20.6.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 141/26
Appell ippreżentat fil-31 ta’ Marzu 2009 minn Kronoply GmbH & Co.KG, li qabel kienet Kronoply GmbH & Co.KG, mis-sentenza mogħtija fl-14 ta’ Jannar 2009 mill-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) fil-kawża T-162/06, Kronoply GmbH & Co.KG vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża C-117/09 P)
2009/C 141/47
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Kronoply GmbH, li qabel kienet Kronoply GmbH & Co.KG (rappreżentanti: R. Nierer u L. Gordalla, avukati)
Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza mogħtija fl-14 ta’ Jannar 2009 mill-Qorti tal-Prim’Istanza (Ħames Awla) fil-kawża T-162/06;
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/262/KE, tal-21 ta’ Settembru 2005, dwar l-għajnuna mill-Istat C 5/2004 (ex N 609/2003), li tiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna li l-Ġermanja għandha l-intenzjoni li tagħti lill-appellanti;
—
sussidjarjament fit-tieni kap tat-talba, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell, b’mod partikolari li tagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-appellanti.
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell huwa intiż kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li tiċħad ir-rikors ippreżentat għal annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Settembru 2005, li tiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mill-Istat li l-Ġermanja għandha l-intenzjoni li tagħti lil Kronoply GmbH & Co. KG. Skont is-sentenza appellata, l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-għajnuna kkontestata ma kinitx teżiġi mill-benefiċjarju korrispettiv u lanqas kontribuzzjoni għal għan ta’ interess komuni u li għaldaqstant hija kienet għajnuna għall-funzjonament intiża biex tkopri l-ispejjeż kurrenti, li ma setgħetx tiġi awtorizzata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-għajnuna kkontestata mhijiex neċessarja, billi din tirrigwarda biss it-twettiq ta’ stallazzjoni ta’ produzzjoni, li mandankollu kien diġà suġġett ta’ notifika, u li l-proġett ta’ investiment kien ġie kkompletat kollu kemm huwa permezz tal-għajnuna awtorizzata wara din l-ewwel notifika, u dan sewwa qabel in-notifika tal-għajnuna kkontestata.
L-appellanti ressqet insostenn tal-appell li s-sentenza appellata mhux konformi mal-Artikolu 87(3)(a) u (ċ) KE, mal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali adottat għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu u għall-qafas multisettorjali tal-għajnuna b’għan reġjonali favur proġetti kbar ta’ investiment għall-1998. Hija tikkontesta lill-Qorti tal-Prim’Istanza li b’dan hija wkoll kisret il-prinċipji tal-aspettativi leġittimi u ta’ trattament ugwali.
Il-ksur tal-Artikolu 87(3)(a) u (ċ) KE huwa kkostitwit mill-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat u evalwat ħażin il-kriterju tal-bżonn tal-effett ta’ inċentiv.
F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-bżonn tal-għajnuna kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod irregolari dejqet il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(3) KE, billi b’mod ġuridikament żbaljat ikkunsidrat li l-benefiċjarju ta’ għajnuna ma jistax, għal proġett ta’ investiment speċifiku, jinnotifika għajnuna waħda biss u li kull notifika ġdida għandha tirrigwarda proġett ġdid ta’ investiment. Barra minn dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza wetqet evalwazzjoni tagħha tal-bżonn billi bbażat ruħha fuq data li, minn naħa, kienet irrilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni ta’ investiment tal-appellanti u li fuqha, min-naħa l-oħra, din ma kellha l-ebda influwenza. Id-data determinanti f’għajnejn il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Prim’Istanza hija dik, li fiha l-Istat Membru nnotifika l-għajnuna kkontestata lill-Kummissjoni. Bl-introduzzjoni tat-talba tagħha għal għajnuna mal-awtoritajiet nazzjonali, l-appellanti ġa għamlet dak kollu li huwa possibbli u fil-poter tagħha sabiex tipprova l-bżonn. L-appellanti m’għandha l-ebda influwenza fuq id-data tan-notifika tal-għajnuna lill-Kummissjoni. Din il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza u tal-Kummissjoni — loġikament — kellha bħala effett, li jkun meħtieġ li jiġi miċħud lil kull proġett ta’ investiment l-bżonn li l-għajnuna tiġi awtorizzata billi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq il-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà tal-għajnuna pproġettata mas-suq komuni tingħata biss ladarba l-proġett ta’ investiment jitlesta jew jintemm.
