4.7.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 153/21
Rikors ippreżentat fis-6 ta’ April 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju tal-Belġju
(Kawża C-132/09)
2009/C 153/39
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: B. Eggers u J.-P. Keppenne, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju
Talbiet
—
tikkonstata li, billi rrifjuta r-responsabbiltà finanzjarja għall-ispejjeż ta’ tagħmir u materjal didattiku għall-Iskejjel Ewropej, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt il-Ftehim dwar is-Sede tal-1962, moqri flimkien mal-Artikolu 10 KE;
—
tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni tesponi ksur tal-Ftehim konkluż, f’Ottubru 1962, bejn il-Bord tal-Gvernaturi tal-Iskejjel Ewropej u r-Renju tal-Belġju, marbut mar-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jħallas l-ispejjeż ta’ tagħmir u materjal didattiku tal-Iskejjel Ewropej stabbiliti fit-territorju tiegħu.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-istatut tal-Iskejjel Ewropej, tal-21 ta’ Ġunju 1994 (1), jirriżulta li kull Stat Membru għandu jittratta l-Iskejjel Ewropej bħala stabbiliment edukattiv irregolat mid-dritt pubbliku nazzjonali tiegħu. Konsegwentement, l-Iskejjel Ewropej għandhom jiġu ffinanzjati mill-awtoritajiet pubbliċi Belġjani u għandhom jiġi ttrattati bl-istess mod bħall-iskejjel pubbliċi nazzjonali, kemm għal dak li jikkonċerna t-tagħmir inizjali, marbut mal-ftuħ jew mat-tkabbir ta’ Skola Ewropea, kif ukoll għal dak li jikkonċerna l-ispejjeż annwali ta’ manutenzjoni u ta’ tħaddim ta’ dawn l-iskejjel. It-trasferiment, fil-Belġju, tal-kompetenza fil-qasam tat-tagħlim, lill-komunitajiet reġjonali, ma jistax, f’dan ir-rigward, jiġġustifika rifjut li jiġu ffinanzjati l-ispejjeż annwali ta’ tħaddim tal-Iskejjel Ewropej mill-awtoritajiet Belġjani, peress li minn ġurisprudenza stabblita jirriżulta li Stat Membru ma jistax jevita l-obbligi li huwa jkun assuma billi jiddelega l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza lil entitajiet pubbliċi infrastatali.
Bħala risposta għall-oġġezzjonijiet imqajma mill-awtoritajiet Belġjani, il-Kummissjoni tirrileva, fit-tieni lok, li l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Bord tal-Gvernaturi, miżmuma f’Karlsruhe f’Mejju 1967, b’ebda mod ma jqiegħdu inkwistjoni l-obbligi ta’ finanzjament imposti fuq dan l-Istat bħala Stat fejn għandhom is-sede dawn l-iskejjel.
L-ewwel nett, il-Bord tal-Gvernaturi, f’Karlsruhe, abbozza biss linji gwida għal mudell standard ta’ ftehim mal-Istati Membri li huma s-sede tal-Iskejjel Ewropej u, f’kull każ, dan m’għandu ebda kompetenza, fid-dawl tal-ġerarkija tar-regoli, sabiex jemenda l-Ftehim dwar is-Sede tal-1962.
It-tieni nett, din id-“deċiżjoni” ta’ Karlsruhe b’ebda mod ma tista’ tiġi interpretata bħala “ftehim jew prattika ulterjuri tal-partijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fis-sens tal-Artikolu 31(3)(a) u (b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar id-dritt tat-Trattati, fir-rigward tal-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Ftehim dwar is-Sede, fin-nuqqas ta’ atti jew dikjarazzjonijiet kostanti suċċessivi li jqiegħdu inkwistjoni l-obbligu ta’ finanzjament previst mill-Ftehim dwar is-Sede. Diversi dokumenti u finanzjamenti mwettqa mill-Belġju wara l-1967 jikkonstataw, barra minn hekk, dan l-obbligu ta’ ħlas tal-ispejjeż ta’ tagħmir u ta’ materjal didattiku għall-Iskejjel Ewropej.
(1) ĠU L 212, p.3
Full & Egal Universal Law Academy