19.12.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 312/10
Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Awwissu 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika tal-Polonja
(Kawża C-331/09)
2009/C 312/17
Lingwa tal-kawża: Il-Pollakk
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: K. Gross u A. Stobiecka-Kuik, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja
Talbiet
—
tiddikkjara li, billi naqset mill-obbligi tagħha taħt id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar għajnuna mill-Istat C 23/06 (ex NN 35/06) li l-Polonja kienet implementat għall-produttur tal-azzar Technologie Buczek Group (innotifikata taħt in-numru C(2007) 5087), ippubblikata fil-ĠU 2008 L 116, p. 26, u fi kwalunkwe każ billi ma infurmatx lill-Kummissjoni bl-osservanza ta’ dawk l-obbligi, ir-Repubblika tal-Polonja kisret ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE u l-Artikoli 3, 4 u 5 tad-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq;
—
tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni adottat, fit-23 ta’ Ottubru 2007, deċiżjoni li tordna r-rimbors ta’ għajnuna mill-grupp Pollakk li jipproduċi l-azzar Technoloġie Buczek, b’mod partikolari mingħand Technologie Buczek SA (‘TB’) u s-sussidjarji tagħha: Huta Buczek (‘HB’) u Buczek Automotive (‘BA’), li attwat illegalment pjan ta’ ristrutturazzjoni li kien ġie preċedentement ikkonfermat u sussegwentement irċieva għajnuna operattiva illegali. Dik l-għajnuna operattiva ħadet il-forma ta’ eċċezzjoni mill-obbligi taħt id-dritt pubbliku. Ir-Repubblika tal-Polonja ġiet innotifikata bid-deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2007 permezz tar-Rappreżentant Permanenti tagħha għall-Unjoni Ewropea. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika tal-Polonja tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura r-rimbors tal-għajnuna li ingħatat illegalment.
Fid-data meta tressaq ir-rikors, l-għajnuna mogħtija lil HB u BA ma kinitx għadha ġiet irrimborsata.
Skont l-awtoritajiet Pollakki, minbarra ostakoli ta’ natura purament teknika, ir-raġuni għad-dewmien sinjifikattiv sabiex tiġi rimborsata l-għajnuna hija minħabba l-liġi Pollakka dwar il-falliment. L-awtoritajiet Pollakki spjegaw li l-għajnuna mill-Istat msemmija fid-deċiżjoni ħadet il-forma ta’ eżenzjoni għal TB mill-obbligi tagħha minkejja li fir-realtà kienu s-sussidjarji tagħha li bbenefikaw mill-għajnuna. F’dik is-sitwazzjoni TB kienet formalment responsabbli għall-obbligi kollha, inkluż l-ammonti li kellhom jinġabru mingħand HB u BA. Id-dispożizzjonijiet tal-liġi Pollakka allegatament jagħmluha impossibbli li jiġu kkanċellati dawn l-ispejjeż, bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-każijiet li jikkonċernaw ‘impossibbiltà kompleta’. Barra minn dan, jekk dawn l-allegazzjonijiet jiġu nnotifikati, l-istralċatarju li jkun qiegħed jamministra l-falliment ta’ TB huwa obbligat iħallas dawn l-ispejjeż, inkluż dawk l-ispejjeż li għandhom jinġabru mingħand is-sussidjarji. Barra minn dan, jekk dawk l-ispejjeż jinġabru jkun hemm bażi legali sabiex dawk l-istess ammonti jinġabru mingħand HB u BA.
Il-Kummissjoni, madankollu, hija tal-fehma li mhuwiex biżżejjed li r-Repubblika tal-Polonja użat il-miżuri kollha possibbli għaliha. L-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri għandha tirriżulta fl-implementazzjoni effettiva u immedjata tad-deċiżjoni, għax inkella jkun neċessarju li jkun hemm preżunzjoni li r-Repubblika tal-Polonja ma osservatx l-obbligi tagħha. Ikun hemm ksur tal-obbligu tal-Istat Membru li jiġbor lura l-ħlas meta l-miżuri adottati minn dak l-Istat Membru ma kellhom ebda effett fuq ir-rimbors effettiv tal-ammont partikolari.
Full & Egal Universal Law Academy