18.7.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 167/3
Appell ippreżentat fl-24 ta’ April 2009 (faks: 22 ta’ April 2009) mir-Renju tal-Belġju mis-sentenza mogħtija fl-10 ta’ Frar 2009 mill-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) fil-Kawża T-388/03, Deutsche Post AG u DHL International vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża C-148/09 P)
2009/C 167/04
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Appellant: Ir-Renju tal-Belġju (rappreżentanti: C. Pochet u T. Materne, bħala aġenti)
Il-partijiet l-oħra fil-proċeduri: Deutsche Post AG, DHL International, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tal-appellant
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-10 ta’ Frar 2009, Kawża T-388/03, Deutsche Post AG u DHL International vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej;
—
tikkundanna lil Deutsche Post u lil DHL International għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellant jibbaża l-appell tiegħu għall-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Frar 2009 — li permezz tagħha ġiet annullata deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Lulju 2003, adottata fl-għeluq ta’ proċedura ta’ eżami preliminari prevista fl-Artikolu 88(3) KE, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fil-konfront ta’ pjan ta’ żieda fil-kapital ta’ La Poste, innotifikat fit-3 ta’ Diċembru 2002, u fil-konfront ta’ miżuri partikolari oħra tal-awtoritajiet Belġjani favur La Poste — fuq tliet aggravji li huma intiżi għall-annullament tas-sentenza appellata.
Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellant jargumenta li s-sentenza appellata ma għamlitx evalwazzjoni korretta tar-rekwiżiti proċedurali fil-kuntest tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat peress li kkwalifikat ċerti fatti fil-proċedura ta’ eżami u aspetti partikolari tal-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Lulju 2003 bħala indizji oġġettivi u konkordanti ta’ “diffikultajiet serji” li minħabba fihom kien meħtieġ li tinbeda proċedura ta’ investigazzjoni formali fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE.
Permezz tat-tieni aggravju, l-appellant isostni li s-sentenza appellata diġà tat deċiżjoni parzjali dwar il-fondatezza materjali tal-eżami mwettaq fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Lulju 2003 fir-rigward tal-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat u tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni peress li ħadet inkunsiderazzjoni, u laqgħet, ir-raba’ u s-seba’ motivi minkejja li dawn kien imisshom ġew iddikjarati inammissibbli sa fejn ir-rikorrenti ma kellhiex, skont kif tiddikjara l-istess sentenza, il-locus standi meħtieġ.
Permezz tat-tielet aggravju, l-appellant jargumenta li s-sentenza appellata kisret il-prinċipju taċ-ċertezza legali sa fejn din is-sentenza kkunsidrat li l-Kummissjoni, fl-eżami tagħha preċedenti għad-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2003, ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni ir-raba’ kriterju li jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003 fil-kawża Altmark, jiġifieri l-kriterju tat-tqabbil mal-ispejjeż ta’ impriża medja, immexxija b’mod tajjeb u b’riżorsi adegwati, minkejja li din is-sentenza ngħatat wara l-eżami tal-inkartament inkwistjoni (u ġurnata wara li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fil-konfront tal-pjan ta’ żieda fil-kapital ta’ La Poste) u minkejja li dan il-kriterju qatt ma kien tqajjem qabel, la fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti tal-Prim’Istanza u lanqas fil-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni.
Full & Egal Universal Law Academy