16.1.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 11/11
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof te Amsterdam (L-Olanda) fid-29 ta’ Lulju 2009 — Il-prosekuzzjoni vs X
(Kawża C-297/07)
2010/C 11/20
Lingwa tal-kawża: L-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Gerechtshof te Amsterdam (Il-Pajjiżi l-Baxxi).
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Il-prosekuzzjoni
Konvenut: X
Domandi preliminari
(1)
Is-sitwazzjoni fejn persuna li hija ċittadina tal-Unjoni Ewropea li kontriha jeżistu suspetti gravi u li l-għan ewlieni tar-residenza tagħha fi Stat Membru tal-Komunità Ewropea li mhuwiex l-Istat taċ-ċittadinanza tagħha huwa biex twettaq attivitajiet kriminali, taqa’ taħt il-qasam jew il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE, b’mod partikolari taħt l-Artikoli 12 KE, 18 KE, 43 KE et seq, u 49 KE et seq tiegħu?
F’każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 18 KE:
2 (a)
Dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 67(2) tal-Kodiċi Olandiż tal-Proċedura Penali, inkwantu din tippermetti d-detenzjoni preventiva ta’ persuni li jaqgħu taħt il-qasam ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18 KE li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza fissa tagħhom fi Stat Membru ieħor barra mill-Olanda, għandha tkun meqjusa bħala restrizzjoni għad-dritt ta’ ċittadin li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament kif previst minn dan l-artikolu?
2 (b)
Jekk dan huwa l-każ, dik id-dispożizzjoni, li tippermetti d-detenzjoni preventiva taċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza fissa tagħhom fi Stat Membru ieħor barra mill-Olanda, minħabba li din ġiet adottata fil-kuntest tal-importanza ta’ traċċi effettivi ta’ suspetti, tal-prosekuzzjoni u tal-ġustizzja, tikkostitwixxi ġustifikazzjoni aċċettabbli bbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali indipendenti miċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati u proporzjonali għall-għan leġittimu li għandu d-dritt nazzjonali?
F’każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv fir-rigward tal-Artikoli 49 KE et seq:
(3)
Dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 67(2) tal-Kodiċi Olandiż tal-Proċedura Penali, inkwantu din tippermetti d-detenzjoni preventiva ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza fissa tagħhom fi Stat Membru ieħor barra mill-Olanda, għandha tkun meqjusa bħala restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi msemmija fl-Artikoli 49 KE et seq, inkwantu tinvolvi diskriminazzjoni bbażata fuq il-fatt li l-fornitur tas-servizzi ma għandux id-domiċilju jew ir-residenza fissa tiegħu fl-Istat tas-servizz, iżda fi Stat Membru ieħor tal-Komunità?
F’każ ta’ risposta negattiva għal waħda mid-domandi 2 u 3:
(4)
Dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 67(2) tal-Kodiċi Olandiż tal-Proċedura Penali, inkwantu din tippermetti d-detenzjoni preventiva ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza fissa tagħhom fi Stat Membru ieħor barra mill-Olanda, għandha tkun meqjusa bħala diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, kif ipprojbita taħt l-Artikoli 12 KE (projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjonijiet fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat), 43 KE et seq (projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet minħabba ċittadinanza fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment) u 49 KE et seq (projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet minħabba ċittadinanza fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi)?
F’każ ta’ risposta affermattiva għal waħda mid-domandi 3 u 4:
(5)
Dispożizzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 67(2) tal-Kodiċi Olandiż tal-Proċedura Penali, li tippermetti d-detenzjoni preventiva ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza fissa tagħhom fi Stat Membru ieħor barra mill-Olanda, tista’, minħabba li din ġiet adottata fil-kuntest tal-importanza ta’ traċċi effettivi ta’ suspetti, tal-prosekuzzjoni u tal-ġustizzja, tkun meqjusa bħala legali għal raġunijiet ta’ ordni pubblika, sigurtà u saħħa pubblika, kif previst mill-Artikoli 45 KE sa 48 KE inkluż, u l-Artikolu 55 KE?
Full & Egal Universal Law Academy