24.10.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 256/9
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-First Tier Tribunal (Tax Chamber)(L-Ingilterra) fl-24 ta’ Lulju 2009 — Pace plc vs The Commissioners for Her Majesty's Revenue & Customs
(Kawża C-289/09)
2009/C 256/17
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Qorti tar-rinviju
First-tier Tribunal (Tax Chamber)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Pace plc
Konvenuta: The Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs
Domandi preliminari
(1)
Kaxxa ta’ fuq is-sett (set-top box) b’funzjoni ta’ komunikazzjoni (“STB”) u drajv għal ħardisk (((“ĦDD”)) għandhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 8528 71 13 tal-Nomenklatura Magħquda (“NM”), kif ipprovdut fir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1549/2006 (1) u fir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1214/2007 (2) li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, u dan minkejja n-Noti ta’ Spjega għan-Nomenklatura Magħquda (“NSNM”) adottati mill-Kummissjoni Ewropea fis-7 ta’ Mejju 2008 (2008/C113/02) dwar is-subintestatura 8521 90 00 NM u subintestatura 8528 71 13 NM?
(2)
F’każ li STB bi ĦDD bi speċifikazzjoni STB-ĦDD kellha tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 8521 90 00, l-applikazzjoni ta’ rata pożittiva ta’ dazju tad-dwana hija, minħabba ksur tal-obbligi tal-Komunità taħt il-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informatika u l-Artikolu II:1(b) tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (GATT 1994), illegali skont id-dritt Komunitarju, jew klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8521 twassal għall-konklużjoni li l-prodott inkwistjoni jaqa’ lil hinn mill-kamp tal-applikazzjoni tal-parti rilevanti tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994?
(3)
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(5)(a)(i) għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-informazzjoni li torbot dwar it-tariffa (“ITT”) tat-8 ta’ April 2005, u li fuqha Pace plc tibbaża ruħha, awtomatikament ġiet invalida wara l-31 ta’ Diċembru 2006 minħabba l-fatt illi ma baqgħetx konformi mal-liġi stabbilita mir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1549/2006? B’mod partikolari, l-Artikolu 12(5)(a)(i) għandu jiġi interpretat fis-sens li r-Regolament Nru 1549/2006 ma jaqax fil-kunċett ta’ “regolament” għal finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jew għaliex huwa aġġornament annwali tan-NM, jew għaliex mhuwiex regolament ta’ klassifikazzjoni speċifika?
(4)
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(6) tal-Kodiċi tad-Dwana għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta jsir aġġornament annwali tan-NM li ma jinkludix it-tul ta’ terminu ta’ grazzja għad-detenturi tal-ITT, id-detenturi tal-ITT jitilfu d-dritt għal terminu ta’ grazzja jew jistgħu, abbażi tal-prinċipju tal-aspettativi leġittimi, jużaw is-solitu terminu ta’ grazzja ta’ sitt xhur fir-rigward tar-regolamenti ta’ klassifikazzjoni tal-Kummissjoni?
(1) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006 tas-17 Ottubru 2006 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni tad-Dwana (ĠU L 301, p.1)
(2) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007 tal-20 ta’ Settembru 2007 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni tad-Dwana (ĠU L 286, p.1)
Full & Egal Universal Law Academy