Kawża C-477/09
Charles Defossez
vs
Christian Wiart, fil-kwalità ta’ stralċjarju ta’ Sotimon SARL et
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttivi 80/987/KEE u 2002/74/KE — Insolvenza tal-persuna li timpjega — Protezzjoni tal-ħaddiema impjegati — Ħlas ta’ krediti mhux imħallsa tal-ħaddiema — Determinazzjoni tal-istituzzjoni ta’ garanzija kompetenti — Garanzija iktar favorevoli skont id-dritt nazzjonali — Possibbiltà li wieħed jinvoka din il-garanzija”
Sommarju tas-sentenza
Politika soċjali — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega — Direttiva 80/987 — Ħlas tal-krediti ta’ ħaddiem li eżerċita l-attività tiegħu fi Stat Membru li ma huwiex dak ta’ fejn hija stabbilita l-persuna li timpjegah — Istituzzjoni ta’ garanzija kompetenti
(Direttiva tal-Kunsill 80/987, Artikolu 3)
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987/KEE, dwar it-taqrib tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom, fil-verżjoni tagħha preċedenti għal dik li tirriżulta wara l-emendi effettwati bid-Direttiva 2002/74/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għal ħlas tal-krediti mhux imħallsa ta’ ħaddiem li wettaq abitwalment l-attività salarjali tiegħu fi Stat Membru ieħor għajr dak ta’ fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat tal-persuna li timpjegah, li tkun ġiet iddikjarata insolventi qabel it-8 ta’ Ottubru 2005, meta din il-persuna li timpjega ma tkunx stabbilita f’dan l-Istat Membru l-ieħor u meta tkun issodisfat l-obbligu tagħha ta’ kontribuzzjoni għall-finanzjament tal-istituzzjoni ta’ garanzija fl-Istat Membru fejn għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha, hija din l-istituzzjoni tal-aħħar li hija responsabbli mill-obbligi ddefiniti minn dan l-artikolu.
Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 80/987 ma tipprekludix liġi ta’ Stat Membru milli tipprovdi li ħaddiem jista’ jinvoka l-garanzija salarjali tal-istituzzjoni nazzjonali, skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru, sussidjarjament għal jew minflok il-garanzija offruta mill-istituzzjoni indikata bħala dik kompetenti skont din id-direttiva, sakemm, madankollu, l-imsemmija garanzija tagħti lok għal livell ogħla ta’ protezzjoni tal-ħaddiem.
(ara l-punt 34 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
10 ta’ Marzu 2011 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttivi 80/987/KEE u 2002/74/KE – Insolvenza tal-persuna li timpjega – Protezzjoni tal-ħaddiema impjegati – Ħlas ta’ krediti mhux imħallsa tal-ħaddiema – Determinazzjoni tal-istituzzjoni ta’ garanzija kompetenti – Garanzija iktar favorevoli skont id-dritt nazzjonali – Possibbiltà li wieħed jinvoka din il-garanzija”
Fil-Kawża C‑477/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Novembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Novembru 2009, fil-proċedura
Charles Defossez
vs
Christian Wiart, fil-kwalità ta’ stralċjarju ta’ SOTIMON SARL,
Office national de l’emploi - fonds de fermeture d’entreprises,
Centre de gestion et d’études de l’Association pour la gestion du régime de garantie des créances des salariés de Lille (CGEA),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur), G. Arestis u J. Malenovský, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Ottubru 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal C. Defossez, minn C. Uzan-Sarano, avukat,
– għal CGEA ta’ Lille, minn E. Piwnica u J. Molinié, avukati,
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A. Czubinski, bħala aġenti,
– għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen u C. Vang, bħala aġenti,
– għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn B. Doherty, BL,
– għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,
– għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,
– għall-Gvern Svediż, minn A. Engman, bħala aġent,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Hathaway, bħala aġent, assistit minn D. J. Rhee, barrister,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Rozet u J. Enegren, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Novembru 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8a u 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE, tal-20 ta’ Ottubru 1980, dwar it-taqrib tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 217), fil-verżjoni tagħha kif emendata bid-Direttiva 2002/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 261).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, C. Defossez u, min-naħa l-oħra, C. Wiart, fil-kwalità tiegħu ta’ stralċjarju tal-kumpannija SOTIMON SARL (iktar ’il quddiem “SOTIMON”), li magħha kien impjegat C. Defossez qabel ma tkeċċa illegalment, kif ukoll l-Office national de l’emploi – fonds de fermeture d’entreprises (iktar ’il quddiem l-“FFE Belġjana”) u s-Centre de gestion et d’études de l’Association pour la gestion du régime de garantie des créances des salariés de Lille (CGEA) (iktar ’il quddiem is-“CGEA ta’ Lille”), dwar kreditu ta’ salarju li ma tħallasx lil C. Defossez minħabba l-insolvenza tal-persuna li kienet timpjegah.
