4.4.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 82/16
Appell ippreżentat fit-28 ta' Jannar 2009 minn Transportes Evaristo Molina S.A mis-sentenza mogħtija fl-14 ta' Novembru 2008 mill-Qorti tal-Prim'Istanza (Ir-Raba' Awla) fil-Kawża T-45/08, Transportes Evaristo Molina vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-36/09P)
(2009/C 82/30)
Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol
Partijiet
Appellanti: Transportes Evaristo Molina, S. A (rappreżentanti: Hernández Pardo, S. Beltrán Ruiz u L. Ruiz Ezquerra, avukati)
Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla fl-intier tagħha s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-14 ta' Novembru 2008 fil-Kawża T-45/08 u, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza:
—
tiddikjara, qabel l-eżami tal-mertu tal-kawża, li l-verifiki mitluba minn Transportes Evaristo Molina SA fit-talba tagħha għal annullament huma rilevanti u tordna li dawn il-verifiki jsiru;
—
tilqa' fl-intier tagħha t-talba mressqa minn Transportes Evaristo Molina S.A quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza: jiġifieri tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' April 2006 (1) dwar proċedura ta' applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Każ COMP/B-1/38.348 — Repsol CPP), inkwantu din tikser l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 (2) kif ukoll il-prinċipji tad-dritt Komunitarju elenkati fir-rikors għal annullament, l-Artikolu 81 KE nnifsu u r-regoli ta' applikazzjoni skont il-kategorija li jiżviluppaw l-Artikolu 81(3) KE, ir-Regolament (KEE) Nru 1984/83 (3) u r-Regolament (KE) Nru 2790/99 (4).
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
a)
Id-“dies a quo” li minnu kellu jibda l-kalkolu tat-terminu previst fl-Artikolu 230 KE kien il-jum li minnu l-att ikkontestat (jiġifieri d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-12 ta' April 2006, Każ COMP/B-1/38.348 REPSOL CPP) beda jaffettwa direttament u individwalment lil TRANSPORTES EVARISTO MOLINA S.A.
b)
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li r-rikors għal annullament ippreżentat minn TRANSPORTES EVARISTO MOLINA S.A. huwa tardiv, l-appellanti ssostni li dan il-fatt għandu jiġi kkunsidrat bħala skużabbli, ladarba l-Kummissjoni Ewropea aġixxiet b'mod li ħoloq ċerta konfużjoni lill-appellanti.
(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2006/446/CE tat-12 ta' April 2006 dwar proċedura ta' applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Każ COMP/B-1/38.348 — Repsol CPP) (sommarju ppubblikat fil-ĠU L 1786, p. 104).
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2003, L 1, p. 1).
(3) Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1984/83, tat-22 ta' Ġunju 1983, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal kategoriji ta' akkordji ta' xiri esklużiv, (ĠU L 173, p. 5 — EE 08/02, p. 114).
(4) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999, tat-22 ta' Diċembru 1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta' ftehim vertikali u prattiċi miftiehma, (ĠU L 336, p. 21).
Full & Egal Universal Law Academy