Barra minn dan, għandu jiġi osservat li l-appellanti ma setgħatx tikkontesta direttament id-deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward l-għajnuna inizjalment innotifikata. Meta l-Kummissjoni tiddikjara għajnuna bħala li tkun kompatibbli mas-suq komuni, li l-ammont tagħha madankollu ma jikkorrispondix mat-talba mressqa mill-benefiċjarju tal-għajnuna lill-awtoritajiet nazzjonali, dan ma jistax jippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kontra d-deċiżjoni, favurih, tal-Kummissjoni. Il-perijodu li jgħaddi bejn l-ewwel deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-għajnuna inizjali u n-notifika tal-għajnuna kkontestata hija spjegata mill-fatt li l-appellanti ħasbet li għamlet użu mir-rimedji kollha disponibbli għaliha kontra l-ittra tal-Kummissjoni, li tirrifjuta li temenda l-ewwel deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni. Il-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet għaldaqstant innotifikat l-għajnuna kkontestata biss wara li twettaq il-proġett ta’ investiment, huwa biss dovut għall-kwistjoni inċidentali dwar il-klassifikazzjoni ta’ din l-ittra tal-Kummissjoni. Minn dan jirriżulta li l-argument, li l-proġett ta’ investiment issa laħaq tlesta, ma jistax ikun ta’ bażi għall-evalwazzjoni tal-bżonn.
Rigward il-kriterju tal-effett ta’ inċentiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza espressament ħalliet din il-kwistjoni miftuħa. Anki kieku, kuntrarjament għall-opinjoni tal-appellanti, il-bżonn u l-effett ta’ inċentiv huma kkunsidrati bħala żewġ kundizzjonijiet distinti ta’ awtorizzazzjoni, it-tnejn kemm huma jkunu f’dan il-każ sodisfatti.
It-tielet paragrafu tal-punt 4.2 tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali jipprovdi li l-kriterju tal-effett ta’ inċentiv huwa ssodisfatt billi t-talba għal għajnuna ġiet imressqa qabel il-bidu tal-eżekuzzjoni tal-proġett. Tista’ tkun determinanti f’dan ir-rigward — hekk kif espost iktar ’il fuq — biss it-talba għal għajnuna mressqa quddiem l-awtoritajiet nazzjonali. L-appellanti ressqet din it-talba qabel ma nbiet l-eżekuzzjoni u għalhekk issodisfat dan il-kriterju. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx dan inkunsiderazzjoni, b’hekk kisret mhux biss l-Artikolu 87 KE, iżda wkoll il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali.
Is-sentenza appellata tmur wkoll kontra l-qafas multisettorjali tal-għajnuna b’għan reġjonali favur proġetti kbar ta’ investiment u l-prinċipju tat-trattament ugwali, billi l-Qorti tal-Prim’Istanza approvat l-applikazzjoni inkoerenti tal-evalwazzjoni tas-suq mill-Kummissjoni. Fil-kuntest tal-proċeduri ta’ notifika rigward l-għajnuna inizjali, il-Kummissjoni tat x’tifhem li hija ffissat il-fattur “stat tal-kompetizzjoni” għas-suq ta’ prodotti inkwistjoni b’koeffiċjenti 0.75, sabiex imbagħad, tliet ġimgħat wara biss, f’deċiżjoni oħra tagħti evalwazzjoni differenti fuq l-istess suq inkwistjoni u tikkunsidra bħala xieraq, skont il-qafas multisettorjali, l-għajnuna b’għan reġjonali favur proġetti kbar ta’ investiment koeffiċjent ta’ 1.0. Minkejja li l-Kummissjoni tiddisponi minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni ekonomika ta’ sitwazzjoni ta’ fatt, dan il-marġni madankollu huwa limitat bil-fatt li s-swieq għal prodotti identiċi huwa identiċi, b’mod partikolari meta s-swieq tal-istess grupp ta’ prodotti huma evalwati fi żmien tliet ġimgħat.
Fl-aħħar nett, żball ieħor mwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza jikkonsisti fil-fatt li hija totalment injorat l-argument imressaq mill-appellanti, fejn skontha hija kienet obbligata li twettaq il-proġett ta’ investiment f’terminu ta’ 36 xahar minn meta ġiet imressqa t-talba. Jekk l-appellanti naqset minn dan l-obbligu hija kienet titlef il-benefiċċju tal-għajnuna kollu. Ma tistax isirilha kritika minħabba li hija kkonformat ma’ dan. Dan iwassal għall-ksur mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Artikolu 87 KE kif ukoll tal-prinċipju, li l-Kummissjoni għandha tikkonforma ruħha mar-regoli ta’ amministrazzjoni tal-għajnuna adottati u implementati minnha.
Full & Egal Universal Law Academy