12.9.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 220/28
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Lulju 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju ta’ Spanja
(Kawża C-269/09)
2009/C 220/54
Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: R. Lyal u F. Jimeno Fernández, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja
Talbiet tar-rikorrenti
—
Tiddikjara li billi adotta u żamm fis-seħħ, bl-Artikolu 14 tal-Liġi 35/2006, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi u li temenda parzjalment il-liġijiet tat-taxxa fuq il-kumpanniji, fuq id-dħul tal-persuni mhux residenti u fuq il-patrimonju, dispożizzjoni li tipprovdi li l-persuni taxxabbli li jitrasferixxu r-residenza tagħhom lejn pajjiż barrani huma obbligati li jinkludu kull dħul li ma jkunx ġie meħud inkunsiderazzjoni fil-bażi taxxabbli tal-aħħar sena fiskali li matulha huma kienu kkunsidrati persuni taxxabbli residenti, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 19, 38 u 43 KE u taħt l-Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim ŻEE.
—
Tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
1.
Skont l-Artikolu 14 tal-Liġi Spanjola dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi u li temenda parzjalment il-liġijiet tat-taxxa fuq il-kumpanniji, fuq id-dħul tal-persuni mhux residenti u fuq il-patrimonju, id-dħul huwa suġġett għat-taxxa tas-sena ta’ meta nkiseb. Madankollu, l-Artikolu 14(2) jipprovdi regoli speċjali li jagħmluha possibbli li ċertu tipi ta’ dħul jiġu intaxxati matul perijodi taxxabbli differenti. Madankollu, fil-każ fejn il-persuna taxxabbli titrasferixxi r-residenza tagħha lejn pajjiż barrani, l-Artikolu 14(3) jipprovdi li kull dħul li jkun għadu ma ġiex intaxxat għandu jiġi inkluż fil-bażi taxxabbli tal-aħħar sena fiskali li matula l-imsemmija persuna taxxabbli kien ikkunsidrat residenti.
2.
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-leġiżlazjoni Spanjola tippermetti trattament diskriminatorju fil-każijiet fejn persuna fiżika titrasferixxi r-residenza tagħha barra minn Spanja u li l-leġiżlazzjoni Spanjola għandha taplika l-imsemmija regola indipendentement minn jekk il-persuna fiżika żżomx jew le r-residenza tagħha fit-territorju Spanjol.
3.
L-imsemmija leġiżlazzjoni tikser il-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni previst bl-Artikoli 18, 39 u 43 tat-Trattat KE u l-Artikoli 28 u 31 tal-Ftehim ŻEE.
Full & Egal Universal Law Academy