4.7.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 153/19
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju) fis-6 ta’ April 2009 — Paul Fastrez, Henriette Fastrez vs Région wallonne
(Kawża C-130/09)
2009/C 153/37
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Conseil d’État
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Paul Fastrez, Henriette Fastrez
Konvenuta: Région wallonne
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 1.5 tad-Direttiva 85/337/KEE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (1) jista’ jiġi interpretat fis-sens li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu leġiżlazzjoni — bħad-digriet tar-Région wallonne tas-17 ta’ Lulju 2008 dwar ċerti permessi li għalihom hemm motivi imperattivi ta’ interess ġenerali — li sempliċement tistipula li “il-motivi imperattivi ta’ interess ġenerali huma sodisfatti” għall-għoti ta’ permess għal żvilupp, permessi ambjentali u permessi uniċi dwar l-atti u xogħlijiet li hija telenka, u li “tirratifika” permessi li għalihom huwa stipulat li “il-motivi imperattivi ta’ interess ġenerali huma sodisfatti”?
2)
a)
L-Artikoli 1, 5, 6, 7, 8 u 10 tad-Direttiva 85/337/KEE kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill Nru 97/11/KE (2) u d-Direttiva Nru 2003/35/KE (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprekludu sistema legali li fiha d-dritt li jitwettaq proġett suġġett għal stima tal-effetti jirriżulta minn att leġiżlattiv li kontrih mhemmx kawża miftuħa quddiem qorti jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit bil-liġi li jippermetti li tiġi kkontestata, fir-rigward tal-mertu u fir-rigward tal-proċedura adottata, id-deċiżjoni li tippermetti t-twettiq tal-proġett?
b)
L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, konkluża fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata mill-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (4), għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà li titressaq kawża quddiem qorti jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi sabiex tkunu tista’ tiġi kkontestata l-legalità, għal kull kwistjoni ta’ mertu jew ta’ proċedura li taqa’ taħt sistema materjali u kif ukoll taħt sistema proċedurali ta’ awtorizzazzjoni tal-proġetti suġġetti għal stima tal-effetti, ta’ deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6?
ċ)
Fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, konkluża fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata mill-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005, l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337/KEE, kif emendata bid-Direttiva 2003/35/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà li titressaq kawża quddiem qorti jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi sabiex tkun tista’ tiġi kkontestata l-legalità ta’ deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet għal kull kwistjoni ta’ mertu jew ta’ proċedura li taqa’ taħt sistema materjali u kif ukoll taħt sistema proċedurali ta’ awtorizzazzjoni tal-proġetti suġġetti għal stima tal-effetti?
(1) Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, p. 40).
(2) Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE tat-3 ta' Marzu 1997 li temenda d-Direttiva 85/337/KEE dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 73, p. 5).
(3) Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU L 156, p. 17).
(4) Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 124, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy