26.9.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 233/8
Rikors ippreżentat fis-16 ta' Lulju 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika tal-Polonja
(Kawża C-271/09)
2009/C 233/12
Lingwa tal-kawża: Il-Pollakk
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: E. Montaguti u K. Herrmann)
Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja
Talbiet
Il-Kummissjoni titlob li,
—
jiġi ddikjarat li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE, billi żammet fis-seħħ l-Artikolu 143, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 136, u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 136a tal-Liġi tat-28 ta’ Awwissu 1997 dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-fondi ta’ pensjoni (ustawa o organizacji i funkcjonowaniu funduszy emerytalnych) li jillimitaw l-investiment barrani tal-fondi miftuħa [open-ended funds] ta’ pensjoni Pollakki;
—
ir-Repubblika tal-Polonja tiġi kkundannata għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Artikolu 143 tal-Liġi tat-28 ta’ Awwissu 1997 dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-fondi ta’ pensjoni (iktar ’il quddiem: il-Liġi tal-Fondi ta’ Pensjoni) jirrestrinġi l-valur tal-investimenti barra mir-Repubblika tal-Polonja li, taħt it-tieni parti ta’ din id-dispożizzjoni, il-fondi miftuħa [open-ended funds] tal-pensjoni (otwarte fundusze emerytalne, OFE, iktar ’il quddiem l-FMP) jistgħu jagħmlu, għal biss 5 % tal-valur tal-assi tal-FMP rispettivi. Barra minn dan, il-lista tat-tipi ta’ investiment barrani fl-Artikolu 143(1) tal-Liġi tal-Fondi ta’ Pensjoni ma tinkludix is-serje ta’ kategoriji ta’ investiment barrani previsti għal investimenti tal-FMP fir-Repubblika tal-Polonja.
Skont l-Artikolu 136(3) tal-Liġi tal-Fondi ta’ Pensjoni, il-valur tal-investimenti f’ishma, maħruġa minn fond komuni ta’ investiment stabbilit barra mill-pajjiż skont l-Artikolu 143(1) ta’ dan l-Att, mhuwiex meħud inkunsiderazzjoni sabiex jiġu stabbiliti l-assi netti tal-FMP. Min-naħa l-oħra, l-ispejjeż amministrattivi tal-FMP huma kkalkolati fuq il-bażi tal-valur tal-assi netti tal-FPM. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital skont l-Artikolu 56 KE, għaliex tiddiswadi lill-FMP mill-investiment tal-assi f‚ fondi barranin ta’ investiment.
L-Artikolu 136a(2) tal-Att tal-Fondi ta’ Pensjoni jipprovdi li l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet magħmula fir-rigward ta’ entitajiet ta’ ħlas [settlement entities] barranin jistgħu jkunu koperti mill-assi tal-FMP biss sal-ammont tal-ispejjeż korrispondenti tal-entitajiet domestiċi ta’ ħlas. Din id-dispożizzjoni tista’ tiddiswadi lill-FMP milli jagħmel investiment barrani għaliex mhuwiex possibbli li jiġi kopert l-ammont kollu tal-ispejjeż tat-tranżazzjoni mill-assi tal-FMP, kif huwa l-każ għall-investiment domestiku.
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Artikolu 56 KE japplika fir-rigward tal-attivitajiet ta’ investiment tal-FMP li huma parti mis-sistema Pollakka ta’ pensjoni bbażata fuq il-kapitalizzazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-membri tal-FMP. Ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital inkwistjoni ma jistgħu jiġu ġġustifikati la permezz ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ superviżjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 58 KE, u lanqas għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku. Restizzjonijiet skont it-tip u l-kwantità mhumiex fil-fatt miżuri xierqa li jippermettu li tiġi ggarantita b’mod effettiv l-istabbiltà finanzjarja tal-kontribuzzjonijiet miġbura mill-FMP mingħand il-membri tagħhom. F’kull każ, il-miżuri kollha inkwistjoni huma sproporzjonati.
Full & Egal Universal Law Academy