18.4.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 90/17
Appell ippreżentat fis-17 ta’ Frar 2009 minn Nuova Agricast Srl u Cofra srl mis-sentenza mogħtija fit-2 ta’ Diċembru 2008 mill-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) fil-Kawża T-362/05 , Nuova Agricast Srl et vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-67/09 P)
2009/C 90/28
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Appellanti: Nuova Agricast Srl, Cofra srl (rappreżentant: M. A. Calabrese, avukat)
Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:
Talba prinċipali
—
tannulla s-sentenza appellata, anke fil-parti fejn tikkonstata li l-ittra tad-29 ta’ Mejju 2000 ma fiha ebda falsità, u tiċħad għalhekk anke fil-mertu il-kontrotalba tal-Kummissjoni;
—
li meta tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet inklużi fil-miżuri ta’ organizzazzjoni tat-2 ta’ Marzu 2006, tikkonstata u tiddikkjara li, billi aġixxiet kif imsemmi fir-rikorsi fl-ewwel istanza, il-Kummissjoni kisret b’mod gravi u manifest id-dritt Komunitarju u kkaġunat dannu patrimonjali lir-rikorrenti;
—
tirrinvija l-kawża lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet mhux inklużi fil-miżuri ta’ organizzazzjoni tat-2 ta’ Marzu 2006;
—
u, dwar l-ispejjeż;
i)
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell,
ii)
jew tirriżerva l-ispejjeż;
jew, u fl-eventwalità li ma tikkunsidrax li l-kawża tista’ tiġi deċiża fuq il-mertu:
Talba sussidjarja
—
tannulla s-sentenza appellata, anke fil-parti fejn tikkonstata li l-ittra tad-29 ta’ Mejju 2000 ma fiha ebda falsità,, u tiċħad għalhekk anke fil-mertu l-kontrotalba tal-Kummissjoni;
—
tirrinvija l-kawża lill-Qorti tal-Prim’Istanza;
—
u tirriżerva l-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-EWWEL AGGRAVJU TA’ ILLEGALITÀ: żball ta’ liġi, minħabba li kkunsidrat awtorizzabbli mill-Kummissjoni skema li tmur kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u ta’ non-diskriminazzjoni bejn impriżi li jipparteċipaw fl-istess skema ta’ għajnuna; konsegwentement il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 87 KE u l-ġurisprudenza Komunitarja li tistabbilixxi li l-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE ma tista’ qatt tikkostitwixxi l-istrument sabiex jiġu evitati jew miksura regoli u prinċipji tad-dritt Komunitarju u li l-Kummissjoni ma tistax tawtorizza skemi li jiksru regoli jew prinċipji oħra tad-dritt Komunitarju.
L-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza, billi interpretat id-deċiżjoni tal-1997 kif għamlet fil-punt 81 tas-sentenza appellata, interpretat l-iskema sħiħa ta’ għajnuna awtorizzata minn dik id-deċiżjoni b’ mod li jrendiha inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u ta’ non-diskriminazzjoni u dan għaliex l-iskema, hekk interpretata, filwaqt li kienet toffri garanziji preċiżi lill-impriżi li kienu ppreżentaw talba għall-ewwel darba fit-tieni proċedura ta’ sejħa għal offerti fl-1999 dwar il-fatt li anke huma setgħu, jekk neċessarju, jirriformulaw dawn it-talbiet f’proċedura ta' sejħa għal offerti suċċessiva, kienet trendi din ir-riformulazzjoni loġikament impossibbli peress li, wara l-31 ta’ Diċembru 1999 din il-proċedura ta' sejħa għal offerti qatt ma setgħet tinżamm, lanqas jekk irriżervata biss għar-riformulazzjonijiet. Minn dan l-appellanti jiddeduċu li l-iskema, jekk interpretata b’dan il-mod, kienet tikser mhux biss il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi, imma wkoll dak ta’ non-diskriminazzjoni, peress li kienu biss l-impriżi li kienu pparteċipaw għall-ewwel darba fit-tieni proċedura ta’ sejħa għal offerti tal-1999 li ma kienux permessi jagħmlu dak li min-naħa l-oħra kien permess lill-impriżi kollha li kienu pparteċipaw fil-proċeduri ta’ sejħa għal offerti preċedenti.
IT-TIENI AGGRAVJU TA’ ILLEGALITÀ: żball ta’ liġi, minħabba li naqset milli tivverifika jekk l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-1997 mogħtija minnha setgħetx tkun sostitwita b’oħra li tosserva l-prinċipji tad-dritt imsemmija iktar ‘il fuq. Għaldaqstant il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-ġurisprudenza li timponi fuq il-qorti l-obbligu ta’ tali verifika u ta’ tali sostituzzjoni.
L-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza, billi interpretat b’mod ġenerali u astratt l-iskema kif awtorizzata mid-deċiżjoni tal-1997, naqset milli tivverifika jekk l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-1997 mogħtija minnha setgħetx tkun sostitwita b’oħra, li tosserva l-prinċipji tad-dritt imsemmija iktar ‘il fuq, u għalhekk wettqet żball ta’ liġi peress li kisret dik il-ġurisprudenza li abbażi tagħha meta dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju sekondarju tista’ tiġi interpretata f’diversi modi, għandha tingħata preferenza lil dik l-interpretazzjoni li trendi d-dispożizzjoni stess konformi mat-Trattat KE għajr dik li twasal għall-inkompatibbiltà tagħha mat-Trattat stess.
IT-TIELET AGGRAVJU TA’ ILLEGALITÀ: l-appellanti jsostnu li s-sentenza appellata, fil-parti fejn (punti 50 u 51) eskludiet il-preżenza ta’ falsità fl-ittra tad-29 ta’ Mejju 2000, hija vvizzjata bi żball ta' interpretazzjoni ta’ din l-ittra kif ukoll b' żnaturament tal-fatti u għandha tkun annullata, u li għandha tkun miċħuda anke fil-mertu l-kontrotalba tal-Kummissjoni intiża sabiex titneħħa mit-test tar-rikorsi l-akkuża, imressqa mir-rikorrenti, li l-Kummissjoni wettqet falz ideoloġiku meta fformulat l-ittra tad-29 ta’ Mejju 2000 b’mod li jinsinwa li kienu l-awtoritajiet Taljani li lanqas biss semmew, fil-laqgħa tas-16 ta’ Mejju 2000, l-eżistenza tal-impriżi li jaqgħu taħt il-kategorija tat-tielet proċedura ta’ sejħa għal offerti.
Full & Egal Universal Law Academy