4.4.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 82/18
Rikors ippreżentat fit-2 ta' Frar 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Taljana
(Kawża C-47/09)
(2009/C 82/33)
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: F. Clotuche-Duvieusart u M. Nardi, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana
Talbiet tal-partijiet rikorrenti
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:
—
taqta' u tiddeċiedi li, billi pprevediet il-possibbiltà li tikkompleta bl-aġġettiv “puro” jew bid-diċitura “cioccolato puro”, l-isem tal-bejgħ ta' prodotti ta' ċikkulata li ma fihomx xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel ħlief il-butir tal-kawkaw, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/36/KE (1) flimkien mal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2000/13/KE (2), kif ukoll tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/36;
—
tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
It-tikkettjar u, b'mod partikolari, l-ismijiet tal-bejgħ ta' prodotti ta' ċikkulata ġew totalment armonizzati fil-Komunità, ukoll bil-għan li tiġi ggarantita informazzjoni eżatta lill-konsumatur, permezz ta' dispożizzjonijiet tad-direttiva fuq it-tikkettjar (2000/13) u tad-direttiva fuq il-prodotti taċ-ċikkulata (2000/36). Id-Direttiva 2000/36 tipprevedi li l-prodotti li fihom sa 5 % ta' ċerti xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel iżommu l-isem tagħhom mingħajr ma dan jinbidel, filwaqt li fit-tikkettjar tagħhom għandu jkun hemm id-dikjarazzjoni speċifika, b'ittri kbar, “fih xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel b'żieda mal-butir tal-kawkaw”.
Il-leġiżlazzjoni Taljana, li hija s-suġġett tar-rikors, billi tippermetti ż-żieda tad-diċitura “puro” mal-isem tal-bejgħ ta' prodotti li fihom esklużivament il-butir tal-kawkaw bħala xaħam, tbiddel u tippreġudika d-definizzjonijiet armonizzati adottati fuq livell Komunitarju. Peress li, bit-Taljan, il-kelma “puro” tfisser mhux mibdul, mhux miżjud u għaldaqstant ġenwin, il-konsumaturi jinġegħlu jaħsbu li dawk il-prodotti li jirrispettaw id-direttiva u l-kundizzjonijiet li hija tipprevedi fir-rigward tal-ismijiet tal-bejgħ, imma li fihom xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel li mhumiex il-butir tal-kawkaw, mhumiex puri, jiġifieri huma mibdula, mhux miżjuda u mhux ġenwini. U dan minħabba l-fatt biss li huma fihom xaħmijiet mill-ħxejjex tal-ikel li l-leġiżlazzjoni tippermetti, inkwantu għat-tip tagħhom u għad-daqs tagħhom, mingħajr ma dan ibiddel l-isem tal-bejgħ tagħhom.
Barra minn hekk, il-kelma “puro” tikkostitwixxi aġġettiv kwalifikattiv li l-użu tagħha fl-isem tal-bejgħ huwa suġġett għar-rispett ta' ċerti kundizzjonijiet. B'mod partikolari, l-Artikolu 3(5) tad-Diretiiva 2000/36 jipprevedi li l-użu ta' tagħrif jew deskrizzjonijiet li jkollhom x'jaqsmu mal-kriterji tal-kwalità huwa suġġett għar-rispett ta' kontenut minimu ta' solidi niexfa ta' kawkaw, iktar minn dak li huwa previst għall-użu ta' ismijiet li ma fihomx dawn id-deskrizzjonijiet. Il-leġiżlazzjoni Taljana dwar id-diċitura “puro” tissuġġetta, min-naħa tagħha, l-użu għall-preżenza ta' butir tal-kawkaw biss bħala xaħam, mingħajr m'huwa neċessarju li jiġi osservat il-kontenut minimu ogħla ta' solidi niexfa totali ta' kawkaw. Dan jikkostitwixxi ksur dirett tal-Artikolu 3(5) tad-direttiva kif ukoll element ta' ngann għall-konsumatur.
(1) Id-Direttiva 2000/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ġunju 2000 rigward il-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 197, p. 19).
(2) Id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 20 Marzu 2000 fuq l-approsimazzjoni ta' liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta' oġġetti tal-ikel (ĠU L 109, p. 29).
Full & Egal Universal Law Academy