4.4.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 82/19
Appell ippreżentat fit-2 ta' Frar 2009 minn Lego Juris A/S kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tmien Awla) tat-12 ta' Novembru 2008 fil-Kawża T-270/06: Lego Juris A/S vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) Il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza Mega Brands, Inc.
(Kawża C-48/09)
(2009/C 82/34)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Lego Juris A/S (rappreżentanti: V. von Bomhard, Rechtsanwältin, T. Dolde, A. Renck, Rechtsanwälte)
Appellat: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, minħabba li din tikser l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (RTMK) (1)
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tissottometti li s-sentenza appellata tikser l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-RTMK. L-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza:
a)
interpretat l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-RTMK b'mod li effettivament jeskludi mill-protezzjoni tat-trade mark kull forma li għandha funzjoni, indipendentement mill-fatt jekk il-kriterji tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-RTMK kif definiti mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-deċiżjoni Philips vs Remington (2) humiex soddisfatti jew le.
b)
applikat il-kriterji żbaljati fl-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta' trade mark tridimensjonali; u
c)
applikat test ta' funzjonalità żbaljat minħabba li (i) ma llimitatx l-evalwazzjoni tagħha għall-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark inkwistjoni u, (ii) ma ddefinitx il-kriterji adatti sabiex ikun evalwat jekk karatteristika ta' forma hijiex funzjonali u, b'mod partikolari, irrifjutat li tikkunsidra ebda disinni alternattivi potenzjali.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, p. 1)
(2) Sentenza tat-18 ta' Ġunju 2002, Philips, (C-299/99, Ġabra p. I-5475).
Full & Egal Universal Law Academy