1.8.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 180/28
Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Mejju 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Taljana
(Kawża C-164/09)
2009/C 180/48
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: C. Zadra u D. Recchia, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana
Talbiet
—
tikkonstata li, billi r-Regione Veneto adotta u japplika leġiżlazzjoni relattiva għall-awtorizzazzjoni ta’ derogi għas-sistema ta’ protezzjoni tal-għasafar selvaġġi li ma tosservax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 79/409/KEE (1), ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva 79/409;
—
tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni adottata mir-Regione Veneto mhijiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 79/409.
Il-Liġi Nru 13 tal-2005, fis-seħħ fil-mument tal-iskadenza tal-opinjoni motivata, ma tosservax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9 tad-Direttiva inkwantu:
—
tidentifika b’mod ġenerali u astratt, u mingħajr limitu ta’ żmien, l-ispeċi u l-kwantitajiet suġġetti għad-deroga;
—
id-deroga għal speċi speċifiki ta’ għasafar hija pprovduta mingħajr distinzjoni abbażi ta’ riferement ġenerali għall-każijiet kollha elenkati fl-Artikolu 9(a) sa (ċ) u mingħajr motivazzjoni xierqa rigward ir-raġunijiet konkreti;
—
ma tistabbilixxi la l-kundizzjoni relattiva għall-verifika ta’ nuqqas ta’ soluzzjonijiet sodisfaċenti oħra, u lanqas li l-miżuri ta’ deroga individwali għandhom obbligatorjament jippreċiżaw il-kundizzjonijiet ta’ riskju, iċ-ċirkustanzi ta’ post u l-persuni awtorizzati japplikaw id-derogi;
—
tippermetti d-determinazzjoni tal-kwantitajiet żgħar fin-nuqqas ta’ bażi xjentifika adegwata.
Il-Kummissjoni ssostni li l-atti adottati wara l-iskadenza tat-terminu previst mill-opinjoni motivata mhux biss ma jirrimedjawx id-difetti diġà identifikati, imma jirriproduċuhom sostanzjalment. B’mod partikolari, dawn jinkludu d-Digriet tal-President tal-Kunsill Reġjonali Nru 140 tal-20 ta’ Ġunju 2006, id-Digriet tal-President tal-Kunsill Reġjonali Nru 230 tat-18 ta’ Ottubru 2006, il-Liġi Reġjonali Nru 24 tas-16 ta’ Awwissu 2007, id-Digriet tal-President tal-Kunsill Reġjonali Nru 167 tal-4 ta’ Settembru 2007, kif ukoll il-Liġi Reġjonali Nru 14 tal-14 ta’ Awwissu 2008.
(1) Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta’ April dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 103, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy