15.8.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 193/13
Appell ippreżentat fit-12 ta’ Ġunju 2009 minn Anheuser-Busch, Inc. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) fil-25 ta’ Marzu 2009 fil-Kawża T-191/07: Anheuser-Busch, Inc. vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) (UASI), Budějovický Budvar, národní podnik
(Kawża C-214/09 P)
2009/C 193/18
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Anheuser-Busch, Inc. (rappreżentanti: V. von Bomhard, Rechtsanwältin, B. Goebel, Rechtsanwalt)
Appellati: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Budějovický Budvar, národní podnik
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tal-25 ta’ Marzu 2009, fil-Kawża T-191/07 u
—
tordna li l-ispejjeż tal-proċeduri għandhom jiġu sostnuti mir-rikorrenti fl-ewwel istanza.
Aggravji u argumenti prinċipali
Anheuser-Busch tressaq tliet aggravji, li huma, l-ewwel nett, ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 41(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (1) inkonnessjoni mar-Regoli 16(1), (3) u 20(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 (2), tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (3) dwar it-trade mark tal-Komunità, it-tieni nett, ksur tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, u t-tielet nett, ksur tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009.
L-ewwel żewġ aggravji jikkonċernaw kwistjonijiet proċedurali. Anheuser-Busch issostni li dawn huma importanti hawnhekk. Huwa biss billi jieħu inkunsiderazzjoni r-reġistrazzjoni preċedenti IR 238 203 li l-Bord tal-Appell jista’ jiddeċiedi oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(a) tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn hija kienet tikkonċerna l-birer. Dan ifisser ukoll li l-argumenti magħmulin qabel matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni dwar jekk il-kelma “Budweiser” iddominatx it-trade marks figurattivi ta’ Budvar ġew injorati.
Il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta kkunsidrat li Budvar ma kellha ebda obbligu legali li tipproduċi provi tal-validità kontinwata (jiġifieri, tiġdid) tar-reġistrazzjoni IR 238 203. Dan l-obbligu jirriżulta mit-tielet sentenza tal-Artikolu 41(2) tar-Regolament Nru 207/2009 moqrija flimkien mar-Regoli 16(1), (3) u 20(2) tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni 1995, u n-notifika li saret mill-UASI fit-18 ta’ Jannar 2002, li tenniet l-istedina lil Budvar sabiex tissottometti “iktar fatti, provi u argumenti insostenn tal-oppożizzjoni tagħha”. L-obbligu kien li dawn il-provi jiġu prodotti fit-terminu stabbilit fin-notifika, jiġifieri s-26 ta’ Frar 2002. Madankollu, huma ma ġewx prodotti qabel il-21 ta’ Jannar 2004.
Għalhekk, il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kien japplikax għall-produzzjoni taċ-ċertifikat ta’ tiġdid, peress li ma kien ebda “terminu” għal din il-produzzjoni, kienet ukoll żbaljata, u rriżultat fi ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt kien hemm “terminu” u l-Bord tal-Appel kellu għall-inqas jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu taħt l-Artikolu 76(2) dwar jekk kienx ser jieħu l-provi inkunsiderazzjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza fehmet id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fis-sens li ċ-ċertifikat ta’ tiġdid ġie ppreżentat fi żmien validu. Għalhekk, il-ksur tal-Artikolu 76(2) kien jinsab fin-nuqqas ta’ użu ta’ diskrezzjoni mill-Bord tal-Appell u l-konferma ta’ tali nuqqas ta’ użu mill-Qorti tal-Prim’Istanza.
Il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset ukoll li tirrikonoxxi li l-provi ta’ użu prodotti minn Budvar insostenn tal-oppożizzjoni tagħha kienu insuffiċjenti u rreferiet, barra minn hekk, għal trade marks oħrajn għajr dik li fuqha kienu bbażati d-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, u b’hekk kisret l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009.
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU L 303, p. 1)
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy