26.9.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 233/4
Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Lulju 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
(Kawża C-244/09)
2009/C 233/07
Lingwa tal-kawża: Il-Germaniż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: R. Lyal und W. Mölls, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
Talbiet
—
tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE billi llimitat id-deprezzament digressiv minħabba l-użu, taħt l-Artikolu 7(5) tal-Einkommensteuergesetz (Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul), għall-proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju nazzjonali.
—
tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz) li jipprovdu li, għall-finijiet tat-trattament fiskali ta’ proprjetà immobbli, l-hekk imsejjaħ deprezzament digressiv minħabba użu, jiġifieri l-applikazzjoni ta’ rati ta’ deprezzament ogħla minn rati lineari matul fażi inizjali ta’ perijodu ta’ deprezzament, japplika biss għall-proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju nazzjonali.
Dan it-trattament disrkiminatorju bejn proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju nazzjonali u dik li ma tinsabx fit-territorju nazzjonali jikser il-moviment liberu tal-kapital iggarantit fl-Artikolu 56 KE. Skont ġurisprudenza stabbilita, dan l-artikolu jipprojbixxi kull miżura li tqiegħed fi żvantaġġ moviment ta’ kapital transkonfinali meta mqabbel ma’ moviment ta’ kapital purament nazzjonali u għalhekk tiskoraġġixxi lil residenti milli jwettqu tranżazzjonijiet li jinvolu moviment ta’ kapital transkonfinali.
Minħabba l-leġiżlazzjoni inkwistjoni, il-pożizzjoni ta’ likwidità tal-investituri suġġetti għat-taxxa tkun iktar sfavorevoli fil-każ ta’ proprjetà immobbli li ma tkunx tinsab fit-territorju nazzjonali milli fil-każ ta’ proprjetà immobbli li tkun tinsab fit-territorju nazzjonali. Dan iwassal sabiex investimenti fi proprjetà immobbli li ma tkunx tinsab fit-territorju nazzjonali ma jkunux attraenti meta mqabbla ma’ investimenti fi proprjetà immobbli li tkun tinsab fit-territorju nazzjonali u għalhekk l-investituri jkunu skoraġġuti milli jibnu jew jakkwistaw proprjetà immobbli fi Stati Membri oħra. Skont il-ġurisprudenza, il-vantaġġ fil-pożizzjoni ta’ likwidità li jirriżulta minn investiment fi proprjetà immobbli li tkun tinsab fit-territorju nazzjonali jammonta għal vantaġġ fiskali li jista’ jitqies permissibbli sa fejn jittratta b’mod paragunabbli sitwazzjonijiet purament nazzjonali u sitwazzjoni transkonfinali.
Għalkemm l-effett tal-leġiżlazzjoni diskriminatorja inkwistjoni huwa limitat għal proprjetà immobbli li fir-rigward tagħha l-applikazzjoni għall-bini jew il-kuntratt ta’ xiri saru qabel l-1 ta’ Jannar 2006, dan ma jeliminax ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital peress li d-deprezzament digressiv minħabba l-użu jammonta għal sitwazzjoni permanenti.
Skont il-Gvern Federali, din ir-restrizzjoni hija ġustifikata abbażi ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku sa fejn il-leġiżlazzjoni inkwistjoni għandha l-għan li tippromwovi l-kostruzzjoni ta’ proprjetà għall-kiri fil-Ġermanja.
F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-promozzjoni tal-ekonomija nazzjonali ma tammontax għal għan li jista’ jiġġustifika restrizzjoni tal-libertajiet fundamentali. Anki jekk l-għan li tiġi promossa l-kostruzzjoni ta’ proprjetà għall-kiri jitqies bħala għan li mhuwiex ekonomiku, il-limitazzjoni stretta tad-deprezzament digressiv għall-proprjetà immobbli li tkun tinsab fit-territorju nazzjonali la hija neċessarja u lanqas proporzjonata. Il-promozzjoni tal-kostruzzjoni ta’ proprjetà għall-kiri fil-Ġermanja ma tkunx affettwata jekk id-deprezzament digressiv jingħata wkoll fir-rigward ta’ proprjetà immobbli li tkun tinsab fi Stati Membri oħra.
Għalhekk, il-Gvern Federali ma ressaq ebda raġuni li tista’ tiġġustifika r-restrizzjoni msemmija għall-moviment liberu tal-kapital.
Full & Egal Universal Law Academy