Il-kuntest ġuridiku
3 Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 80/987, din “għandha tapplika għall-pretensjonijiet [krediti] ta’ l-impjegati li jinħolqu mill-kuntratti tax-xogħol jew mir-relazzjonijiet tax-xogħol u dawk eżistenti kontra dawk li jħaddmu meta jkunu fi stat ta’ insolvenza fit-tifsira ta’ l-Artikolu 2(1)”.
4 L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, wieħed li jħaddem għandu jitqies li qiegħed fi stat ta’ insolvenza:
a) meta tkun saret talba għall-ftuħ ta’ proċeduri li jinvolvu l-assi ta’ min iħaddem, skond kif provdut mil-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istat Membru interessat, biex jissodisfaw kollettivament il-pretensjonijiet [krediti] tal-kredituri u li jagħmluh possibli li jkunu kkunsidrati l-pretensjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1),
u
b) meta l-awtorità li tkun kompetenti bis-saħħa ta’ dawn l-istess liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi tkun:
– jew iddeċidiet li tibda l-proċeduri,
– inkella stabbiliet li l-impriża jew in-negozju ta’ min ikun qed iħaddem tkun għalqet darba għal dejjem u li l-assi disponibbli ma jkunux biżżejjed biex jippermettu li jinbdew il-proċeduri”.
5 L-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiżguraw il-ħlas tal-krediti tal-impjegati li jirriżultaw minn kuntratti jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol u li jikkonċernaw ir-remunerazzjoni relatata mal-perijodu li jiġi qabel data speċifika.
6 L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom ifasslu regoli dettaljati għall-organizzazzjoni, iffinanzjar u tħaddim ta’ l-istituzzjonijiet ta’ garanzija, li jissodisfaw b’mod speċjali l-prinċipji li ġejjin:
a) l-assi ta’ l-istituzzjonijiet għandhom ikunu indipendenti mill-kapital li qed jitħaddem mill-persuna li tħaddem u ma jkunx aċċessibbli għall-proċeduri ta’ l-insolvenza;
b) min iħaddem għandu jikkontribwixxi għall-iffinanzjar, sakemm dan ma jkunx kopert għal kollox mill-awtoritajiet pubbliċi.
c) ir-responsabbilitajiet ta’ l-istituzzjonijiet m’għandhomx jiddipendu fuq jekk l-obbligazzjonijiet ta’ kontribuzzjonijiet għall-iffinanzjar ġewx sodisfatti jew le”.
7 Skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 80/987, din tal-aħħar hija bla ħsara għall-possibbiltà li l-Istati Membri għandhom li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi iktar favorevoli għall-ħaddiema.
