12.9.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 220/25
Appell ippreżentat fl-14 ta’ Lulju 2009 minn Edwin Co. Ltd mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla), tal-14 ta’ Mejju, fil-Kawża T-165/06, Elio Fiorucci vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-263/09)
2009/C 220/51
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Appellanti: Edwin Co. Ltd (rappreżentanti: D. Rigatti, M. Bertani, S. Verea, K.P. Muraro, M. Balestriero, avukati)
Parti l-oħra fil-kawża: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) u Elio Fiorucci
Talbiet
L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza appellata;
—
tikkundanna lil Elio Fiorucci jħallasha lura l-ispejjeż taż-żewġ istanzi jew, fil-każ ta’ ċaħda tal-appell, tordna li tiġi kkumpensata.
Aggravji u argumenti prinċipali
1.
Is-sentenza appellata hija qabel kollox ivvizzjata bi ksur jew applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 52(2)(a) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (1). L-impediment relattiv li abbażi ta’ din id-dispożizzjoni jwassal għall-invalidità tar-reġistrazzjoni tat-trade mark komposta minn isem ta’ persuna li mhux dak ta’ min qed jitlob ir-reġistrazzjoni jikkonsisti fil-fatt li min qed jitlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità għandu, taħt id-dritt nazzjonali, dritt ta’ użu esklużiv ta’ dan l-isem. Skond l-Artikolu 8.3 tas-CPI (2), invokat ex adverso, E. Fiorucci m’għandu l-ebda dritt b’dan il-kontenut. Kieku stess l-Artikolu 8.3 tas-CPI jagħtih biss dritt ta’ reġistrazzjoni tas-sinjal “Elio Fiorucci”, li huwa ma jkun jista’ qatt juża, għaliex it-trade mark irreġistrata b’dan il-mod tmur kontra dawk ta’ Edwin fuq il-kelma “Fiorucci”. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat invalida t-trade mark “Elio Fiorucci” ta’ Edwin abbażi ta’ impediment ineżistenti u li qatt ma jista’ jkun jeżisti. Din tant tinvolvi ksur jew applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 52(5)(a) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja li jekk dan jiġi korrettament interpretat dan ikun jista’ jiġi applikat biss meta min qed jitlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità huwa diġà proprjetarju ta’ (jew tal-inqas, għandu l-possibbiltà li jikseb) dritt ta’ użu esklużiv tal-isem tiegħu bħala trade mark.
2.
Is-sentenza appellata hija wkoll ivvizzjata bi ksur jew applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 8.3 tas-CPI. B’kuntrast ma’ dak li kkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza, din id-dispożizzjoni hija fil-fatt applikata biss għall-ismijiet ta’ persuni li kisbu reputazzjoni f’kuntest extrakummerċjali: u għalhekk ma tapplikax għall-isem personali “Elio Fiorucci”, li abbażi ta’ aċċertament fattwali inkontestabbli kiseb oriġinarjament reputazzjoni fil-kuntest kummerċjali.
Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8.3 tas-CPI hija ssuġġerita qabel xejn mill-formulazzjoni letterali tad-dispożizzjoni hawn iċċitata, li tiddikjara espressament li trid tirriżerva l-protezzjoni hawn prevista għall-ismijiet biss ta’ persuni li saru famużi “fil-kamp artistiku, letterarju, xjentifiku, politiku jew sportiv”. Din il-konklużjoni hija sussegwentement ikkonfermata minn analiżi sistematika tad-dritt Taljan dwar it-trade marks, li minnu jirriżulta li r-reputazzjoni li oriġinat minn kuntest kummerċjali hija protetta mill-Artikolu 12(1)(b) u (f) tas-CPI, filwaqt li l-Artikolu 8.3 tas-CPI jirrigwarda biss ir-reputazzjoni li toħroġ oriġinarjament minn kuntest extrakummerċjali. Lanqas mhija possibbli l-applikazzjoni fl-istess ħin ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għal dan is-sinjal, peress li dan ikun jirriżulta f’żewġ drittijiet esklużivi għal trade mark li huma inkompatibbli bejniethom. Billi rreġistra kunjomu bħala trade mark (li wara ġiet ittrasferita lil Edwin), Elio Fiorucci eżawrixxa b’hekk l-istrumenti kollha sabiex jivvalorixxa r-reputazzjoni tiegħu għal finijiet kummerċjali. Għaldaqstant, huwa ma jistax jinvoka l-Artikolu 8.3 tas-CPI sabiex isostni l-invalidità tat-trade mark “Elio Fiorucci” ta’ Edwin.
Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8.3 tas-CPI proposta minn Edwin u l-konsegwenti nuqqas ta’ applikabbiltà għal din il-kontroversja huma konsistenti mar-ratio ta’ din id-dispożizzjoni, li trid timpedixxi t-tgawdija parassitarja ta’ min jirreġistra sinjal li kiseb reputazzjoni permezz tal-mertu ta’ ħaddieħor. Ebda komportament parassitarju mhuwa fil-fatt imputabbli lil Edwin, peress li meta kisbet it-trade marks “Fiorucci” għal ċifra sostanzjali, ir-rikorrenti ħalset prezz għoli għad-dritt li tibbenefika mir-reputazzjoni marbuta mal-isem tal-istilist famuż Milaniż.
