15.8.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 193/8
Appell ippreżentat fl-1 ta' Ġunju 2009 minn Alcoa Trasformazioni Srl mis-sentenza mogħtija tal-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) fil-25 ta' Marzu 2009 fil-Kawża T-332/06, Alcoa Trasformazioni Srl vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża C-194/09 P)
2009/C 193/09
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Alcoa Trasformazioni Srl (rappreżentanti: M. Siragusa, T. Müller-Ibold, T. Graf, F. Salerno, avvocati)
Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) tal-25 ta’ Marzu 2009, fil-kawża T-332/06, Alcoa Trasformazioni Srl vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej,
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/C 214/03, innotifikata lir-Repubblika Taljana fid-19 ta’ Lulju 2006, sa fejn tirrigwarda t-tariffi tal-elettriku applikabbli għall-istabbilimenti tal-aluminju li huma ta’ proprjetà ta’ Alcoa Trasformazioni Srl.
Sussidjarjament,
—
tibgħat lura l-kawża lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex terġa tiddeċiedi skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja,
U f’kull każ,
—
tordna lill-Kummissjoni tħallas lilll-appellanti l-ispejjeż u l-infiq legali skont l-Artikolu 69 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
Aggravji u argumenti prinċipali
Fid-dawl tal-konstatazzjoni li saret mill-Kummissjoni li t-tariffi tal-elettriku applikabbli għall industriji b’enerġija intensiva fl-Italja ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, tqum il-kwistjoni ta’ liema livell ta’ investigazzjoni u raġunament għandha tapplika l-Kummissjoni f’dawn iċ-ċirkustanzi qabel ma tiftah proċeduri formali. Alcoa ssostni li f’sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni kienet preċedentement ikkonstatat li miżura ma tikkostitwixxix għajnuna, il-Kummissjoni ma tistax tiftah dawn il-proċeduri dment li qabel tkun wettqet investigazzjoni preliminari dettaljata sabiex tiġġustifika għaliex il-konstatazzjoni preċedenti ma tkunx għadha valida. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tagħti r-raġunijiet tagħha b’mod suffiċjentement ċar fid-deċiżjoni li tiftah proċeduri formali. Alcoa ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni setgħet tiftah proċeduri formali migħajr ma teżamina jekk l-analiżi oriġinali tad-deċiżjoni tal-1996 kinitx saret invalida. Il-konstatazzjoni li wettqet il-Kummissjoni fil-passat li l-miżura ma kinitx għajnuna mill-Istat tqajjem il-kwistjoni ta’ liema proċedura għandha tapplika fil-każ li l-Kummissjoni tiddeċiedi li tirrevedi l-kwistjoni u li tiftah proċeduri formali kontra l-miżura inkwistjoni. Isegwi kemm mir-regoli proċedurali applikabbli u l-prinċipji fundamentali ta’ ċertezza legali kif ukoll tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi li f’dawn iċ-ċirkustanzi għandha tapplika l-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna kurrenti. Qed jiġi sostnut li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni ġustament ibbażat ruħha fuq il-proċedura għal għajnuna ġdida meta investigat it-tariffi ta’ Alcoa.
Full & Egal Universal Law Academy