Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-28 ta’ Lulju 2011 – Territorio Histórico de Vizcaya – Diputación Foral de Vizcaya et vs Il‑Kummissjoni
(Kawża magħquda C-474/09 P sa C-476/09 P)
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Rikors għal annullament – Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-iskemi ta’ għajnuna mill-Istat implementati minn Spanja favur impriżi mill-provinċji ta’ Vizcaya, ta’ Álava u ta’ Guipúzcoa – Tnaqqis tal-bażi taxxabbli favur ċerti impriżi ġodda – Aspettattivi leġittimi – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba – Osservanza ta’ terminu raġonevoli – Nuqqas ta’ notifika”
1. Appell - Aggravji - Kontestazzjoni, li tirriproduċi motivi u argumenti mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, tal-interpretazzjoni jew tal-applikazzjoni li din il-qorti għamlet tad-dritt tal-Unjoni - Ammissibbiltà (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58) (ara l-punti 57, 58, 60)
2. Għajnuna mogħtija mill-Istati - Irkupru ta’ għajnuna illegali - Għajnuna mogħtija bi ksur tar-regoli proċedurali tal-Artikolu 88 KE - Aspettattivi leġittimi possibbli tal-benefiċjarji - Protezzjoni - Kundizzjonijiet u limiti - Nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni għal perijodu relattivament twil - Assenza ta’ aspettattivi leġittimi (Artikoli 87 KE u 88 KE) (ara l-punti 66, 67, 70, 76-78)
3. Proċedura - Miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura - Talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti - Obbligi ta’ min iressaq it-talba (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 64(3)(d), u (4)) (ara l-punti 89, 92)
4. Appell - Aggravji - Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tar-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tordna miżuri istruttorji - Portata (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 66(1)) (ara l-punt 93)
5. Proċedura - Intervent - Rikors intiż li jsostni t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet - Rikors li għandu lmenti speċifiċi imma li ma jbiddilx il-kuntest tat-tilwima - Ammissibbiltà (Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40) (ara l-punti 109-111)
6. Għajnuna mogħtija mill-Istati - Irkupru ta’ għajnuna illegali - Għajnuna mogħtija bi ksur tar-regoli proċedurali tal-Artikolu 88 KE - Nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, minħabba li ma kellhiex biżżejjed informazzjoni, matul perijodu relattivament twil - Ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba - Assenza (Artikoli 87 KE u 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 14(1)) (ara l-punti 116, 117, 119, 120, 124, 125)
Suġġett
Appelli mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza [li issa saret il-“Qorti Ġenerali”] (Il-Ħames Awla Estiża), tad-9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et u Gobierno Vasco vs Il-Kummissjoni (T‑230/01 sa T‑232/01 u T‑267/01 sa T‑269/01), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-Kawżi T‑230/01 u T‑267/01, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/892/KE, tal-11 ta’ Lulju 2001, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur ċerti impriżi ġodda stabbiliti fil-provinċja ta’ Álava (ĠU 2002, L 314, p. 1), fil-Kawżi T‑231/01 u T‑268/01, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/806/KE, tal-11 ta’ Lulju 2001, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur ċerti impriżi ġodda stabbiliti fil-provinċja ta’ Vizcaya (ĠU 2002, L 279, p. 35), u, fil-Kawżi T‑232/01 u T‑269/01, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/540/KE, tal-11 ta’ Lulju 2001, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur ċerti impriżi ġodda stabbiliti fil-provinċja ta’ Guipúzcoa (ĠU 2002, L 174, p. 31).
Dispożittiv
1)
L-appelli prinċipali u l-appelli inċidentali huma miċħuda.
2)
It-Territorio Histórico de Vizcaya – Diputación Foral de Vizcaya, it-Territorio Histórico de Álava – Diputación Foral de Álava, it-Territorio Histórico de Guipúzcoa – Diputación Foral de Guipúzcoa, il-Camara Oficial de Comercio, Industria y Navegación de Vizcaya, il-Cámara Oficial de Comercio e Industria de Álava u l-Cámara Oficial de Comercio, Industria y Navegación de Guipúzcoa huma kkundannati f’partijiet indaqs għall-ispejjeż relatati mal-appelli preżenti.
3)
Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.
Full & Egal Universal Law Academy