7.11.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 267/40
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division fit-12 ta’ Awwissu 2009 — L'Oréal SA, Lancôme parfums et beauté & Cie SNC, Laboratoire Garnier & Cie, L’Oréal (UK) Limited vs eBay International AG, eBay Europe SARL, eBay (UK) Limited, Stephan Potts, Tracy Ratchford, Marie Ormsby, James Clarke, Joanna Clarke, Glen Fox, Rukhsana Bi
(Kawża C-324/09)
2009/C 267/71
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Qorti tar-rinviju
High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division.
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: L’Oréal SA, Lancôme parfums et beauté & Cie SNC, Laboratoire Garnier & Cie, L’Oréal (UK) Limited
Konvenuti: eBay International AG, eBay Europe SARL, eBay (UK) Limited, Stephan Potts, Tracy Ratchford, Marie Ormsby, James Clarke, Joanna Clarke, Glen Fox, Rukhsana Bi
Domandi preliminari
1)
Il-provvista b’xejn, lid-distributuri awtorizzati tal-proprjetarju tat-trade mark, ta’ fwieħa u kożmetiċi (jiġifieri kampjuni użati sabiex jiġu murija prodotti lill-konsumaturi fil-ħwienet) u kampjuni fil-forma ta’ fliexken (jiġifieri kontenituri li minnhom ikunu jistgħu jittieħdu kwantitajiet żgħar sabiex jingħataw lill-konsumaturi bħala kampjuni b’xejn), li mhumiex intiżi għall-bejgħ lill-konsumaturi (u spiss ikollhom miktub “mhux għall-bejgħ” jew “mhux għal bejgħ individwali”), dawn il-prodotti jikkostitwixxu “[tqegħid fis-suq]” skont is-sens tal-Artikolu 7(1) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE (1) tal-21 ta’ Diċembru 1988 (“id-Direttiva dwar it-trade marks”) u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill 40/94 (2) tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (“ir-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja”)?
2)
Meta l-imballaġġ (jew imballaġġ estern ieħor) ikunu tneħħew mill-fwejjaħ u kożmetiċi mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark, dan jikkostitwixxi “raġuni leġittima” sabiex il-proprjetarju ta’ trade mark jopponi li tkompli l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti maħruġin mill-imballaġġ skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar it-trade marks u l-Artikolu 13(2) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja?
3)
Ir-risposta għat-tieni domanda tagħmel differenza jekk:
a)
bħala riżultat tat-tneħħija tal-imballaġġ (jew imballaġġ estern ieħor), il-prodotti mingħajr imballaġġ ma jkollhomx l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE (3) tas-27 ta’ Lulju 1976 (“id-Direttiva dwar il-prodotti kożmetiċi”), u b’mod partikolari m’għandhomx fuqhom il-lista ta’ ingredjenti jew “data ta’ skadenza”?
b)
bħala riżultat tan-nuqqas ta’ din l-informazzjoni, l-offerta għall-bejgħ jew il-bejgħ tal-prodotti mingħajr imballaġġ jikkostitwixxi reat skont il-liġi tal-Istat Membru tal-Komunità fejn huma offerti għall-bejgħ jew mibjugħin minn terzi?
4)
Ir-risposta għat-tieni domanda iktar ’il fuq tagħmel differenza jekk it-tkomplija tal-kummerċjalizzazzjoni tikkawża dannu, jew hemm probabbiltà li tikkawża dannu, għall-immaġni tal-prodotti u għalhekk għar-reputazzjoni tat-trade mark? Jekk ikun il-każ, dan l-effett għandu jiġi preżunt, jew huwa meħtieġ li jiġi ppruvat mill-proprjetarju tat-trade mark?
5)
Fejn kummerjċant li jopera fuq suq online jixtri l-użu ta’ sinjal li huwa identiku għal trade mark irreġistrata bħala terminu prinċipali għar-riċerka, mingħand operatur ta’ mutur tar-riċerka, b’mod li s-sinjal huwa muri lil utenti mill-mutur tar-riċerka f’link sponsorizzat għas-sit tal-operatur tas-suq online, il-wiri tas-sinjal fil-link sponsorizzat jikkostitwixxi “użu” tas-sinjal fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva dwar it-trade marks u l-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja?
