15.8.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 193/8
Appell ippreżentat fl-1 ta’ Ġunju 2009 minn Kaul GmbH mis-sentenza mogħtija fil-25 ta’ Marzu 2009 mill-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) fil-Kawża T-402/07, Kaul GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) — Bayer
(Kawża C-193/09 P)
2009/C 193/08
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Kaul GmbH (rappreżentanti: R. Kunze, avukat u Solicitor, G. Würtenberger, avukat)
Appellat: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Bayer AG
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
—
tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-25 ta’ Marzu 2009, fil-Kawża T-402/07, Kaul GmbH vs UASI — Bayer (is-sentenza appellata), li biha hija ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tal-1 ta’ Awwissu 2007, li tikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li kienet ċaħdet l-oppożizzjoni kontra l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja Nru 000 195 370“ARCOL”;
—
tiffissa seduta wara t-tmiem tal-proċedura bil-miktub;
—
tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti ssostni li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 40/94 (1) u tikser, barra minn hekk, il-prinċipji fundamentali tad-dritt proċedurali. L-appell ippreżentat kontra s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta’ Marzu 2009 huwa fondat peress li:
—
il-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, u konsegwentement, kisret din id-dispożizzjoni meta tat s-sentenza appellata;
—
fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat u kisret l-Artikolu 61(2) u l-Artikolu 73 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 billi kkunsidrat li ksur tad-dritt ta’ smigħ ma kienx sinjifikattiv għall-eżitu tal-proċedura;
—
il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta kkonfermat l-evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell f’dak li jirrigwarda l-kriterju ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.
(1) Regolament tal Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja, ĠU L 11, p. 1
Full & Egal Universal Law Academy