L-argument tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-protezzjoni prevista mill-Artikolu 8.3 tas-CPI hija iktar wiesa’ u mhux suġġetta għal dik prevista biex tipproteġi r-reputazzjoni miksuba mis-sinjali distintivi fil-kuntest kummerċjali lanqas mhuwa konvinċenti. Fil-fatt skont l-aħjar duttrina Taljana r-riżerva ta’ reġistrazzjoni tas-sinjali li għandhom reputazzjoni extrakummerċjali ex l-Artikolu 8.3 tas-CPI mhijiex assoluta. Iżda b’mod partikolari din mhijiex iktar estiża minn dik prevista mill-Artikolu 12(1)(b) u (f) tas-CPI għas-sinjali li għandhom reputazzjoni kummerċjali/huma kummerċjalment famużi. Il-koinċidenza bejn il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tikkonferma għal darb’oħra l-ħtieġa ta’ applikazzjoni alternattiva tagħhom.
B’kuntrast ma’ dak superfiċjalment ritenut mill-Qorti tal-Prim’Istanza, analiżi attenta u ddettaljata tad-duttrina Taljana dwar l-Artikolu 8.3 tas-CPI [li qabel kien l-Artikolu 21(3)(1)(m)] turi sussegwentement li skont l-opinjoni dominanti din id-dispożizzjoni tapplika għat-trade marks biss li kisbu reputazzjoni fil-kuntest extrakummerċjali. Dan il-fatt huwa kkonfermat mill-ftit sentenzi deċiżi s’issa mill-qrati Taljani dwar l-Artikolu 8.3 tas-CPI.
Min-naħa l-oħra lanqas mhuwa konvinċenti l-argument tal-Qorti tal-Prim’Istanza li billi kiseb ukoll reputazzjoni extrakummerċjali (u preċiżament: fil-kamp artistiku, kulturali, ekoloġiku u tal-protezzjoni tat-tfal) Elio Fiorucci jista’ jibbenefika xorta waħda mill-protezzjoni ex Artikolu 8.3 tas-CPI. Kieku stess skont l-aħjar duttrina Taljana meta isem personali diġà rreġistrat minn oħrajn u li sar famuż jikseb reputazzjoni extrakummerċjali, il-proprjetarju tiegħu (f’dan il-każ, Elio Fiorucci) ma jistax jibbenefika mill-Artikolu 8.3 tas-CPI, inkwantu jipprevali r-rekwiżit li jiġi protett il-proprjetarju (f’dan il-każ: Edwin) tat-trade mark famuża (f’dan il-każ: is-sinjal “Fiorucci”) preċedentement irreġistrata.
3.
Is-sentenza appellata hija wkoll illegali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset li teżamina l-argumenti u l-provi li abbażi tagħhom Edwin sostniet li kisbet mingħand Elio Fiorucci l-kunsens sabiex tirreġistra l-isem personali tiegħu bħala trade mark. Sussidjarjament, Edwin tinnota li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija u l-Qorti tal-Prim’Istanza m’għandhomx ġurisdizzjoni biex jeżaminaw l-argumenti issa mfakkra hija għandha titlob espressament l-eżami tagħhom (kif għall-kuntrarju m’għamlitx il-Qorti tal-Prim’Istanza) lill-Bord tal-Appell (jew lil uffiċċju jew sezzjoni oħra tal-UASI), skont l-Artikolu 63(6) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja u l-Artikolu 1(e) tar-Regolament KE Nru 216/96 (3).
4.
Is-sentenza appellata hija min-naħa l-oħra illegali minħabba ksur jew applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu Artikolu 63 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, u kif ukoll minħabba ċaħda tal-ġustizzja, inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljatament irrifjutat li teżamina l-argumenti ta’ Edwin ibbażati fuq il-fatt li l-istess rikorrenti kisbet mingħand il-kumpannija Fiorucci s.p.a. trade mark de facto fuq (jew inkella kwalunkwe dritt ieħor li jipprova r-reputazzjoni ta’) l-isem personali “Elio Fiorucci”. Sussidjarjament Edwin tinnota li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija u l-Qorti tal-Prim’Istanza m’għandhomx ġurisdizzjoni biex jeżaminaw l-argumenti issa mfakkra hija għandha titlob espressament l-eżami tagħhom (kif għall-kuntrarju m’għamlitx il-Qorti tal-Prim’Istanza) lill-Bord tal-Appell (jew lil uffiċċju jew sezzjoni oħra tal-UASI), skont l-Artikolu 63(6) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja u l-Artikolu 1(e) tar-Regolament KE Nru 216/96.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-Trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p.1).
(2) Codice della Proprietà industriale Italiano.
(3) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 219/96, tal-5 ta’ Frar 1996, li jistipula r-regoli tal-proċedura tal-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (Trade Marks u Disinji) (ĠU L 28, p. 11)
Full & Egal Universal Law Academy