6)
Meta l-ikklikkjar fuq il-link sponsorizzat imsemmi fil-ħames domanda iktar ’il fuq iwassal lil utent direttament għal reklami jew offerti għall-bejgħ ta’ prodotti identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark hija rreġistrata taħt is-sinjal impoġġi fuq is-sit minn terzi, li uħud minnhom jiksru t-trade mark u uħud minnhom ma jiksrux it-trade mark minħabba l-istatus differenti tal-prodotti rispettivi, dan jikkostitwixxi użu tas-sinjal mill-operatur tas-suq online “fejn għandhom x’jaqsmu” mal-prodotti li jiksru t-trade mark skont is-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva dwar it-trade marks u l-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja?
7)
Meta l-prodotti rreklamati u offerti għall-bejgħ fuq is-sit imsemmija fis-sitt domanda iktar ’il fuq ikunu jinkludu prodotti li ma jkunux tqiegħdu fuq is-suq fiż-ŻEE minn jew bil-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark, huwa biżżejjed għal użu bħal dan li jaqa’ fil-marġni tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva dwar it-trade marks u l-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja u barra mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar it-trade marks u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, b’mod li r-reklamar jew offerta għal bejgħ ikunu diretti lejn konsumaturi fit-territorju kopert mit-trade mark jew għandu l-proprjetarju tat-trade mark juri li r-reklam jew l-offerta għal bejgħ neċessarjament tfisser li jitqiegħdu l-prodotti inkwistjoni fis-suq fit-territorju kopert mit-trade mark?
8)
Ir-risposti għall-ħames, is-sitt u s-seba’ domandi iktar ’il fuq jagħmlu differenza jekk l-użu li jilmenta dwaru l-proprjetarju tat-trade mark jikkonsisti fil-wiri tas-sinjal fuq is-sit tal-operatur tas-suq online stess minflok fil-link sponsorizzat?
9)
Sabiex tali użu jaqa’ fil-marġni tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva dwar it-trade marks u l-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja u barra mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar it-trade marks u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, ikun biżżejjed li r-reklam jew l-offerta għal bejgħ ikunu diretti lejn konsumaturi fit-territorju kopert mit-trade mark:
a)
tali użu jikkonsisti fi jew jinkludi “iż-żamma ta’ informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz” fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku?
b)
jekk l-użu ma jikkonsistix esklussivament f’attivitajiet li jaqgħu fil-marġni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, imma jinkludi dawn l-attivitajiet, l-operatur tas-suq online huwa eżenti mir-responsabbiltà sa fejn l-użu jikkonsisti f’dawn l-attivitajiet u, jekk ikun il-każ, jistgħu jitħallsu danni jew rimedji oħra finanzjarji fir-rigward ta’ dan l-użu sakemm ma jkunx eżenti mir-responsabbiltà?
c)
f’ċirkustanzi fejn l-operatur tas-suq online ikun jaf li prodotti ġew irreklamati, offerti għall-bejgħ u mibjugħin fuq is-sit tiegħu bi ksur tat-trade marks reġistrati, u li l-ksur ta’ tali trade marks irreġistrati huwa probabbli li jkompli jsir permezz ta’ reklam, offerta għall-bejgħ u bejgħ tal-istess prodotti jew prodotti simili mill-istess utenti jew utenti differenti tas-sit, dan jikkostitwixxi “tagħrif” jew “[kuxjenza]” fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku?
10)
Fejn is-servizzi ta’ intermedjarju bħal operatur ta’ sit ikunu ġew użati minn terza persuna sabiex jiksru trade mark reġistrata, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (“id-Direttiva fuq l-infurzar tad-drittijiet”) jeħtieġ l-Istati Membri jiżguraw li l-proprjetarju tat-trade mark ikun jista’ jikseb ordni kontra l-intermedjarju sabiex jimpedixxi iktar ksur tal-imsemmija trade mark, meta mqabbel mal-kontinwazzjoni ta’ dak l-att speċifiku ta’ ksur, u jekk ikun il-każ x’inhi l-portata tal-ordni li għandha ssir disponibbli?
(1) L-ewwel Direttiva tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks ĠU L 40, p. 1
(2) ĠU L 11, p. 1
(3) Direttiva tal-Kunsill, tas-27 ta’ Lulju 1976, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti kosmetiċi ĠU L 262, p. 169
(4) ĠU L 157, p. 45
Full & Egal Universal Law Academy