1.8.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 180/25
Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Mejju 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju tal-Olanda
(Kawża C-157/09)
2009/C 180/44
Lingwa tal-kawża: L-Olandiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: H. Støvlbæk u W. Roels, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tal-Olanda
Talbiet tar-rikorrenti
—
tiddikkjara li r-Renju tal-Olanda, billi awtorizza u żamm fis-seħħ l-Artikolu 6(1) tal-liġi tat-3 ta’ April 1999, li tirregola l-professjoni notarili, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 43 u 45 tiegħu;
—
tikkundanna lir-Renju tal-Olanda għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni takkuża lill-konvenut, l-ewwel nett, bil-fatt li r-rekwiżit tan-nazzjonalità għall-aċċess għall-eżerċizzju tal-professjoni notarili jikkostitwixxi ostakolu sproporzjonat għal-libertà ta’ stabbiliment, iggarantita mill-Artikolu 43 KE, ta’ nutara li jkunu ċittadini ta’ Stat Membru ieħor. Minkejja li huwa minnu li l-Artikolu 45 KE jipprevedi eżenzjoni mill-osservanza tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment, din tapplika biss għal attivitajiet fl-ambitu ta’ parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika. Il-Kummissjoni ssostni li l-funzjonijiet tan-nutara taħt il-liġi Olandiża jikkostitwixxu eżerċizzju tal-awtorità pubblika f’parti limitata biss, b’mod li din iċ-ċirkustanza, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita fir-rigward tal-Artikolu 45 KE, ma tistax tiġġustifika l-ostakolu maħluq.
Fit-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li sabiex jiġi żgurat livell ta’ kwalifika professjonali, li jwassal sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-konsumatur, fi kwalunkwe każ, ir-rekwiżit tan-nazzjonalità mhuwiex xieraq fid-dawl tal-Artikolu 43 KE. Fil-fatt jeżisti mod ieħor, li jaffettwa fi grad anqas il-moviment liberu, sabiex jiġi żgurat il-livell għoli ta’ kwalifika mitlub mis-settur notarili, jiġifieri l-possibbiltà għall-Istat Membru ospitanti li jeżiġi waħda mill-miżuri kumpensatorji imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/48/KEE (1).
(1) Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin
Full & Egal Universal Law Academy