18.4.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 90/12
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Stockholms tingsrätt (l-Iżvizzera) fis-6 ta’ Frar 2009 – Konkurrensverket vs TeliaSonera Sverige AB
(Kawża C-52/09)
2009/C 90/19
Lingwa tal-kawża: L-Iżvediż
Qorti tar-rinviju
Stockholms tingsrätt
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Tele2 Sverige Aktiebolag
Konvenuta: TeliaSonera Sverige AB
Domandi preliminari
1)
Taħt liema kundizzjonijiet jista’ jkun hemm ksur tal-Artikolu 82 KE bbażat fuq id-differenza bejn il-prezz li bih impriża dominanti integrata vertikalment tbiegħ provvisti ta’ servizzi intermedjarji ADSL lil kompetituri tagħha u l-prezz li bih hija tbiegħhom lil klijenti finali?
2)
Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, huma biss il-prezzijiet applikati mill-impriża dominanti fir-rigward tal-klijenti finali tagħha li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jew jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll prezzijiet applikati mill-kompetituri tagħha fis-suq tal-klijenti finali?
3)
Il-fatt li l-impriża domininati m’għandhiex obbligu leġiżlattiv li tipprovdi servizzi intermedjarji, iżda ddeċidiet li tagħmel dan volontarjament, għandu effett fuq ir-risposta għall-ewwel domanda?
4)
Sabiex il-prattika deskritta fl-ewwel domanda tkun meqjusa bħala abbużiva, jeħtieġ li din ikollha effetti li jirristrinġu l-kompetizzjoni u, jekk dan ikun il-każ, dawn kif jistgħu jiġu stabbiliti?
5)
L-importanza tas-setgħa tas-suq li tgawdi minnha l-impriża dominanti għandha effett fuq ir-risposta għall-ewwel domanda?
6)
Sabiex il-prattika deskritta fl-ewwel domanda tkun meqjusa bħala abbużiva, jeħtieġ li l-impriża li adottata jkollha pożizzjoni dominanti kemm fis-suq tal-intermedjarji kif ukoll fis-suq tal-klijenti finali?
7)
Sabiex il-prattika deskritta fl-ewwel domanda tkun meqjusa bħala abbużiva, jeħtieġ li l-prodott jew is-servizz provdut mill-impriża dominanti jkun indispensabbli?
8)
Il-fatt li l-kunsinna hija lil klijent ġdid għandu effett fuq ir-risposta għall-ewwel domanda?
9)
Sabiex il-prattika deskritta fl-ewwel domanda tkun meqjusa bħala abbużiva, jeħtieġ li l-impriża dominanti jkollha probabbiltà li tirkupra t-telf tagħha?
10)
Il-fatt li hija involuta teknoloġija ġdida f’suq, li teħtieġ investimenti kbar ħafna, għandu effett fuq ir-risposta għall-ewwel domanda, pereżempju minħabba spejjeż raġonevoli ta’ stabbiliment u l-eventwali neċessità ta’ bejgħ b’telf matul il-fażi ta’ stabbiliment?
Full & Egal Universal Law Academy