8 Skont il-premessa 7 tad-Direttiva 2002/74, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali tal-impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-impriżi li jwettqu l-attivitajiet tagħhom f’diversi Stati Membri, u sabiex jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa meħtieġ li jiġu introdotti dispożizzjonijiet li jiddeterminaw b’mod espliċitu liema istituzzjoni hija kompetenti sabiex tħallas krediti mhux imħallsa tal-ħaddiema f’dawn il-każijiet u li jistabbilixxu l-ħlas, fl-iqsar żmien possibbli, tal-krediti mhux imħallsa tal-ħaddiema bħala l-għan tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tal-Istati Membri. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li tiġi żgurata applikazzjoni tajba tad-dispożizzjonijiet f’dan il-qasam billi tiġi prevista kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tal-Istati Membri.
9 L-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2002/74 żied dispożizzjonijiet li jirrigwardaw sitwazzjonijiet transnazzjonali u, b’mod partikolari, l-Artikolu 8a mad-Direttiva 80/987. Skont l-Artikolu 8a(1), meta impriża li għandha attivitajiet fit-territorji ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri tkun fi stat ta’ insolvenza, l-istituzzjoni kompetenti għall-ħlas tal-krediti mhux imħallsa tal-ħaddiema għandha tkun dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu dawn jaħdmu jew jaħdmu normalment.
10 L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/74 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma din id-direttiva qabel it-8 ta’ Ottubru 2005 u li għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet għall kull stat ta’ insolvenza ta’ persuna li timpjega li jseħħ wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
11 C. Defossez kien impjegat, f’sit ta’ kostruzzjoni fil-Belġju, inizjalment bħala kap ta’ sit ta’ kostruzzjoni u sussegwentement bħala kap ta’ grupp, għall-ewwel, minn Marzu 1997, mal-kumpannija EBM S.A. u wara, minn Settembru 2000, mal-kumpannija SOTIMON. Dawn iż-żewġ kumpanniji għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Franza.
12 Wara li tkeċċa, f’Diċembru 2003, fil-15 ta’ Jannar 2004, C. Defossez ressaq kawża quddiem il-Conseil de prud’hommes ta’ Dunkerque.
13 Permezz ta’ sentenza tat-Tribunal de commerce ta’ Dunkerque tal-1 ta’ Ġunju 2004, SOTIMON ġiet suġġetta għal proċedura ta’ stralċ mill-qorti. Sabiex jikseb il-ħlas tal-krediti salarjali tiegħu, C. Defossez talab, prinċipalment l-għajnuna tas-CGEA ta’ Lille u, sussidjarjament, l-għajnuna tal-FFE Belġjana.
14 Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2006, il-Conseil de prud’hommes ta’ Dunkerque ddikjara li ma kienx hemm raġuni reali u serja għat-tkeċċija ta’ C. Defossez u ddikjara li din id-deċiżjoni kienet applikabbli fil-konfront tas-CGEA ta’ Lille.
15 Permezz ta’ sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, il-Cour d’appel ta’ Douai inkludiet il-krediti ta’ C. Defossez mal-passiv tal-istralċ mill-qorti ta’ SOTIMON u ddikjarat li s-sentenza kienet applikabbli fil-konfront tal-FFE Belġjana, filwaqt li neħħiet mill-proċeduri lis-CGEA ta’ Lille.
16 C. Defossez appella fuq punt ta’ liġi minn din is-sentenza, fejn ikkritika lill-Cour d’appel de Douai talli, abbażi tal-Artikolu 8a tad-Direttiva 80/987 fil-verżjoni emendata tagħha, ċaħdet it-talba ta’ garanzija li huwa ressaq kontra s-CGEA ta’ Lille u talli ddeċidiet favur il-garanzija tal-FFE Belġjana.
