24.10.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 256/13
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (Ir-Renju Unit) fit-12 ta’ Awissu 2009 — Secretary of State for the Home Department vs Maria Dias
(Kawża C-325/09)
2009/C 256/26
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Qorti tar-rinviju
Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) — Ir-Renju Unit.
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Secretary of State for the Home Department (Ministru tal-Intern tar-Renju Unit).
Konvenuta: Maria Dias.
Domandi preliminari
(1)
Ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jinsab fi Stat Membru li tiegħu huwa m’għandux in-nazzjonalità u li kellu, qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE (1), permess għal residenza maħruġ b’mod validu skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 68/360/KEE (2), iżda li, għal perijodu ta’ żmien matul il-validità ta’ dan il-permess, dan kien volontarjament bla xogħol, inkapaċi li jmantni lilu nnifsu u ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex ikun jista’ jibbenefika minn tali permess, jibqa’ matul dan il-perijodu, abbażi tal-permess għal residenza tiegħu biss, individwu li “għex legalment” fl-Istat Membru ospitanti għall-finijiet tal-ksib sussegwenti ta’ permess għal residenza permanenti taħt l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38?
(2)
Jekk il-fatt li għex legalment bħala ħaddiem matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin qabel it-30 ta’ April 2006 [fit-territorju ta’ Stat Membru ospitanti] ma jwassalx għad-dritt ta’ residenza permanenti stabbilit mill-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, din ir-residenza kontinwa bħala ħaddiem toħloq dritt ta’ residenza permanenti li jirriżulta direttament mill-Artikolu 18(1) KE minħabba li hemm lakuna fid-Direttiva?
(1) Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, p. 77).
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom (ĠU L 257, p. 13).
Full & Egal Universal Law Academy