12.9.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 220/18
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Ġunju 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs L-Irlanda
(Kawża C-226/09)
2009/C 220/33
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentant: M. Konstantinidis, A.-A. Gilly, aġenti)
Konvenuta: L-Irlanda
Talbiet tal-parti rikorrenti
—
tiddikjara li, billi attribwixxiet piż lill-kriterji għall-għoti ta’ kuntratt wara d-data tal-egħluq għas-sottomissjoni tal-offerti, u billi emendathom wara r-reviżjoni inizjali tal-offerti mitfugħa, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.
—
tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Fil-każ tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, l-awtorità kontraenti ppubblikat kundizzjonijiet u termini fejn kien raġonevoli li jitqies li l-kriterji għall-għoti tal-kuntratt kienu ser jiġu applikati f’ordni ta’ importanza dixxendenti. Wara d-data tal-egħluq tal-offerti mitfugħa, hija ddeċidiet li tattribwixxi piż relattiv lill-kriterji għall-għoti ta’ kuntratt. Wara reviżjoni inizjali tal-offerti mitfugħa, il-grupp ta’ evalwazzjoni tal-awtorità kontraenti ddiskuta l-possibbiltà li jiġi varjat dan il-piż, u eventwalment li jiġi emendat.
Il-piż relattiv mogħti lill-kriterji għall-għoti tal-kuntratt wara s-sottomissjoni tal-offerti u r-reviżjoni inizjali biddel l-enfasi fost il-kriterji għall-għoti ta’ kuntratt u alloka importanza relattiva materjalment differenti minn dik li offerent kien raġonevolment mistenni li jifhem mid-dokumenti tal-kuntratt.
Peress li l-proċedura għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni hija għall-provvista ta’ servizzi li mhumiex elenkati fl-Anness II A tad-Direttiva 2004/18/KE (1), ir-regoli proċedurali ddettaljati ta’ dik id-direttiva ma japplikawx. Għaldaqstant, anki l-Artikolu 40 tad-direttiva, li jistabbilixxi li l-awtoritajiet kontraenti għandhom jispeċifikaw fis-sejħa tal-offerti, tal-anqas, il-piż relattiv ta’ kriterji għall-għoti tal-kuntratt, jew l-ordni dixxendenti ta’ importanza tagħhom, ma japplikax. Madankollu, abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, l-awtorità kontraenti hija marbuta li tosserva l-prinċipji fundamentali tat-Trattat, inklużi l-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza.
Il-Kummissjoni ssostni li billi emendat il-kriterji għall-għoti ta’ kuntratt waqt il-proċedura għall-għoti, l-awtorità kontraenti, li kellha l-obbligu li tosserva r-regoli u l-prinċipji fundamentali tat-Trattat KE, kisret il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.
(1) Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi
ĠU L 134, p. 114
Full & Egal Universal Law Academy