18.4.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 90/11
Appell ippreżentat fit-30 ta’ Jannar 2009 minn Société des plantations de Mbanga SA (SPM) mis-sentenza mogħtija fit-13 ta’ Novembru 2008 mill-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla) fil-Kawża T-128/05, SPM vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni
(Kawża C-39/09 P)
2009/C 90/16
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Société des plantations de Mbanga SA (SPM) (rappreżentant: A. Farache, avukat)
Appellati: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropej, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet
—
prinċipalment, tiddikjara:
—
l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza;
—
il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tal-kumpens u għall-ħlas tal-ispejjeż taż-żewġ istanzi, inklużi dawk tal-appellanti;
—
sussidjarjament, tordna:
—
li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċiedi l-kawża mill-ġdid u tiddeċiedi fuq l-ammont ta’ kumpens li għandu jitħallas.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka essenzjalment żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha.
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li s-sistema Komunitarja ta’ importazzjoni tal-banana ma tiksirx b’mod manifest u gravi l-prinċipju taż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva, prinċipju li, skont l-appellanti, jikkostitwixxi regola tad-dritt li għandha bħala għan l-għoti ta’ drittijiet lill-individwi.
F’dan ir-rigward, l-appellanti tinvoka, minn naħa, in-nuqqas tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-kompetizzjoni inkwantu bbażat id-deċiżjoni tagħha biss fuq l-għanijiet ġeneriċi speċifikament segwiti fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur tal-banana. Min-naħa l-oħra, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod żbaljat ir-rabta li hemm bejn il-leġiżlazzjoni Komunitarja u l-prattiki antikompetittivi li hemm fis-suq tal-banana inkwantu rrifjutat li tirrikonoxxi li d-dispożizzjonijiet Komunitarji jippermettu, permezz ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni, l-għoti ta’ benefiċċji ekonomiċi lil ċerti operaturi privileġġati, li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq hija msaħħa bir-regoli eżistenti.
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka l-ksur, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt u, partikolarment, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba inkwantu qieset li dan tal-aħħar ma jikkostitwixxix, fih innifsu, regola tad- dritt li għandha bħala għan l-għoti ta’ drittijiet lill-individwi. Issa, dan il-prinċipju ġie għal diversi drabi rikonnoxxut fil-ġurisprudenza u jinvolvi, fil-każ ineżami, obbligu min-naħa tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tas-suq u tal-produtturi li ma setgħux jiksbu l-kwalifika ta’ operaturi meta ġiet adottata l-leġiżlazzjoni Komunitarja.
Full & Egal Universal Law Academy