21.3.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 69/26
Rikors ippreżentat fl-14 ta' Jannar 2009 — Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja
(Kawża C-17/09)
(2009/C 69/48)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: B. Schima u C. Zadra, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
Talbiet
—
tikkonstata li, minħabba l-fatt li l-belt ta' Bonn u Müllverwertungsanlage Bonn GmbH attribwixxew kuntratti pubbliċi ta' servizzi dwar l-eliminazzjoni ta' skart organiku u ta' skart aħdar mingħajr ma ġiet applikata l-proċedura għall-għoti ta' kuntratti b'sejħa għall-offerti Ewropea, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 8 u tat-Titoli III sa VI tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta' Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tas-servizz pubbliku (1),
—
tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors għandu bħala suġġett kuntratt ta' servizzi bi ħlas dwar l-eliminazzjoni ta' skart organiku u ta' skart aħdar, konkluż bejn il-belt ta' Bonn u Müllverwertungsanlage Bonn GmbH (aktar 'il quddiem “MVA GmbH”), minn naħa, u l-impriża privata għall-eliminazzjoni tal-iskart EVB Entsorgung und Verwertung Bonn GmbH & Co. KG (aktar 'il quddiem “EVB”), min-naħa l-oħra. MVA GmbH hija impriża muniċipali, li l-kapital tagħha huwa miżmum għal 93,46 % minn Stadtwerke Bonn GmbH — sussidjarja għal 100 % tal-belt ta' Bonn — u għal 6,54 % direttament mill-belt ta' Bonn. F'dan il-kuntratt, EVB tintrabat, minn naħa, li tikseb skart domestiku, li tisseparah minn qabel u li tittrasportah, sabiex jiġi eliminat fl-istabbiliment ta' rkupru ta' skart f'Bonn u, min-naħa l-oħra li telimina, fl-istabbilimenti fejn isir il-kompost, skart organiku u skart aħdar miġbur fuq it-territorju tal-belt ta' Bonn għal ħlas annwali ta' 6 miljun DEM.
Minkejja l-fatt li l-kuntratt tal-eliminazzjoni inkwistjoni jikkostitwixxi kuntratt pubbliku ta' servizzi skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50/KEE, ġie konkluż direttament ma' EVB, mingħajr ma ġiet applikata l-proċedura formali għall-għoti tal-kuntratti u mingħajr s-sejħa għall-offerti Ewropea. Il-kuntratt huwa dwar il-provvista ta' servizzi għall-eliminazzjoni ta' skart fis-sens tal-katergorija 16 tal-Anness I A tal-imsemmija direttiva u jeċċedi għalhekk b'mod konsiderevoli l-limitu ta' applikazzjoni tad-direttiva.
Kuntrarjament għall-pożizzjoni tal-gvern federali, mhuwiex importanti li jkun magħruf jekk, minbarra s-servizz ta' trasformazzjoni tal-kompost, il-kuntratt jirrigwardax ukoll servizzi oħra offruti mill-belt jew MVA GmbH f'isem EVB. Il-punt determinanti huwa, kuntrarjament, li l-kuntratt jobbliga b'mod vinkolanti lil EVB li tipprovdi servizzi ta' trasformazzjoni ta' kompost għal ħlas favur il-belt. Barra minn hekk, ma jistax jingħad li s-servizzi ta' trasformazzjoni ta' kompost jikkostitwixxu aspett sekondarju tal-kuntratt, safejn dawn is-servizzi huma wieħed mill-elementi ċentrali nnegozjati bejn il-partijiet u jikkostitwixxi, fuq il-pjan ekonomiku, parti importanti mill-volum tal-prestazzjonijiet skambjati.
Il-Kummissjoni lanqas ma tista' taqbel mal-argument imressaq mill-gvern federali, skont liema l-belt ta' Bonn kellha d-dritt, skont l-Artikolu 11 (3)(b) tad-Direttiva 92/50/KEE li tattribwixxi s-servizzi ta' trasformazzjoni ta' kompost skont il-proċedura nnegozzjata, mingħajr il-pubblikazzjoni preliminari ta' avviż. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija dispożizzjoni hija ta' interpretazzjoni restrittiva u huwa dak li jrid jibbenefika minnha li għandu l-oneru tal-prova taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw id-deroga eżistenti effettivament. Minħabba li l-gvern federali ma weriex b'mod ċirkostanzjat li EVB kellha dritt ta' esklussività rigward il-prestazzjoni ta' servizzi ta' trasformazzjoni ta' kompost inkwistjoni u liema kienet il-bażi ġuridika ta' dan id-dritt, ma jistax ikun ikkunsidrat li l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni tad-deroga tal-Artikolu 11(3)(b) tad-Direttiva 92/50/KEE kienu sodisfatti.
(1) ĠU L 209, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy