18.4.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 90/20
Appell ippreżentat fit-3 ta’ Marzu 2009 minn General Química, S.A., Repsol Química, S.A., Repsol YPF, S.A. mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Sitt Awla) tat-18 ta’ Diċembru 2008 fil-Kawża T-85/06, General Química et vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża C-90/09 P)
2009/C 90/32
Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol
Partijiet
Appellanti: General Química, S.A., Repsol Química, S.A., Repsol YPF, S.A. (rappreżentanti: J.M. Jiménez-Laiglesia Oñate u J. Jiménez-Laiglesia Oñate, abogados)
Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008 fil-Kawża T-85/06 sa fejn tiħċad il-motiv ta’ annullament ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u n-nuqqas ta’ motivazzjoni li jikkonċerna r-responsabbiltà in solidum tar-rikorrenti;
—
tannulla l-Artikolu 1(g) u (h) u l-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni sa fejn hija magħmula kontra Repsol YPF u Repsol Química bħala konġuntament u in solidum responsabbli ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, flimkien ma’ General Química u, sussidjarjament, sa fejn id-deċiżjoni hija magħmula kontra Repsol YPF, billi fiż-żewġ każijiet tnaqqas is-sanzjoni b’mod adegwat.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appell għandu bħala suġġett iċ-ċaħda tal-motiv ta’ annullament tad-deċiżjoni dwar l-imputazzjoni ta’ responsabbiltà lil Repsol Química u Repsol YPF għall-aġir ikkontstat lil General Química S.A. Fis-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis b’mod żbaljat kriterju ta’ imputazzjoni tar-responsabbiltà bla rabta mal-fatti jew iċ-ċirkustanzi tal-kawża kif ukoll mal-ksur imwettaq minn General Química. Is-sentenza twettaq żball meta tqiegħed ir-responsabbiltà ta’ sussidjarja fuq kumpannija parent billi tikkunsidra li teżisti unità ekonomika abbażi tas-sempliċi possibbiltà jew kapaċità tal-kumpannija parent li teżerċita influwenza deċiżiva fuq is-sussidjarja tagħha. Hija lanqas ma tispjega għalfejn l-elementi li hija tagħżel juru l-eżistenza ta’ influwenza deċiżiva filwaqt li tiċħad dawk li ddaħħlu fil-proċess jew tiżnaturhom. Minbarra dan, hija tapplika b’mod żbaljat il-preżunzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza fil-każijiet fejn il-kumpannija parent iżżomm il-kapital azzjonarju kollu, u ddawwar l-oneru tal-prova mingħajr barra minn hekk ma tippreċiża n-natura tal-provi li għandhom jitressqu sabiex tiġi kkontestata l-preżunzjoni. Is-sentenza tagħti lill-Kummissjoni marġni diskrezzjonali u ta’ evalwazzjoni illimitati tal-provi prodotti li tmur kontra din il-preżunzjoni. Konsegwentement, il-preżunzjoni hija fil-verità inkontestabbli. Bl-istess mod, u barra l-fatt li r-responsabbiltà ta’ Repsol YPF la hija individualizzata u lanqas mhija nieqsa minn ambigwitajiet, is-sentenza twettaq żball billi testendi awtomatikament il-preżunzjoni tas-sempliċi kapaċità ta’ eżerċizzju ta’ influwenza deċiżiva fuq il-kumpannija parent. Peress li r-responsabbiltà hija imputata lill-grupp ta’ kumpanniji u mhux lill-impriża bħala unità ekonomika, din ir-responsabbilita hija barra minn hekk inkontestabbli.
Full & Egal Universal Law Academy