4.4.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 82/15
Rikors ippreżentat fit-22 ta' Jannar 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Portugiża
(Kawża C-30/09)
(2009/C 82/27)
Lingwa tal-kawża: Il-Portugiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: A. Sipos u P. Guerra e Andrade, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża
Talbiet
—
tiddikjara li, billi ma fasslitx pjani ta' emerġenza esterni fir-rigward tal-istabbilimenti li kienu s-suġġett ta' dawn il-pjani, ir-Repubblika Portugiża ma wettqitx l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (1) tad-9 ta' Diċembru 1996, dwar il-kontroll ta' perikoli ta' aċċidenti kbar fl-użu ta' sustanzi perikolużi, kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/105/KE tas-16 ta' Diċembru 2003;
—
tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Jirriżulta mill-ittri mibgħuta mill-Gvern Portugiż lill-Kummissjoni fir-rigward ta' dan is-suġġett li l-ebda wieħed mill-istabbilimenti li kellhom l-obbligu li jfasslu pjani ta' emerġenza ma kellu l-pjan ta' emerġenza estern tiegħu approvat skont id-direttiva.
L-Artikolu 11 tad-Direttiva 96/82 joħloq għall-Istati Membri l-obbligu li jiżġuraw li l-operaturi jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti l-informazzjoni neċessarja għat-tfassil tal-pjani ta' emerġenza esterni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ifasslu dawn il-pjani ta' emerġenza.
Skont l-Artikolu 11(4) tad-direttiva l-pjani ta' emerġenza interni u esterni għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid, ittestjati, riveduti u aġġornati f'intervalli ta' mhux iktar minn tliet snin.
Bħal ma ġie kkonstatat mill-informazzjoni tal-Gvern Portugiż innifsu, l-ebda waħda minn dawn l-obbligi ma ġie sodisfatt fil-Portugall.
(1) ĠU 1997 L 10, p. 13.
Full & Egal Universal Law Academy