17 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikolu 8a tad-Direttiva [80/987] kif emendata [b]id-Direttiva [2002/74], li fl-ewwel paragrafu tiegħu jipprovdi li, meta impriża b’ħidmiet fit-territorji f’mill-inqas żewġ Stati Membri tkun fi stat ta’ insolvenza, l-istituzzjoni responsabbli mill-ħlas tal-pretensonijiet pendenti tal-impjegati għandha tkun dik fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu dawn jaħdmu jew jaħdmu normalment u, fit-tieni paragrafu tiegħu, jipprovdi li l-kobor tad-drittijiet tal-impjegati jiġi stabbilit mil-liġijiet li jirregolaw l-istituzzjoni kompetenti tal-garanzija, għandu jiġi interpretat bħala li jistabbilixxi l-istituzzjoni kompetenti bl-esklużjoni ta’ kull istituzzjoni oħra, jew, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva, li huwa dak li jiġu kkonsolidati d-drittijiet tal-ħaddiema li jagħmlu użu mil-libertà ta’ ċirkulazzjoni tagħhom u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ din l-istess direttiva, li jgħid li din ma taffettwax l-għażla tal-Istati Membri li japplikaw jew idaħħlu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jaqblu [i]ktar lill-impjegati, għandu jiġi interpretat bħala li ma jiċħadx lill-impjegat mid-dritt li jgawdi, minflok mill-garanzija ta’ din l-istituzzjoni, minn dik l-iktar favorevoli tal-istituzzjoni li min jimpjegahom ikun assigurat magħha u jikkontribwixxi għaliha b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali?”
Fuq id-domanda preliminari
18 Għandu l-ewwel nett jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/74, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma din id-direttiva qabel it-8 ta’ Ottubru 2005 u għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet għall kull stat ta’ insolvenza ta’ persuna li timpjega li jseħħ wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
19 F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2002/74 tipproduċi effett dirett fil-każ ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni biss f’dak li jirrigwarda l-proċeduri ta’ insolvenza li jinbdew wara t-8 ta’ Ottubru 2005 (sentenza tas-17 ta’ Jannar 2008, Velasco Navarro, C‑246/06, Ġabra p. I‑105, punti 27 sa 29).
20 Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li billi ma adottatx, sat-terminu previst, il-miżuri intiżi li jiżguraw fid-dritt Franċiż it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/74, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva (sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑9/07, punt 12).
21 Għaldaqstant, peress li SOTIMON ġiet suġġetta għal proċedura ta’ stralċ mill-qorti permezz ta’ sentenza tat-Tribunal de commerce ta’ Dunkerque fl-1 ta’ Ġunju 2004, il-proċedura ta’ insolvenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex koperta mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/74.
22 Id-determinazzjoni eżatta tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu applikati f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija iktar u iktar importanti ladarba l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punti 20 u 25 sa 28 tas-sentenza tagħha tas-16 ta’ Ottubru 2008, Holmqvist (C‑310/07, Ġabra p. I‑7871) li l-Artikolu 8a, miżjud mad-Direttiva 80/987 bid-Direttiva 2002/74, jistabbilixxi kriterju ġdid għall-identifikazzjoni tal-istituzzjoni ta’ garanzija kompetenti. Konsegwentement, dan l-artikolu jirrappreżenta emenda sostantiva tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/987. Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni legali ta’ sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma twassalx neċessarjament għall-istess riżultat meta din issir skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/987 fil-verżjoni inizjali tagħha jew skont id-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess direttiva kif emendata bid-Direttiva 2002/74.
23 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tingħata billi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/987 jiġu interpretati, sabiex tinsab soluzzjoni għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-verżjoni tagħhom preċedenti għall-emendi effettwati bid-Direttiva 2002/74.
24 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat li, għalkemm id-Direttiva 80/987 ma tinkludix dispożizzjonijiet li jirrigwardaw espliċitament il-krediti ta’ impjegati li wettqu l-attività professjonali tagħhom fi Stat Membru ieħor għajr dak ta’ fejn hija stabbilita l-persuna li timpjegahom, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li din hija applikabbli għal tali krediti u li għalhekk id-determinazzjoni tal-istituzzjoni ta’ garanzija kompetenti għall-ħlas ta’ dawn il-krediti għandha ssir skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 1997, Mosbæk, C‑117/96, Ġabra p. I‑5017, punti 16 u 19).
