12.9.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 220/28
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Plovdiski Raïonen Sed (il-Bulgarija) fis-6 ta’ Lulju 2009 — Vasil Ivanov Georgiev vs Tehnicheski universitet — Sofia, filial Plovdiv
(Kawża C-268/09)
2009/C 220/53
Lingwa tal-kawża: Il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Plovdiski Raïonen Sed (il-Bulgarija).
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Vasil Ivanov Georgiev.
Konvenuta: Tehnicheski universitet — Sofia, filial Plovdiv.
Domandi preliminari
1)
Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (1), jostakolaw l-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali li ma tawtorizzax il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal perijodu indefinit minn professuri li jkunu għalqu l-65 sena? F’dan ir-rigward, u b’mod iktar partikolari fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 7(1)(6) tal-Liġi dwar il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni, li tipprovdi limiti ta’ età għal ċerti karigi, hija miżura ġġustifikata b’mod oġġettiv u raġonevoli minn għan leġittimu u hija proporzjonata, meta jitqies li d-direttiva hija kompletament trasposta fil-leġiżlazzjoni Bulgara?
2)
Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, jostakolaw l-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali li tipprovdi għall-irtirar obbligatorju ta’ professuri li jkunu għalqu t-68 sena? Fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, u meta titqies l-inkompatibbiltà li teżisti bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78/KE u l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti li biha ġiet trasposta d-direttiva, huwa possibbli li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju twassal sabiex il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tiġix applikata?
3)
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi l-għeluq ta’ età speċifika bħala l-unika kundizzjoni sabiex tintemm ir-relazzjoni ta’ xogħol għal perijodu indefinit u sabiex din ir-relazzjoni tkun tista’ titkompla bħala waħda għal perijodu definit bejn l-istess ħaddiem u l-istess persuna li timpjega, għall-istess kariga? Sa fejn, wara li l-kuntratt għal perijodu indefinit jiġi mibdul għal kuntratt għal perijodu definit, il-liġi nazzjonali tistabbilixxi limitu massimu għall-kontinwazzjoni u numru massimu ta’ prorogi tar-relazzjoni ta’ xogħol għal perijodu definit mal-istess ħaddiem, meta ma jibqax iktar possibbli li r-relazzjoni ta’ xogħol titkompla bejn il-partijiet?
(1) ĠU L 303, 02.12.2000, p. 16.
Full & Egal Universal Law Academy