7.11.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 267/42
Appell ippreżentat fil-21 ta’ Awissu 2009 minn Acegas-APS SpA, preċedentement Acqua, Elettricità, Gas e servizi SpA (Acegas) mis-sentenza mogħtija mit-Tribunal tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla Estiża) fil-11 ta’ Ġunju 2009 fil-Kawża T-309/02, Acegas vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-341/09 P)
2009/C 267/74
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Appellanti: Acegas-APS SpA, preċedentement Acqua, Elettricità, Gas e servizi SpA (Acegas) (rappreżentanti: F. Ferletic u F. Spitaleri, avvocati, L. Daniele, professore)
Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Kawża T-309/02, ACEGAS APS vs Il-Kummissjoni, u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu tar-rikors;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għad-drittijiet u l-ispejjeż tal-kawża ta’ annullament u tirriżerva d-deċiżjoni dwar id-drittijiet u l-ispejjeż tal-kawża tal-ewwel istanza;
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-kawża qegħda fi stat li jippermettilha tiddeċiedi hija l-mertu tal-kawża,
—
tannulla totalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/193/KE (1), tal-5 ta’ Ġunju 2002, dwar għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u self b’kundizzjonijiet preferenzjali mogħtija mill-Italja lil impriżi tas-servizz pubbliku b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, pubbliku;
—
sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn timponi fuq l-Istat Taljan li jirkupra l-għajnuna mogħtija mingħand il-benefiċjarji;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunità Europea għall-ħlas tad-drittijiet u l-ispejjeż ta’ din il-kawża u tal-kawża tal-ewwel istanza.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-ewwel aggravju: ksur tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE — Esklużjoni tal-interess individuali ta’ ACEGAS-APS minħabba elementi ta’ fatt żbaljati u irrilevanti.
ACEGAS-APS issostni li l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar skemi ta’ għajnuna għal żewġ kundizzjonijiet: ir-rikorrent għandu jkun benefiċjarju effettiv tal-għajnuna mogħtija bis-saħħa tal-iskema li tkun is-suġġett tad-deċiżjoni; id-deċiżjoni għandha tinkludi ordni ta’ rkupru tal-għajnuna. ACEGAS-APS tosserva li f’dan il-każ iż-żewġ kundizzjonijiet kienu sodisfatti. Għaldaqstant il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta ddikjarat ir-rikors bħala inammissibbli, billi rreferiet għal fatti żbaljati, irrilevanti u li ma jidħlux fil-kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza.
It-tieni aggravju: ksur tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE — Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-interess individwali tar-rikorrenti, teħid inkunsiderazzjoni b’mod żbaljat ta’ fatti u ċirkustanzi li seħħew wara d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni
ACEGAS-APS issostni li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-interess ġuridiku għandhom ikunu jeżistu fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk żbaljat meta eskludiet l-interess ġuridiku individwali ta’ ACEGAS-APS, billi bbażat ruħha fuq fatti sussegwenti li jikkonċernaw il-proċedura mibdija mill-awtoritajiet kompetenti Taljani għall-irkupru tal-għajnuna allegatament mogħtija.
It-tielet aggravju: ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti — ksur tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li jikkawża preġudizzju għall-interessi tar-rikorrenti — żnaturament tal-provi — nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti u kontradittorja
Matul il-proċedura fl-ewwel istanza, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żewġ mistoqsijiet bil-miktub lil ACEGAS-APS u lir-Repubblika Taljana rispettivament, li permezz tagħhom talbet l-ammont tal-allegata għajnuna li rċeviet ir-rikorrenti. Billi għamlet dawn il-mistoqsijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ ACEGAS-APS. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-kontenut tat-tweġibiet mogħtija, li kienu jikkonfermaw li r-rikorrenti kienet “benefiċjarja effettiva” tal-iskema ta’ eżenzjoni IRPEG ikkontestata mill-Kummissjoni.
(1) ĠU 2003, L 77, p. 21.
Full & Egal Universal Law Academy