29.8.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 205/25
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Bolzano (L-Italja) fid-19 ta’ Ġunju 2009 — Proċeduri kriminali kontra Martha Nussbaumer
(Kawża C-224/09)
2009/C 205/42
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Qorti tar-rinviju
Tribunale di Bolzano.
Partijiet fil-kawża prinċipali
Martha Nussbaumer.
Domandi preliminari
1)
Il-liġi nazzjonali stabbilita skont id-Digriet Leġiżlattiv Nru 81, tad-9 ta’ April 2008, b’mod partikolari fir-rigward tar-regola introdotta fl-Artikolu 90(11), fil-parti fejn tistabbilixxi deroga għall-postijiet ta’ kostruzzjoni fejn huma preżenti iktar minn impriża waħda, mill-obbligu, min-naħa tal-klijent jew tal-persuna li tissorvelja l-proġett, milli jinħatar koordinatur għall-proġett skont il-paragrafu 3 tal-istess dispożizzjoni, f’każ ta’ xogħlijiet privati mhux suġġetti għal permess tal-bini, abbażi tal-evalwazzjoni tan-natura tax-xogħlijiet u tar-riskji partikolari kif elenkati mill-Anness II tad-direttiva, tikser ir-regola stabbilita mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/57/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1992 (1)?
2)
Il-liġi nazzjonali stabbilita mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 81, tad-9 ta’ April 2008, b’mod partikolari fir-rigward tar-regola introdotta fl-Artikolu 90(11), tikser ir-regola stabbilita mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/57/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1992 fir-rigward tal-obbligu tal-klijent jew tal-persuna li tissorvelja l-proġett li f’kull każ jinħatar koordinatur matul it-twettiq tax-xogħol fil-postijiet ta’ kostruzzjoni, indipendentement mit-tip ta’ xogħlijiet, u għalhekk anki fil-każ ta’ xogħlijiet privati li mhumiex suġġetti għal permess tal-bini, li jistgħu jkunu jinvolvu r-riskji elenkati fl-Anness II tad-direttiva?
3)
Id-dispożizzjoni stabbilita permezz tal-Artikolu 90(11) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 81, tad-9 ta’ April 2008, fil-parti fejn tipprevedi l-obbligu min-naħa tal-koordinatur tal-eżekuzzjoni li jfassal pjan ta’ sigurtà biss fil-każ fejn, f’każ ta’ xogħlijiet privati mhux suġġetti għal permess tal-bini, jintervjenu impriżi oħra minbarra l-ewwel impriża li ġiet inizjalment inkarigata mix-xogħlijiet, tikser l-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/57/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1992, li jimponi f’kull każ l-obbligu li jinħatar koordinatur tal-eżekuzzjoni skont it-tip ta’ xogħlijiet u li jeskludi d-deroga mill-obbligu li jiġi mfassal pjan tas-sigurtà u tas-saħħa kemm-il darba x-xogħlijiet ikunu tali li jinvolvu riskji partikolari bħal dawk elenkati fl-Anness II tad-direttiva?
(1) ĠU L 245, p. 6
Full & Egal Universal Law Academy