), jew ikkonservati provviżorjament jew inkella mnixxfin (inklużi dawk iddeidrati, evaporati jew imnixxfin permezz ta’ ffriżar). […]
Il-kelma ‘refriġerati’ tfisser li t-temperatura ta’ prodott tkun tbaxxiet b’mod ġenerali sa madwar 0 °C mingħajr ma dan jiġi ffriżat. Fi kwalunkwe każ, ċerti prodotti bħal patata jistgħu jiġu kkunsidrati bħala refriġerati meta dawn jiġu mkessħa u miżmuma f’temperatura ta’ + 10 °C.
[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
7 In-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 0712 tas-SA tipprevedi:
“Din l-intestatura tinkludi l-ħxejjex min-Nri 07.01 sa 07.09 li jkunu ġew imnixxfin (inklużi dawk iddeidrati, evaporati jew imnixxfin permezz ta’ ffriżar) jiġifieri dawk li jkun tneħħilhom il-kontenut tal-ilma tagħhom b’diversi modi. […]
Il-ħxejjex tat-tip li jkunu ġew mfarrkin jew mitħunin bil-għan li jintużaw, b’mod partikolari bħala ħwawar tal-ikel jew fil-preparazzjoni ta’ sopop jaqgħu ukoll taħt din l-intestatura; dan huwa regolarment il-każ fir-rigward tal-asparagu, tal-pastard, tat-tursin, tas-sorfolja, tal-karfus, tal-basal u tat-tewm.
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
8 Matul il-perijodu ta’ bejn id‑9 ta’ Diċembru 2004 u s-6 ta’ Ġunju 2005 inkluż, X, filwaqt li taġixxi bħala aġent doganali, ippreżentat ħmistax-il dikjarazzjoni għal rilaxx għal moviment liberu ta’ rjus tat-tewm li joriġinaw miċ-Ċina li kienu jinsabu f’kontejners refriġerati fil-mument tal-importazzjoni tagħhom. Id‑dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni kienu jsemmu kull darba s-subintestatura tariffarja 0712 90 90 tan-NM u jiddeskrivu l-merkanzija bħal “garlic”, “dried garlic” jew “white dry garlic” (tewm, tewm imnixxef, tewm abjad niexef rispettivament).
9 Wara r-rilaxx tal-merkanizija mill-awtoritajiet doganali, il-kontejner tat-tewm ittieħed f’post refriġerat ta’ impriża ta’ ħażna fejn ġie kkonservat f’temperatura ta’ – 3 °C.
10 Wara kontroll amministrattiv mwettaq fix-xahar ta’ Awwissu 2005, l‑ispettur doganali ddeċieda li t-tewm importat kellu jiġi kklassifikat bħala tewm refriġerat li jaqa’ taħt is-subintestatura tariffarja 0703 20 00 tan-NM. Sussegwentement huwa ħareġ l-avviż għal ħlas tad-dazju doganali inkwistjoni.
11 X ippreżentat ilment li ġie miċħud. Sussegwentement hija ppreżentat rikors quddiem ir-Rechtbank li ddikjara dan ir-rikors bħala infondat. X ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam. Din tal-aħħar iddeċiediet li l-ispettur naqas milli juri l-eżistenza ta’ raġuni li tippremetti deroga mill-intestatura tariffarja 0712 tan-NM indikata. L-iStaatssecretaris appella fuq punt ta’ liġi mis-sentenza tal-imsemmija Gerechtshof quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden.
12 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Abbażi ta’ liema kriterji għandu jiġi determinat jekk ħxejjex (irjus tat-tewm), li tnixxfu sa ċertu punt, iżda li l-umdità ma tneħħitx (kważi) kollha, u li ġew importati fi stat imkessaħ, jaqgħu taħt is-subintestatura tariffarja 0703 20 00 tan‑NM jew taħt is-subintestatura tariffarja 0712 90 90 tan-NM?”
Fuq id-domanda preliminari
13 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi liema huma l-kriterji li jiddeterminaw jekk it-tewm li għadda minn proċess ta’ tnixxif jaqax taħt is-subintestatura tariffarja 0703 20 00 tan-NM jew taħt is-subintestatura tariffarja 0712 90 90 tan-NM.
14 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir‑rwol tagħha hu li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom il-qorti nazzjonali tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti in kwistjoni fin-NM, iktar milli li tikklassifikahom hi stess, u dan iktar u iktar minħabba li hi mhux neċessarjament ikollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward. B’hekk, jidher li l-qorti nazzjonali fi kwalunkwe każ hi f’pożizzjoni aħjar biex tagħmel dan (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2006, Sachsenmilch, C‑196/05, Ġabra p. I-5161, punt 19, u l-ġurisprudenza ċċitata).