25 Fir-rigward ta’ tali sitwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-istituzzjoni ta’ garanzija kompetenti, abbażi tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987, hija dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu, skont il-kliem tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, jew jiġi ddikjarat il-bidu tal-proċedura kollettiva jew inkella jiġi ddikjarat l-għeluq definittiv tal-impriża ta’ min iħaddem (ara s-sentenza Mosbæk, iċċitata iktar ’il fuq, punti 20 u 27).
26 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li huwa konformi mal-istruttura tad-Direttiva 80/987 li din l-istituzzjoni ta’ garanzija tkun, bla ħsara għal każ fejn ikun hemm finanzjament integrali min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi, dik li rċeviet jew, minn tal-inqas kellha tirċievi, il-kontribuzzjonijiet tal-persuna li timpjega insolventi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mosbæk, iċċitata iktar ’il fuq, punti 24 u 25).
27 Barra minn hekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1999, Everson u Barrass (C‑198/98, Ġabra p. I‑8903), li għaliha tagħmel riferiment il-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, fejn, bil-kontra tas-sitwazzjoni li tat lok għas-sentenza Mosbæk, iċċitata iktar ’il fuq, il-persuna li timpjega insolventi kellha stabbiliment, jiġifieri fergħa fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-impjegati kienu jwettqu l-attività tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-istituzzjoni li għandha tħallas il-krediti mhux imħallsa hija dik tal-Istat Membru fejn hija stabbilita din il-fergħa (sentenza Everson u Barrass, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23). Barra minn dan, din l-istituzzjoni ta’ garanzija kompetenti kienet dik tal-Istat Membru fejn tħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, kemm dawk tal-persuna li timpjega kif ukoll dawk tal-impjegati.
28 F’dak li jirrigwarda dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju tispeċifika, minn naħa, li l-impriża li impjegat lil C. Defossez kellha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Franza. Min-naħa l-oħra, mill-proċess jirriżulta li l-kontribuzzjonijiet li jistgħu jkopru l-eventwali talbiet salarjali tħallsu f’dan l-istess Stat Membru u li l-persuna li timpjega ma kellha ebda stabbiliment fiss fil-Belġju.
29 F’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi osservat li l-elementi rilevanti fil-kawża prinċipali ma jikkorrispondux għal dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza Everson u Barrass, iċċitata iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, tali korrispondenza tista’ tiġi kkonstatata bejn l-elementi rilevanti tal-kawża prinċipali u dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza Mosbæk, iċċitata iktar ’il fuq.
30 Isegwi li, meta impriża li impjegat ħaddiem ma għandha ebda stabbiliment fl-Istat Membru fejn dan il-ħaddiem iwettaq l-attività tiegħu u meta din l-impriża tħallas kontribuzzjonijiet soċjali inkwantu persuna li timpjega fl-Istat Membru ta’ fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat tagħha, l-istituzzjoni ta’ garanzija kompetenti, abbażi tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987, għal ħlas tal-krediti tal-ħaddiem li jirriżultaw mill-insolvenza tal-persuna li timpjegah hija l-istituzzjoni tal-Istat Membru fejn ikun ġie ordnat l-istralċ mill-qorti.
31 Għandu jingħad ukoll li, għalkemm id-Direttiva 80/987 ma tagħtix lill-ħaddiema l-possibbiltà li jagħżlu bejn diversi istituzzjonijiet, madankollu din id-direttiva ma teskludix il-possibbiltà li l-ħaddiem jinvoka, meta dan ikun ta’ benefiċċju għalih u meta dan ikun previst mid-dritt nazzjonali, il-garanzija ta’ istituzzjoni differenti minn dik identifikata abbażi tal-applikazzjoni tagħha.
