16.5.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 113/22
Appell ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2009 minn Società Italiana per il gas SpA (Italgas) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Sitt Awla Estiża), fit-28 ta’ Novembru 2008 fil-Kawżi Magħquda T-254/00, T-270/00 u T-277/00, Hotel Cipriani SpA et vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-76/09 P)
2009/C 113/43
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Appellanti: Società Italiana per il gas SpA (Italgas) (rappreżentanti: M. Merola, M. Pappalardo, T. Ubaldi, avvocati)
Il-partijiet l-oħra fil-kawża: Hotel Cipriani SpA, ir-Repubblika Taljana, Coopservice — Servizi di fiducia Soc. coop. rl, Comitato “Venezia vuole vivere”, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet
L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza appellata;
—
tannulla l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni (1), sa fejn jiddikjaraw mhux kompatibbli mas-suq komuni t-tnaqqis fiskali mogħti mill-Italja, u l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza abbażi tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi tal-kawża.
Aggravji u argumenti prinċipali
—
L-ewwel aggravju jirrigwarda żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE u difett fil-motivazzjoni b’riferiment għan-natura kumpensatorja tat-tnaqqis fiskali inkwistjoni, b’relazzjoni wkoll mal-prova tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-impatt fuq il-kummerċ. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball minħabba li, minkejja li rrikonoxxiet li miżura ma tikkostitwixxix għajnuna jekk tkun limitata sabiex tikkumpensa żvantaġġi ekonomiċi oġġettivi, qieset li dan il-prinċipju ma kienx japplika għall-każ inkwistjoni għaliex: i) teżisti rabta diretta bejn l-ammont tal-kumpens u dak tal-ispejjeż supplimentari mħallsa mill-impriżi minħabba li huma stabbiliti fil-laguna ta’ Venezia u ta’ Chioggia; ii) l-ispejjeż supplimentari mħallsa mill-impriżi benefiċjarji jiġu kkalkolati fir-rigward ta’ spejjeż medji tal-impriżi Komunitarji u mhux tal-ispejjeż tal-impriżi fuq l-art. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tirrileva l-kontradizzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata li biha l-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni tal-pożizzjoni tal-impriża responsabbli mit-tmexxija tas-servizz tal-ilma, ikkunsidrat li n-natura kumpensatorja ta’ skema tista’ tiġi rrikonoxxuta anki fin-nuqqas ta’ korrispondenza preċiża bejn l-entità pubblika u l-ispejjeż supplimentari mħallsa mill-impriżi, u li dawn m’għandhomx neċessarjament jiġu kkalkolati fir-rigward tal-ispejjeż medji tal-impriżi Komunitarji.
—
It-tieni aggravju jirrigwarda żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE u tal-ġurisprudenza Komunitarja dwar l-oneru tal-prova, meta l-Kummissjoni kkwalifikat lill-miżura kkontestata bħala għajnuna skont l-Artikolu 87(1), kif ukoll żball ta’ motivazzjoni fis-sentenza kkontestata. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta qieset li kienu r-Repubblika Taljana u t-terzi persuni interessati, u mhux il-Kummissjoni, li kellhom jipprovaw li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE ma kinux sodisfatti fir-rigward ta’ xi kategoriji ta’ impriżi jew setturi ta’ attività milquta mit-tnaqqis fiskali, meta kkonkludiet li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tikser l-Artikolu 87(1) KE u li lanqas il-prinċipju ta’ trattament ugwali ma kien milqut minn kontradizzjoni jew difett fil-motivazzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tirrispondi għall-ilment imqajjem mir-rikorrenti fir-rikors tagħha dwar il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE b’riferiment għall-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni u l-kontradittorjetà ċara tal-motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tad-deroga skont l-Artikolu 86(2) KE.
—
It-tielet aggravju jirrigwarda l-iżnaturament tal-fatti u tal-provi, u żball ta’ liġi fir-rigward tal-osservanza tal-obbligi proċedurali u tal-prinċipju ta’ eżami diliġenti u imparzjali impost fuq il-Kummissjoni. Fil-fatt, mid-dokumenti ppreżentati matul il-proċedura fl-ewwel istanza, jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-fatti u l-provi quddiemha u wettqet żball ta’ dritt gravi meta ma osservatx li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-obbligi proċedurali u ta’ eżami diliġenti, bir-reqqa u non-diskriminatorju imposti fuqha fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha skont l-Artikoli 87 u 88 KE.
—
Ir-raba’ aggravju jirrigwarda żball ta’ liġi, kif ukoll nuqqas u kontradizzjoni fil-motivazzjoni tas-sentenza kkontestata, fl-evalwazzjoni tad-difett fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-portata legali tal-ittri tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Awwissu u 29 ta’ Ottubru 2001 b’rabta mal-eżami tar-rekwiżiti ta’ impatt fuq il-kompetizzjoni u fuq l-iskambji tat-tnaqqis fiskali inkwistjoni. Fid-dawl tar-regoli u tal-prinċipji li tistrieħ fuqhom is-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat stabbilita mit-Trattat, il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija żbaljata u mingħajr motivazzjoni fil-punti fejn: i) ikkonkludiet li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet biżżejjed sabiex tippermetti lill-awtoritajiet Taljani jiddeterminaw l-impriżi marbuta li jħallsu lura l-għajnuna rċevuta, b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata; ii) naqqset il-portata legali tal-indikazzjonijiet u l-informazzjoni ulterjuri mogħtija mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Taljani fl-ittri tad-29 ta’ Awwissu u 29 ta’ Ottubru 2001, billi kkwalifikathom bħala atti li jidħlu fil-kuntest tal-kooperazzjoni leali bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali.
(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Novembru 1999, 2000/394/KE dwar miżuri ta’ għajnuna favur l-impriżi stabbiliti fit-territorju ta’ Venezja u ta’ Chioggia, previsti mil-liġijiet Nru 30/1997 u Nru 206/1995 li jistabbilixxu tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (ĠU 2000, L 150, p. 50)
Full & Egal Universal Law Academy