15 Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal‑kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanziji għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2009, Kamino International Logistics, C‑376/07, Ġabra p. I‑1167, punt 31 u tal‑20 ta’ Mejju 2010, Data I/O, C‑370/08, Ġabra p. I-4401, punt 29).
16 In-noti ta’ spjega mħejjija, għal dak li jikkonċerna n-NM, mill-Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej u, għal dak li jikkonċerna s-SA, mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, jgħinu ħafna fl-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tad-dwana mingħajr, madanakollu, ma għandhom setgħa vinkolanti (sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Turbon International, C‑250/05, Ġabra p. I‑10531, punt 16, u Data I/O, iċċitatat iktar ’il fuq, punt 30).
17 X issostni li l-intestatura 0703 tan-NM tirrigwarda biss il-ħxejjex friski jew refriġerati lil ma għaddew minn ebda trattament ta’ konservazzjoni ħlief ir‑refriġerazzjoni. Meta l-ħxejjex ikunu għaddew minn trattament ta’ konservazzjoni minbarra r-refriġerazzjoni, bħat-tnixxif, ma jistgħux ikomplu jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 0703 tan-NM.
18 Skont X, jekk tneħħiet sa ċertu punt l-umdità li fih it-tewm, mingħajr ma tneħħiet l-umdità kollha, l-irjus tat-tewm jaqgħu taħt l-intestatura 0712 tas-SA.
19 Din l-interpretazzjoni ma tistax tintlaqa’. In-nota ta’ spjega tas-SA tindika li l‑intestatura 0712 tinkludi “ħxejjex min-Nri 07.01 sa 07.09 li jkunu ġew imnixxfin (inklużi dawk iddeidrati, evaporati jew imnixxfin permezz ta’ ffriżar) jiġifieri dawk li jkun tneħħilhom il‑kontenut tal-ilma tagħhom b’diversi modi”.
20 Għaldaqstant, jirriżulta mill-kliem ta’ din in-nota ta’ spjega li l-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 0712 tirrikjedi li l-ħxejjex jkunu għaddew minn proċess ta’ tnixxif intensiv skont trattament speċjali li jirriżulta fit-tneħħija totali jew kważi totali tal-umidità li jkun fih il-prodott.
21 Wara dan il-proċess, il-kwanitità ta’ umdità preżenti fil-ħxejjex għandhiex tkun sinjifikattiva, pereżempju, ma teċċedix l‑10 % kif issuġġeriet il-Kummissjoni waqt is-seduta.
22 Sabiex issostni l-argument tagħha intiż sabiex juri li, meta l-irjus tat-tewm ikunu nixfin sa ċertu punt, il-klassifikazzjoni tagħhom bħala tewm “frisk” jew “refriġerat” taħt l-intestatura 0703 20 00 hija eskluża, u li anki t-tewm imnixxef parzjalment jaqa’ taħt is-subintestatura 0712 90 90, X tiċċita s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Ġunju 1976 Riemer (120/75, Ġabra. p. 1003).
23 Madankollu, fis-sentenza Riemer, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat id-differenza bejn il-berries “friski” u l-berries “iffriżati”. Għaldaqstant, din is-sentenza tikkonċerna prodotti li jaqgħu taħt kapitolu differenti u li għaddew minn trattament ieħor minbarra t-tnixxif.
24 Barra minn dan, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-berries li jgħaddu minn proċess ta’ iffriżar iġarrbu, minħabba l-istess proċess, ċerti modifiki irriversibbli fil-karatteristiċi tagħhom, b’mod partikolari fl-istruttura tat-tessut, b’tali mod li ma jibqgħux fl-istat naturali, anki wara li dawn ma jibqgħux iffriżati b’mod parzjali jew totali (ara s-sentenza Riemer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 4).
25 B’analoġija, sabiex l-irjus tat-tewm jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 0712, il‑proċess ta’ tnixxif tat-tewm irid iġib miegħu modifiki sostanzjali jew irriversibbli b’tali mod li l-prodott ma jibqax fl-istat naturali.
26 Għaldaqstant, it-tneħħija tal-ilma għandha timmodifika b’mod sostanzjali l‑proprjetajiet u l-karatteristiċi oġġettivi tal-prodott b’tali mod li tali modifika twassal għal klassifikazzjoni taħt intestatura tariffarja differenti mill‑intestatura 0703, li tkopri l-ħxejjex fl-istat frisk jew refriġerat.
27 Konsegwentement, it-tewm imnixxef parzjalment, li jikkonserva l-proprjetajiet u l-karatteristiċi tat-tewm frisk, għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura tariffarja 0703 u mhux taħt l-intestatura 0712.