32 Fil-fatt, id-Direttiva 80/987 hija intiża li tiggarantixxi lill-impjegati livell minimu ta’ protezzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi, tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et , C‑6/90 u C‑9/90, Ġabra p. I‑5357, punt 3, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2009, Visciano, C‑69/08, Ġabra p. I‑6741, punt 27), bla ħsara, skont l-Artikolu 9 tagħha, għad-dispożizzjonijiet iktar favorevoli li l-Istati Membri jistgħu japplikaw jew jintroduċu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi, tal-15 ta’ Mejju 2003, Mau, C‑160/01, Ġabra p. I‑4791, punt 32, kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2007, Robins et, C‑278/05, Ġabra p. I‑1053, punt 40).
33 Għalhekk, id-Direttiva 80/987 ma tipprekludix liġi ta’ Stat Membru li tipprovdi li impjegat jista’ jinvoka l-garanzija salarjali tal-istituzzjoni nazzjonali, skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru, sussidjarjament għal jew minflok il-garanzija offruta mill-istituzzjoni indikata bħala dik kompetenti skont din id-direttiva, sakemm, madankollu, l-imsemmija garanzija tagħti lok għal livell ogħla ta’ protezzjoni tal-ħaddiema.
34 Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun:
– L-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987, fil-verżjoni tagħha preċedenti għal dik li tirriżulta wara l-emendi effettwati bid-Direttiva 2002/74, għandha tiġi interpretata fis-sens li, għal ħlas tal-krediti mhux imħallsa ta’ ħaddiem li wettaq abitwalment l-attività salarjali tiegħu fi Stat Membru ieħor għajr dak ta’ fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat tal-persuna li timpjegah, li ġie ddikjarat insolventi qabel it-8 ta’ Ottubru 2005, meta din il-persuna li timpjega ma tkunx stabbilita f’dan l-Istat Membru l-ieħor u meta tkun issodisfat l-obbligu tagħha ta’ kontribuzzjoni għall-finanzjament tal-istituzzjoni ta’ garanzija fl-Istat Membru fejn għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha, hija din l-istituzzjoni tal-aħħar li hija responsabbli mill-obbligi definiti minn dan l-artikolu.
– Id-Direttiva 80/987 ma tipprekludix liġi ta’ Stat Membru li tipprovdi li ħaddiem jista’ jinvoka l-garanzija salarjali tal-istituzzjoni nazzjonali, skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru, sussidjarjament għal jew minflok il-garanzija offruta mill-istituzzjoni indikata bħala dik kompetenti skont din id-direttiva, sakemm, madankollu, l-imsemmija garanzija tagħti lok għal livell ogħla ta’ protezzjoni tal-ħaddiema.
Fuq l-ispejjeż
35 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE, tal-20 ta’ Ottubru 1980, dwar it-taqrib tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ tal-insolvenza tal-persuna li timpjegahom, fil-verżjoni tagħha preċedenti għal dik li tirriżulta wara l-emendi effettwati bid-Direttiva 2002/74/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għal ħlas tal-krediti mhux imħallsa ta’ ħaddiem li wettaq abitwalment l-attività salarjali tiegħu fi Stat Membru ieħor għajr dak ta’ fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat tal-persuna li timpjegah, li ġiet iddikjarata insolventi qabel it-8 ta’ Ottubru 2005, meta din il-persuna li timpjega ma tkunx stabbilita f’dan l-Istat Membru l-ieħor u meta tkun issodisfat l-obbligu tagħha ta’ kontribuzzjoni għall-finanzjament tal-istituzzjoni ta’ garanzija fl-Istat Membru fejn għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha, hija din l-istituzzjoni tal-aħħar li hija responsabbli mill-obbligi definiti minn dan l-artikolu.
Id-Direttiva 80/987 ma tipprekludix liġi ta’ Stat Membru li tipprovdi li ħaddiem jista’ jinvoka l-garanzija salarjali tal-istituzzjoni nazzjonali, skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru, sussidjarjament għal jew minflok il-garanzija offruta mill-istituzzjoni indikata bħala dik kompetenti skont din id-direttiva, sakemm, madankollu, l-imsemmija garanzija tagħti lok għal livell ogħla ta’ protezzjoni tal-ħaddiema
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy