16.5.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 113/20
Appell ippreżentat fis-17 ta’ Frar 2009 mill-Comitato “Venezia vuole vivere” mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Sitt Awla Estiża), fit-28 ta’ Novembru 2008 fil-Kawżi Magħquda T-254/00, T-270/00 u T-277/00, Hotel Cipriani SpA et vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-71/09 P)
2009/C 113/41
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Appellant: Comitato “Venezia vuole vivere” (rappreżentant: A. Vianello, avvocato)
Il-partijiet l-oħra fil-kawża: Hotel Cipriani SpA, Società Italiana per il gas SpA (Italgas), ir-Repubblika Taljana, Coopservice — Servizi di fiducia Soc. coop. rl, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet
—
tilqa dan l-appell;
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (Is-Sitt Awla Estiża), tat-28 ta’ Novembru 2008, fil-Kawżi Magħquda T-254/00, T-270/00 u T-277/00, Comitato Venezia Vuole Vivere vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, innotifikata fit-3 ta’ Diċembru 2008, kif ukoll tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Novembru 1999, 2000/394/KE (1), u sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 5 tal-istess deċiżjoni sa fejn jimponi obbligu li jitħallas lura l-ammont tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali inkwistjoni u sa fejn jipprevedi li ma’ tali ammont jiżdiedu l-interessi għall-perijodu kkunsidrat;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi tal-kawża.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Comitato Venezia Vuole Vivere jinvoka sitt aggravji insostenn tal-kontestazzjoni tiegħu.
Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellant isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi, bi ksur tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 253 KE. B’mod partikolari, is-sentenza appellata ma teżaminax b’mod adegwat u lanqas ma tagħti motivazzjoni fir-rigward tan-natura kumpensatorja tal-għajnuna inkwistjoni fid-deċiżjoni, u lanqas fir-rigward tal-effett tal-istess għajnuna fuq is-suq, u tikser il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni u trattament ugwali b’riferiment għall-eżami tal-pożizzjoni tal-impriżi muniċipaliżżati fir-rigward tal-impriżi rikorrenti.
It-tieni aggravju għandu bħala suġġett il-ksur tal-Artikolu 86(2) KE, u b’mod speċifiku, in-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-applikabbiltà tad-deroga dwar it-tmexxija tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali għall-każ inkwistjoni. Minflok, tali evalwazzjoni saret għall-impriżi muniċipaliżżati.
It-tielet aggravju, li għandu bħala suġġett il-ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, jikkontesta l-pożizzjoni tas-sentenza appellata fir-rigward tad-diskrezzjonalità assoluta tal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikabbiltà tad-deroga dwar id-diffikultajiet reġjonali u fir-rigward tan-nuqqas ta’ evalwazzjoni adegwata għall-każ speċifiku inkwistjoni.
Permezz tar-raba’ aggravju, l-appellant jinvoka ksur tal-Artikolu 87(3)(d) KE, u b’mod speċifiku, l-awtorizzazzjoni tad-deroga għal skopijiet “kulturali” lill-Consorzio Venezia Nuova u n-nuqqas ta’ evalwazzjoni għall-impriżi l-oħra.
Permezz tal-ħames aggravju, l-appellant jikkontesta n-nuqqas ta’ importanza mogħtija lill-kontinwità bejn l-għajnuna kkontestata (li ngħatat wara Ġunju tal-1994) u l-iskema preċedenti (li tmur lura għall-1973), bi ksur tal-Artikoli 1 u 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE.
Is-sitt aggravju għandu bħala suġġett in-natura awtomatika tal-ordni ta’ ħlas lura, bi ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999.
(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Novembru 1999, 2000/394/KE dwar miżuri ta’ għajnuna favur l-impriżi stabbiliti fit-territorju ta’ Venezja u ta’ Chioggia, previsti mil-liġijiet Nru 30/1997 u Nru 206/1995 li jistabbilixxu tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (ĠU 2000, L 150, p. 50)
Full & Egal Universal Law Academy