28 Barra minn dan, il-fatt li t-tewm imnixxef parzjalment huwa importat fi stat refriġerat jindika li t-tnixxif ma jneħħix it-totalità jew kważi totalità tal-umdità preżenti fil-prodott peress li d-deidrazzjoni hija metodu ta’ konservazzjoni li permezz tiegħu ma hemmx għalfejn li l-prodotti ddeidrati jiġu kkonservati f’temperatura inqas minn 0° C, kif tindika l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha.
29 Il-Gvern tar-Renju Unit jindika fl-osservazzjonijiet tiegħu li t-tewm fil-forma ta’ rjus sħaħ jew ta’ snien ma jistax, kuntrarjament għat-tewm mfarrak jew mitħun, jitnixxef b’mod suffiċjenti.
30 F’dan ir-rigward, jeħtieġ jiġi rrilevat li n-nota ta’ spjega tas-SA li tikkonċerna l‑imsemmija intestatura 0712 tipprevedi li “[i]l-ħxejjex tat-tip li jkunu ġew mfarrkin jew mitħunin bil-għan li jintużaw, b’mod partikolari bħala ħwawar tal‑ikel jew fil-preparazzjoni ta’ sopop jaqgħu ukoll taħt din l-intestatura; dan huwa regolarment il-każ fir-rigward […] tat-tewm” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
31 Min dan jirriżulta li t-tewm ikklassifikat taħt l-intestatura 0712 normalment ikun fil-forma mfarrka jew mitħuna. Madankollu, il-kliem tal-intestatura 0712 tan-NM “Ħxejjex imnixxfin, sħaħ, imqattgħin, imfella, imfarrkin jew fi trab [mitħunin], imma mhux imħejjin aktar” ma jeskludux espressament li l-irjus tat-tewn sħaħ jew snien tat-tewm jistgħu jaqgħu ukoll taħt dik l-intestatura jekk dawn tal-aħħar ikunu mnixxfin b’mod suffiċjenti, anki jekk tali prodott ma huwiex wieħed ikkummerċjalizzat ampjament.
32 Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni pproponiet bħala kriterju addizzjonali għall-klassifikazzjoni tal-irjus tat-tewm, iż-żmien ta’ konservazzjoni, peress li huwa biss t-tewm imnixxef totalment li jista’ jiġi konservat għal żmien twil, filwaqt li t-tewm frisk jew refriġerat għandu neċessarjament żmien ta’ konservazzjoni iktar qasir.
33 F’dan ir-rigward, jeħtieġ ċertament jiġi rrilevat li żmien twil ta’ konservazzjoni jista’ jservi ta’ indiċi komplementarju fir-rigward tal-punt safejn tista’ titneħħa l‑umdità tat-tewm sabiex dan, kuntrarjament għat-tewm frisk jew refriġerat, jiġi klassifikat taħt l-intestatura 0712 bħala ħaxix imnixxef.
34 Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-intestaturi 0703 u 0712 tan-NM ma fihom l-ebda referenza għall-konservazzjoni bħala kriterju ta’ klassifikazzjoni, b’tali mod li għandu jiġi konkluż li ż-żmien ta’ konservazzjoni bħala tali ma jkollux effett fuq il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ dan il-prodott (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Mejju 1989 Weber, 40/88, Ġabra p. 1395, punt 16).
35 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad‑domanda magħmula hija li n-NM li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 għandha tiġi interpretata fis-sens li t-tewm li jkun għadda minn proċess ta’ tnixxif intensiv skont trattament speċjali li jirriżulta fit-tneħħija totali jew kważi totali tal-umidità li jkun fih il-prodott, jaqa’ taħt is-subintestatura tariffarja 0712 90 90 tan-NM, iżda t-tewm imnixxef parzjalment, li jikkonserva l‑proprjetajiet u l-karatteristiċi tat-tewm frisk, jaqa’ taħt is-subintestatura tariffarja 0703 20 00 tan-NM.
Fuq l-ispejjeż
36 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in‑nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2004, tas 7 ta’ Settembru 2004, għandha tiġi interpretata fis‑sens li t-tewm li jkun għadda minn proċess ta’ tnixxif intensiv skont trattament speċjali li jirriżulta fit-tneħħija totali jew kważi totali tal‑umidità li jkun fih il-prodott, jaqa’ taħt is-subintestatura tariffarja 0712 90 90 tan-Nomenklatura Magħquda, iżda t-tewm imnixxef parzjalment, li jikkonserva l‑proprjetajiet u l-karatteristiċi tat-tewm frisk, jaqa’ taħt is-subintestatura tariffarja 0703 20 00 tan‑Nomenklatura Magħquda.
Firem
** Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy