21.11.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 282/24
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Unabhängigen Verwaltungssenat Wien (l-Awstrija) fl-24 ta’ Awwissu 2009 — Yellow Cab Verkehrsbetriebs GmbH
(Kawża C-338/09)
2009/C 282/42
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Unabhängiger Verwaltungssenat Wien
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Yellow Cab Verkehrsbetriebs GmbH
Konvenut: Magistrat der Stadt Wien
Domandi preliminari
(1)
Huwa kompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment u mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 49 KE et seq. u mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 81 KE et seq. li dispożizzjoni f’liġi nazzjonali dwar l-għoti ta’ konċessjoni għall-esplojtazzjoni ta’ servizz b’vettura bil-mutur, u għalhekk għall-provvista ta’ trasport pubbliku, fejn il-postijiet ta’ waqfien ikunu stabbiliti u jkunu moqdija b’mod regolari skont orarju stabbilit, tistabbilixxi dawn il-kundizzjonijiet bħala kundizzjonijiet għall-għoti ta’ din il-konċessjoni:
(a)
li l-impriża mill-UE li tkun qiegħda tapplika jkollha uffiċċju rreġistrat jew fergħa fl-Istat tal-awtorità konċedenti qabel tibda topera s-servizz u b’mod partikolari fil-mument meta tingħata l-konċessjoni;
(b)
li l-impriża mill-UE li tkun qiegħda tapplika jkollha uffiċċju rreġistrat jew fergħa fl-Istat tal-awtorità konċedenti sa mhux iktar tard minn meta tibda topera s-servizz?
(2)
Huwa kompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment u mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 49 KE et seq. u mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 81 KE et seq. li dispożizzjoni f’liġi nazzjonali dwar l-għoti ta’ konċessjoni għall-esplojtazzjoni ta’ servizz b’vettura bil-mutur, u għalhekk għall-provvista ta’ trasport pubbliku, fejn il-postijiet ta’ waqfien ikunu stabbiliti u jkunu moqdija b’mod regolari skont orarju stabbilit, tipprovdi li l-konċessjoni ma għandhiex tingħata meta, la darba jibda jopera s-servizz b’vettura bil-mutur li għalih tkun saret applikazzjoni, id-dħul ta’ impriża kompetitriċi li topera rotta qasira li tkun parzjalment jew kompletament identika jonqos b’mod tant sostanzjali minħabba dan is-servizz li t-tkomplija tas-servizz operat mill-impriża kompetitriċi ma tibqax ekonomikament vijabbli?
Full & Egal Universal Law Academy