15.8.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 193/14
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Markkinaoikeus (il-Finlandja) fil-15 ta’ Ġunju 2009 — Mehiläinen Oy, Suomen Terveystalo Oyj vs Oulun kaupunki
(Kawża C-215/09)
2009/C 193/19
Lingwa tal-kawża: Il-Finlandiż
Qorti tar-rinviju
Markkinaoikeus
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Mehiläinen Oy, Suomen Terveystalo Oyj
Konvenuta: Oulun kaupunki
Domandi preliminari
1)
Ftehim fejn awtorità kontraenti muniċipali tistipula, flimkien ma’ kumpannija privata indipendenti minnha, kuntratt għat-twaqqif ta’ kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata fejn il-kapital u l-poter deċiżjonali huma maqsuma b’mod ugwali u li permezz tagħha l-awtorità kontraenti muniċipali tintrabat, ladarba titwaqqaf din il-kumpannija, li tikseb is-servizzi ta’ saħħa u benesseri fuq il-post tax-xogħol sabiex jibbenefikaw minnhom l-impjegati tagħha, huwa suġġett għall-proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi billi grupp ta’ ftehim korrispondenti huma analizzati f’għoti ta’ kuntratti ta’ servizzi fis-sens tad-Direttiva 2004/18/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] jew dan jitlob li titwaqqaf impriża komuni u t-trasferiment tal-attivitajiet irregolati mil-gvern muniċipali, fejn f’dan il-każ id-direttiva ċċitata iktar ’il fuq u l-obbligu li timponi fir-rigward tal-kompetizzjoni ma jkunux applikabbli?
2)
Barra minn dan, għandu jiġi kkunsidrat bħala rilevanti f’din il-kawża l-fatt li
a)
fil-kwalità tagħha ta’ awtorità kontraenti muniċipali, il-belt ta’ Oulu ntrabtet li tikseb is-servizzi ċċitati ’il fuq bi ħlas matul perijodu tranżitorju ta’ erba’ snin, fejn meta jiskadi hija biħsiebha, b’mod konformi mad-deċiżjoni tagħha, li tagħmel sejħa ġdida għal offerti għall-provvista tas-servizzi ta’ saħħa fuq ix-xogħol li hija qed titlob?
b)
qabel il-ftehim inkwistjoni, id-dħul tal-gvern muniċipali, li kien strutturalment marbut mal-belt ta’ Oulu, kien jirriżulta prinċipalment mill-provvista ta’ servizzi oħra minn dawk tas-saħħa u tal-benesseri fuq ix-xogħol ipprovduti lill-ħaddiema tal-belt?
c)
l-impriża l-ġdida twaqqfet billi ġew ittrasferiti, bħala kontribut in specie, attivitajiet tal-gvern muniċipali, li jikkonsistu f’servizzi ta’ saħħa u benesseri fuq ix-xogħol ipprovduti fl-istess ħin lill-ħaddiema tal-belt u lill-klijenti privati?
(1) ĠU L 134, p. 114
Full & Egal Universal Law Academy