7.11.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 267/38
Appell ippreżentat fil-11 ta’ Awwissu 2009 minn ACEA SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla Estiża) fil-11 ta’ Ġunju 2009 fil-Kawża T-297/02, ACEA SpA vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża C-319/09 P)
2009/C 267/69
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Appellanti: ACEA SpA (rappreżentanti: L. Radicati di Brozolo, A. Giardina u T. Ubaldi, avukati)
Appellati: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ACSM Como SpA, AEM-Azienda Energetica Metropolitana Torino — SPA
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza mogħtija fil-Kawża T-297/02 sa fejn din ma tissanzjonax in-nuqqas ta’ eżami differenzjat tal-każijiet differenti ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin u tikkonferma li l-imsemmija eżenzjoni għandu jkollha l-klassifikazzjoni ġenerali u astratta ta’ għajnuna mill-Istat;
—
tannulla s-sentenza sa fejn din ma tirrikonoxxix fir-rigward tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b) u (v) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 (1);
—
tannulla s-sentenza sa fejn din tikkonferma l-legalità tal-ordni ta’ rkupru previst fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (2);
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi tal-kawża.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka erba’ aggravji tal-appell insostenn tat-talbiet tagħha.
L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE tar-Regolament KE Nru 659/1999, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata fir-rigward tan-nuqqas ta’ eżami differenzjat tal-każijiet differenti ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin prevista fl-Artikolu 3(70) tal-Liġi Nru 549/1995 u fl-Artikolu 66(14) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 331/1993. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi u naqset milli timmotiva d-deċiżjoni tagħha inkwantu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ u tal-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha, hija ma ssanzjonatx in-natura astratta u inkompleta tal-investigazzjoni u l-konklużjonijiet li għalihom waslet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, f’dak li jirrigwarda l-każijiet differenti li fihom l-eżenzjoni fiskali kienet tapplika.
It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-artikolu 87(1) KE, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn din ikkonfermat li l-eżenzjoni għal tliet snin kellu jkollha l-klassifikazzjoni ġenerali u astratta ta’ għajnuna mill-Istat. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod partikolari, ma vverifikatx b’mod korrett iċ-ċirkustanzi tal-każ u l-preżunzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tikklassifika l-miżura inkwistjoni bħala għajnuna, kif kellha tagħmel skont is-setgħa ta’ stħarriġ sħiħ li hija għandha. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, meta ma ntwerietx l-eżistenza ta’ tnejn mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 87(1) KE, tal-inqas f’dak li jirrigwarda ċerti setturi kkonċernati mill-eżenzjoni: il-fatt li l-għajnuna thedded li toħloq distorsjoni għall-kompetizzjoni u li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.
It-tielet aggravju huwa bbażat fuq in-nuqqas u n-natura kontradittorja tal-motivazzjoni, kif ukoll fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 88(1) KE u tal-Artikolu 1(b) u (v) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, inkwantu l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin ġiet ikklassifikata bħala għajnuna ġdida. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ssanzjonatx il-fatt li l-eżenzjoni ma ġietx ikklassifikata bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b) u (v) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, minkejja li mill-kuntest u miċ-ċirkustanzi tal-każ jirriżulta li l-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna ġdida, tal-inqas fir-rigward ta’ ċerti setturi kkonċernati mill-eżenzjoni għal tliet snin, ma kinitx iġġustifikata.
Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-legalità tal-ordni ta’ rkupru previst fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball meta qieset li l-ordni ta’ rkupru previst fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kellu portata ġenerali u ma kien suġġett għal ebda kundizzjoni, meta l-imsemmija deċiżjoni kienet tinkludi biss evalwazzjoni astratta, ġenerika u inkompleta tal-eżenzjoni mit-taxxa.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu tat-Trattat KE (ĠU 1999 L 83, p. 1).
(2) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/193/KE, tal-5 ta’ Ġunju 2002, dwar għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u self b’kundizzjonijiet preferenzjali mogħtija mill-Italja lil impriżi tas-servizz pubbliku b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, pubbliku (ĠU 2003, L 77, p. 2).
Full & Egal Universal Law Academy