26.9.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 233/8
Appell ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2009 mill-Caisse fédérale du Crédit mutuel Centre Est Europe (CFCMCEE) mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) mogħtija fl-20 ta’ Mejju 2009 fil-Kawżi magħquda T-405/07 u T-406/07, CFCMCEE vs UASI
(Kawża C-282/09 P)
2009/C 233/13
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Caisse fédérale du Crédit mutuel Centre Est Europe (CFCMCEE) (rappreżentanti: P. Greffe u L. Paudrat, avukati)
Appellat: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinni)
Talbiet tal-appellanti
Tannulla s-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2009 tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej sa fejn din ċaħdet parzjalment ir-rikors tal-appellanti u kkonfermat id-deċiżjonijiet mogħtija mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern fl-10 ta’ Lulju 2007 (Każ R 119/2007-1) u fit-12 ta’ Settembru 2007 (Każ R 120/2007-1), sa fejn dawn ċaħdu l-applikazzjonijiet għat-trade marks Komunitarji PAYWEB CARD Nru 003861051 u P@YWEB CARD Nru 003861044 fir-rigward tal-prodotti u servizzi li ġejjin:
—
“kards tal-memorja jew b’mikroproċessur, kards manjetiċi, kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ identifikazzjoni, kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ ħlas, ta’ kreditu jew ta’ debitu, mekkaniżmi għall-ħlas bil-quddiem għal apparati tat-televiżjoni” fil-klassi 9,
—
“affarijiet dwar proprjetà immobbli, assigurazzjoni kontra l-inċidenti, aġenziji ta’ rkupru ta’ dejn, analiżi finanzjarja, assigurazzjoni, evalwazzjoni (stima) tal-proprjetà immobbli, ħruġ ta’ titoli ta’ valur, fond tas-sigurtà soċjali, operazzjonijiet ta’ kambju, verifika ta’ ċekkijiet, ħruġ ta’ ċekkijiet tal-ivvjaġġar, konsultazzjoni fil-qasam finanzjarju, senserija f’assigurazzjonijiet, senserija fi proprjetà immobbli, senserija fil-Borża, depożitu ta’ oġġetti ta’ valur, depożiti f’kaxxaforti, stimi u evalwazzjonijiet finanzjarji (assigurazzjoni, banek, proprjetà immobbli), informazzjoni finanzjarja (assigurazzjoni, banek, proprjetà immobbli), amministrazzjoni ta’ patrimonji, informazzjoni finanzjarja, irkupru ta’ kirjiet, assigurazzjoni tal-mard, assigurazzjoni marittima, assigurazzjoni fuq il-ħajja, servizzi ta’ informazzjoni finanzjarji online, servizzi ta’ informazzjoni finanzjarji interattivi informatiċi” fil-klassi 36,
—
“komunikazzjonijiet permezz ta’ terminals tal-kompjuters, trażmissjoni ta’ messaġġi, spedizzjoni ta’ messaġġi, informazzjoni dwar telekomunikazzjonijiet, sistema elettronika ta’ messaġġi, trażmissjoni ta’ messaġġi, trażmissjoni ta’ messaġġi u ta’ stampi bl-għajnuna ta’ kompjuter, trażmissjoni bis-satellita” fil-klassi 38.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka essenzjalment żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha.
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha — u, b’hekk, kisret l-Artikoli 253 KE u 73 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (1) — billi ma ċċensuratx id-deċiżjonijiet ikkuntestati tal-UASI minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, f’dawn id-deċiżjonijiet tal-aħħar, il-Bord tal-Appell tal-UASI kien wettaq evalwazzjoni ġenerali tal-karattru distintiv tas-sinjali verbali PAYWEB CARD u P@YWEB CARD fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi previsti, mingħajr ma mmotiva d-deċiżjoni tiegħu fir-rigward ta’ kull wieħed minnhom. Issa, motivazzjoni ġenerali hija biss possibbli jekk il-prodotti u s-servizzi jippreżentaw bejniethom rabta suffiċjentement diretta u konkreta, sal-punt li jifformaw kategorija jew grupp suffiċjentement omoġenu, li jidher li mhuwiex il-każ, fil-każ ineżami, peress li l-prodotti u s-servizzi previsti fit-talba għal reġistrazzjoni jissodisfaw funzjonijiet differenti.
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tikkonstesta l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanża li skontha hemm ċerta sovrapożizzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tar-raġunijiet assoluti għal rifjut stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tar-Regolament Nru 40/94. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull waħda mir-raġunijiet għal rifjut elenkati fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament hija fil-fatt indipendenti mill-oħrajn u teħtieġ eżami separat. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet b’hekk wettqet żball fl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b), fir-rigward tal-prodotti fil-klassi 9, billi ma wettqitx eżami individwali reali tar-raġuni għal rifjut prevista minn din id-dispożizzjoni.
(1) ĠU 1994, L 11, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy