21.3.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 69/27
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Högsta domstolen (l-Iżvezja) fid-19 ta' Jannar 2009 — Djurgården-Lilla Värtans Miljöskyddsförening vs AB Fortum Värme samägt med Stockholms stad
(Kawża C-24/09)
(2009/C 69/50)
Lingwa tal-kawża: L-Iżvediż
Qorti tar-rinviju
Högsta domstolen.
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Djurgården-Lilla Värtans Miljöskyddsförening.
Konvenuta: AB Fortum Värme samägt med Stockholms stad.
Domandi preliminari
1)
Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 (1) — li f'ċerti ċirkustanzi l-pubbliku interessat għandu jkollu aċċess għal proċedura ta' stħarriġ quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi — timplika li hemm ukoll ir-rekwiżit li l-pubbliku interessat ikollu dritt jikkontesta deċiżjoni ta' qorti fi proċedura ta' approvazzjoni ta' ppjanar f'każ fejn il-pubbliku interessat kellu l-opportunità li jipparteċipa fl-eżami mill-qorti tad-domanda għall-approvazzjoni tal-ippjanar u li jissottometti l-fehmiet tiegħu lil dik il-qorti?
2)
Jekk ir-risposta għad-domanda Nru 1 hija fl-affermattiv: L-Artikoli 1(2), 6(4) u 10a tad-Direttiva 85/337 għandhom jiġu interpretati li jfissru li rekwiżiti nazzjonali differenti jistgħu jiġu stabbiliti rigward il-pubbliku interessat imsemmi fl-Artikolu 6(4), minn naħa, u l-Artikolu 10a, min-naħa l-oħra, bir-riżultat li assoċjazzjoni lokali għall-protezzjoni tal-ambjent li għandha d-dritt li tipparteċipa fil-proċeduri tat-tfassil ta' deċiżjonijiet msemmija fl-Artikolu 6(4) fir-rigward ta' proġetti li jista' jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent fiż-żona fejn l-assoċjazzjoni tkun attiva ma jkollhiex — peress li għandha membri inqas mill-minimu stabbilit fil-liġi nazzjonali — id-dritt li tappella minn dik id-deċiżjoni kif stabbilit fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337?
3)
Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61 (2) — li f'ċerti ċirkustanzi l-pubbliku interessat għandu jkollu aċċess għal proċedura ta' stħarriġ quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi sabiex jikkontesta l-legalità sostanzjali u proċedurali ta' kull deċiżjoni — timplika li hemm rekwiżit li l-pubbliku interessat ikollu dritt jikkontesta deċiżjoni ta' qorti fi proċedura ta' approvazzjoni ta' ppjanar f'każ fejn il-pubbliku interessat kellu l-opportunità li jipparteċipa fl-eżami mill-qorti tad-domanda għall-approvazzjoni tal-ippjanar u jissottometti l-fehmiet tiegħu lil dik il-qorti?
4)
Jekk ir-risposta għad-domanda Nru 3 hija fl-affermattiv: l-Artikoli 2(14) u 15a tad-Direttiva 96/61 għandhom jiġu interpretati li jfissru li rekwiżiti nazzjonali jistgħu jiġu stabbiliti fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju, bir-riżultat li assoċjazzjoni lokali għall-protezzjoni tal-ambjent li għandha d-dritt li tipparteċipa fil-proċeduri tat-tfassil ta' deċiżjonijiet fir-rigward ta' proġetti li jista' jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent fiż-żona fejn l-assoċjazzjoni tkun attiva ma jkollhiex — peress li għandha membri inqas mill-minimu stabbilit fil-liġi nazzjonali — id-dritt li tappella minn dik id-deċiżjoni kif stabbilit fl-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61?
(1) Id-Direttiva tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 1985 L 175, p. 40).
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE tal-24 ta' Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU 1996 L 257, p. 26).
Full & Egal Universal Law Academy