7.11.2009
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 267/43
Appell ippreżentat fis-26 ta’ Awwissu 2009 minn Victor Guedes — Indústria e Comércio, SA kontra s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla) fil-11 ta’ Ġunju 2009 fil-Kawża T-151/08: Guedes — Indústria e Comércio vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Consorci de l’Espai Rural de Gallecs
(Kawża C-342/09 P)
2009/C 267/75
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Appellant: Victor Guedes — Indústria e Comércio, SA (rappreżentanti: B. Braga da Cruz, avukat)
Partijiet l-oħra fil-proċeduri: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Consorci de l’Espai Rural de Gallecs
Talbiet tal-appellant
L-appellanti jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 2009 tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-Kawża T-151/08 (deċiżjonijiet relatati: deċiżjoni tas-16 ta’ Jannar 2008 mogħtija fil-Każ R 986/2007-2 mit-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern; deċiżjoni tas-27 ta’ April 2007 tad-Dipartiment tat-Trade Marks tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern rigward il-Proċedimenti ta’ Oppożizzjoni Nru B 828 634), u skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt Komunitarju;
—
tirrifjuta li titħalla r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 3 710 597 fir-rigward tal-prodotti fil-klassijiet 29 u 31;
—
tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Fid-deċiżjoni mogħtija mid-Dipartiment tat-Trade Marks tal-UASI ġie meqjus li wħud mill-prodotti inkwistjoni huma identiċi jew manifestament jixxiebhu, iżda ġie ddikjarat li t-trade marks kunfliġġenti huma distinti, mingħajr ma ġiet stabbilita r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti “GALLO”.
It-Tieni Bord tal-Appell mexa fuq din il-konklużjoni, filwaqt li sostna li għalkemm kien hemm prova tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti “GALLO”, it-trade marks inkwistjoni kienu distinti.
Il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej qablet mad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għal dak li jirrigwarda l-fatt li t-trade marks inkwistjoni fihom differenzi mill-aspetti fonetiċi, grafiċi u kunċettwali.
L-appellant ma jaqbilx ma’ din il-konklużjoni, peress li jikkunsidra li t-trade marks GALLO u GALLECS jindikaw prodotti li huma identiċi jew li manifestament jixxiebhu u huma simili.
Fil-fatt, jeżistu diversi deċiżjonijiet tal-qrati Komunitarji fejn huwa stabbilit li trade marks li għandhom l-istess elementi inizjali joħolqu konfużjoni minħabba x-xebh tagħhom u għaldaqstant, ma jistgħux jeżistu flimkien fis-suq.
Barra minn hekk, ġie kkunsidrat u rikonoxxut li t-trade mark GALLO għandha reputazzjoni, li fil-Portugall tirrendi lit-trade mark preċedenti iktar distintiva.
Għaldaqstant, hemm possibbiltà vera li l-appellat jieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti Portugiża tal-appellant “GALLO”.
L-appellant, għalhekk, isostni li s-sentenza appellata tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja.
Full & Egal Universal Law Academy